Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE: Il-Kummissjoni pproponiet li tirdoppja l-finanzjament tal-programm Erasmus

Brussell, it-30ta' mejju 2018

Fil-baġit tal-UE fit-tul li jmiss għas-snin 2021–2027, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi finanzjament doppju għal Erasmus biex dan jammonta għal EUR 30 biljun.

Il-programm Erasmus diġà jippermetti lil miljuni ta' żgħażagħ Ewropej jistudjaw, jitħarrġu jew jitgħallmu barra minn pajjiżhom filwaqt li jwessgħu l-esperjenza tagħhom u l-għarfien dwar l-Ewropa, u jżidu l-opportunitajiet futuri tagħhom fis-suq tax-xogħol. B'finanzjament irduppjat, dan il-programm se jsir saħansitra aktar effettiv biex jappoġġa l-għanijiet politiċi ewlenin bħat-tiswir ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-identità Ewropea permezz tal-politiċi taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-kultura. 

Jyrki Katainen, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, stqarr: "Irridu nsaħħu lil Erasmus. Għal aktar minn 30 sena, dan kien wieħed mill-aktar programmi importanti għaliex juri lil kulħadd xi tfisser l-integrazzjoni. Huwa proprju s-sugu ta' Ewropa mingħajr fruntieri. Permezz ta' Erasmus nagħtu liż-żgħażagħ tagħna aktar opportunitajiet. Din hija r-raġuni għala aħna qed nipproponu li nirduppjaw il-finanzjament tagħna. Kull ewro li ninvestu f'Erasmus huwa investiment fil-futur tagħna – fil-futur ta' żagħżugħ/a, ta' għalliem/a jew ta' apprendist/a u fil-futur tal-Ewropa. Bħala ex-student tal-Erasmus, jien nitkellem mill-esperjenza tiegħi stess."

Skont Tibor Navracsics, il-Kummissarju tal-UE għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport: “Ninsab tassew kburi li din il-Kummissjoni pproponiet li tirdoppja il-baġit għal Erasmus – dan huwa bil-bosta l-akbar żieda għal kwalunkwe programm fil-baġit tal-UE li pproponejna. Irridu nkunu kuraġġużi. Dan il-programm se jappoġġja l-ambizzjonijiet kbar li għandna biex nagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ, insawru Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u nsaħħu l-identità Ewropea tagħna. Nappella lill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew biex jappoġġjawna u jiżguraw li nkunu nistgħu nibnu futur aħjar għaċ-ċittadini tagħna.”

Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid il-baġit ta' Erasmus għal EUR 30 biljun mill-2027–2021, b'EUR 25,9 biljun għall-edukazzjoni u t-taħriġ, EUR 3,1 biljun għaż-żgħażagħ u EUR 550 miljun għall-isport.

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li:

  • Jiżdied l-għadd ta' benefiċjarji: L-irduppjar tal-baġit tal-programm se jagħmilha possibbli li dan isostni sa 12-il miljun persuna mill-2021 sal-2027 - tliet darbiet aktar milli fil-perjodu ta' finanzjament attwali. Il-benefiċjarji jinkludu it-tfal tal-iskola, l-istudenti tal-edukazzjoni għolja, l-apprendisti, l-għalliema, il-ħarrieġa, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-ħarrieġa tal-isport, kif ukoll l-istudenti f'edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u l-persunal involut fit-tagħlim tal-adulti, inklużi dawk li qed jipparteċipaw f'ErasmusPro.

  • Jinlaħqu persuni minn kull sfond soċjali: Permezz ta' formati ġodda u aċċess aktar faċli għal organizzazzjonijiet iżgħar ta' natura lokali, il-programm il-ġdid se jagħmilha aktar faċli għal dawk li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati biex jipparteċipaw.

  • Jissawru relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja: Se jissaħħu wkoll il-mobbiltà u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, permezz ta' taħlita ta' mobilità virtwali u fiżika.

  • Jkun hemm fokus fuq il-promozzjoni ta' oqsma ta' studju li jħarsu 'l quddiem: Il-programm imsaħħaħ se jagħti aktar attenzjoni lil oqsma ta' studju bħalma huma dawk tal-enerġija rinnovabbli, it-tibdil fil-klima, l-inġinerija ambjentali, l-intelliġenza artifiċjali jew id-disinn.

  • Tiġi promossa identità Ewropea bl-esperjenza tal-ivvjaġġar: L-inizjattiva l-ġdida DiscoverEU se tagħti opportunitajiet liż-żgħażagħ biex jiskopru l-wirt kulturali tal-Ewropa u d-diversità tagħha.

Il-passi li jmiss

Ftehim rapidu dwar il-baġit fit-tul kumplessiv tal-UE, flimkien mal-proposti settorjali tiegħu, huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jibdew iwasslu għal riżultati konkreti malajr kemm jista' jkun.

Id-dewmien jista' jqajjem dubju dwar l-implimentazzjoni tal-ewwel sena tal-programm Erasmus. Dan ikun ifisser li kważi miljun persuna ma jkunux jistgħu jsiefru u li mijiet ta' eluf ta' proġetti ffinanzjati mill-UE fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport ma jkunux jistgħu jibdew fil-ħin.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 ikun jipprovdi għal tranżizzjoni bla xkiel bejn il-baġit fit-tul attwali (2014-2020) u dak ġdid u jkun jiżgura prevedibbiltà u kontinwità tal-finanzjament għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Il-kuntest

Il-proposta għall-programm Erasmus hija parti mill-kapitolu “Ninvestu fin-Nies” tal-proposta tal-baġit fit-tul tal-UEli l-Kummissjoni ppreżentat fit-2 ta' Mejju 2018.

Il-programm attwali Erasmus+ attwali b'baġit ta' EUR 14.7 biljun iservi s-snin 2014-2020. Imwaqqaf fl-1987, il-programm Erasmus s'issa appoġġa aktar minn 9 miljun tifel/tifla tal-iskola, student, apprendist u voluntier.

Għal aktar informazzjoni

Proposti legali u skedi informattivi 

Is-sit web ta' Erasmus

 

 

 

IP/18/3948

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar