Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-baġit tal-UE: il-Politika Agrikola Komuni wara l-2020

Brussell, I-1ta' gunju 2018

Għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE 2021-2027, il-Kummissjoni qed tipproponi li timmodernizza u tissimplifika l-Politika Agrikola Komuni (PAK).

Dawn il-proposti, li għandhom baġit ta' EUR 365 biljun, jiżguraw li l-PAK tibqa' politika li tibqa' valida fil-futur, tkompli tappoġġja lill-bdiewa u lill-komunitajiet rurali, tkun fuq quddiem fl-iżvilupp rurali tal-agrikoltura tal-UE u tirrifletti l-ambizzjoni tal-UE fis-setturi tal-kura ambjentali u tal-azzjoni klimatika. Il-proposti tal-lum jagħtu aktar flessibbiltà u responsabbiltà lill-Istati Membri biex jagħżlu kif u fejn jinvestu l-finanzjament tal-PAK tagħhom biex jilħqu l-għanijiet ambizzjużi stabbiliti fil-livell tal-UE lejn settur agrikolu intelliġenti, reżiljenti, sostenibbli u kompetittiv, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw appoġġ ġust u li hu mmirat aħjar għall-introjtu tal-bdiewa.

Jyrki Katainen, il-Viċi President responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività qal: "Il-Politika Agrikola Komuni hi waħda mill-politiki ewlenin tagħna u taffettwa l-ħajjiet tal-Ewropej kollha. Dawn il-proposti sodi se jikkontribwixxu għall-kompetittività tas-settur agrikolu, filwaqt li fl-istess ħin isaħħu s-sostenibbiltà tagħha. Bil-mudell tal-implimentazzjoni l-ġdid aħna nipprovdu aktar sussidjarjetà lill-Istati Membri sabiex intejbu l-effettività tal-politika u biex nimmonitorjaw aħjar ir-riżultati tagħha."

Phil Hogan, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, qal: "Il-proposti tal-lum iwettqu l-impenn tal-Kummissjoni biex timmodernizza u tissimplifika l-Politika Agrikola Komuni; dan jagħti sussidjarjetà ġenwina lill-Istati Membri; jiżgura settur agrikolu aktar reżiljenti fl-Ewropa; u jżid l-ambizzjoni ambjentali u klimatika tal-politika."

Il-karatteristiċi ewlenin tal-proposti tal-Kummissjoni għal PAK modernizzata u simplifikata huma:

1. Mod ġdid ta' ħidma: l-Istati Membri se jkollhom aktar flessibbiltà fl-użu tal-allokazzjonijiet ta' finanzjament tagħhom, u dan se jippermittilhom ifasslu programmi magħmula apposta li jirrispondu b'mod aktar effettiv għat-tħassib tal-bdiewa u tal-komunitajiet rurali usa' tagħhom. L-Istati Membri se jkollhom ukoll l-opzjoni li jittrasferixxu sa 15% tal-allokazzjonijiet tal-PAK tagħhom bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali u viċi versa biex jiżguraw li l-prijoritajiet u l-miżuri tagħhom ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati. Se jkunu żgurati opportunitajiet indaqs fost l-Istati Membri permezz ta':

  • Pjanijiet Strateġiċi li jkopru l-perjodu kollu, u li jistabbilixxu kif kull Stat Membru beħsiebu jilħaq id-9 objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-UE, kemm bl-użu tal-pagamenti diretti kif ukoll bl-iżvilupp rurali. Il-Kummissjoni se tapprova kull pjan biex tiżgura l-konsistenza u l-protezzjoni tas-suq uniku;
  • Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib il-prestazzjoni u l-progress ta' kull pajjiż lejn il-miri maqbula.

2. Ftehim aktar ġust permezz ta' appoġġ immirat aħjar: il-pagamenti diretti se jibqgħu parti essenzjali tal-politika, u se jiżguraw stabbilità u previdibbiltà għall-bdiewa. Se tingħata prijorità lill-appoġġ tal-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju li jikkostitwixxu l-maġġoranza tas-settur tal-biedja tal-UE, u lill-għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata lejn il-kisba ta' distribuzzjoni aktar ġusta tal-pagamenti diretti fost l-Istati Membri permezz tal-konverġenza esterna.

Barra minn hekk:

  • Il-pagamenti diretti lill-bdiewa se jitnaqqsu minn EUR 60,000 u se jkunu limitati għall-pagamenti ta' aktar minn EUR 100,000 għal kull azjenda agrikola. Il-forza tax-xogħol se titqies bis-sħiħ. Dan hu maħsub biex jiżgura distribuzzjoni ġusta tal-pagamenti;
  • L-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju se jirċievu livell ogħla ta' appoġġ għal kull ettaru;
  • Il-pajjiżi se jkollhom iwarrbu tal-inqas 2% tal-allokazzjoni tal-pagamenti diretti tagħhom biex jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ jistabbilixxu ruħhom. Dan se jkun ikkumplimentat mill-appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp rurali u miżuri differenti li jiffaċilitaw l-aċċess għall-art u t-trasferiment tal-art.

3. Ambizzjonijiet ogħla fl-azzjoni ambjentali u klimatika: it-tibdil fil-klima, ir-riżorsi naturali, il-bijodiversità, il-ħabitats u l-pajsaġġi huma kollha indirizzati fl-objettivi mal-UE kollha proposti llum. L-appoġġ għall-introjtu tal-bdiewa diġà hu marbut mal-applikazzjoni ta' prattiki ambjentali u ekoloġiċi u l-PAK il-ġdida se teħtieġ li l-bdiewa jiksbu livell ogħla ta' ambizzjoni permezz ta' miżuri obbligatorji u bbażati fuq l-inċentivi.

  • Il-pagamenti diretti se jkunu kundizzjonali fuq rekwiżiti ambjentali u klimatiċi msaħħa;
  • Kull Stat Membru se jkollu joffri ekoskemi biex jappoġġja lill-bdiewa meta jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji, iffinanzjati b'sehem mill-allokazzjonijiet nazzjonali tal-pagamenti diretti tagħhom;
  • Tal-inqas 30% ta' kull allokazzjoni nazzjonali tal-iżvilupp rurali se jkun iddedikat għall-miżuri ambjentali u klimatiċi;
  • Hu mistenni li 40% tal-baġit globali tal-PAK jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika;
  • Barra mill-possibbiltà tat-trasferiment ta' 15% bejn il-pilastri, l-Istati Membri se jkollhom ukoll il-possibbiltà li jittrasferixxu 15% addizzjonali mill-Pilastru 1 għall-Pilastru 2 biex jintefqu fuq miżuri dwar il-klima u l-ambjent (mingħajr il-kofinanzjament nazzjonali).

4. Użu akbar tal-għarfien u tal-innovazzjoni: il-PAK modernizzata se tgawdi l-vantaġġi tat-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet l-aktar reċenti kollha, u b'hekk se tgħin kemm lill-bdiewa fil-prattika kif ukoll lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, primarjament permezz ta':

  • Baġit ta' EUR 10 biljun mill-programm ta' riċerka tal-UE Orizzont Ewropa li se jitwarrbu għall-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni fis-setturi tal-ikel, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-bijoekonomija;
  • L-inkoraġġiment biex l-Istati Membri jużaw il-big data u t-teknoloġiji ġodda għall-kontrolli u l-monitoraġġ (pereżempju, il-verifika tad-daqsijiet tal-azjendi agrikoli għat-talbiet tal-pagamenti diretti bl-użu tad-data tas-satellita), u b'hekk inaqqsu b'mod sinifikanti l-bżonn tal-kontrolli fuq il-post;
  • L-avvanz tad-diġitalizzazzjoni tal-ħajja rurali permezz tal-estensjoni tal-aċċess tal-broadband fir-reġjuni rurali, biex b'hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja f'dawn ir-reġjuni b'kontribut lejn il-kompetittività tal-produzzjoni agrikola Ewropea.

Il-passi li jmiss

Ftehim rapidu dwar il-baġit fit-tul kumplessiv tal-UE u l-proposti settorjali tiegħu hu essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jibdew iwasslu għal riżultati konkreti malajr kemm jista' jkun u li l-bdiewa jingħataw iċ-ċertezza u l-previdibbiltà meħtieġa għad-deċiżjonijiet kummerċjali u ta' investiment tagħhom.

Ċirkustanzi ta' dewmien simili għal dawk esperjenzati fil-bidu tal-perjodu baġitarju attwali 2014-2020 potenzjalment jistgħu jfissru li l-bdiewa u l-amministrazzjonijiet nazzjonali ma jibbenefikawx mill-burokrazija mnaqqsa, il-flessibbiltà akbar u r-riżultati aktar effettivi li se ġġib magħha l-PAK il-ġdida. Kwalunkwe dewmien fl-approvazzjoni tal-baġit tal-futur se jittardja l-bidu ta' eluf ta' proġetti ġodda potenzjali mal-UE kollha mfassla biex jappoġġjaw lill-bdiewa u lill-komunitajiet rurali, u li jindirizzaw kwistjonijiet li jvarjaw mit-tisħiħ tal-protezzjoni ambjentali sa proġetti biex nattiraw bdiewa ġodda.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 jipprovdi għal tranżizzjoni bla xkiel bejn il-baġit fit-tul attwali (2014-2020) u dak ġdid, u jiżgura prevedibbiltà u kontinwità tal-finanzjament għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Għal iktar informazzjoni

L-iskedi ta' informazzjoni u l-proposti leġiżlattivi huma disponibbli hawnhekk

MEMO: Il-Politika Agrikola Komuni wara l-2020

Hawnhekk tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-baġit tal-UE għall-futur

IP/18/3985

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar