Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Plastik li jintuża darba biss: Regoli ġodda tal-UE biex jitnaqqas l-iskart fil-baħar

Brussell, it-28ta' mejju 2018

Bl-ammont dejjem jikber ta' skart tal-plastik li jagħmel il-ħsara fl-oċeani u l-ibħra, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi regoli ġodda għall-UE kollha mmirati għall-għaxar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, li jinsabu ta' spiss fix-xtajtiet u l-ibħra tal-Ewropa, kif ukoll għall-irkaptu tas-sajd mitluf u abbandunat.

F'daqqa dawn jiffurmaw 70 % tal-oġġetti kollha tal-iskart fil-baħar. Ir-regoli l-ġodda huma proporzjonati u mfassla biex jiksbu l-aħjar riżultati. Dan iffiser li se jiġu applikati miżuri differenti għal prodotti differenti. Meta l-alternattivi jkunu disponibbli minnufih u affordabbli, il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mhux se jitħallew jidħlu fis-suq. Għall-prodotti mingħajr alternattivi sempliċi, l-enfasi qiegħda fuq il-limitazzjoni tal-użu tagħhom permezz ta' tnaqqis nazzjonali fil-konsum; rekwiżiti ta' disinn u tikkettar u obbligi ta' mmaniġjar tal-iskart/tindif għall-produtturi. Flimkien, dawn ir-regoli l-ġodda se jqiegħdu lill-Ewropa fuq quddiem nett fi kwistjoni b'implikazzjonijiet globali.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans, responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli, stqarr: “Din il-Kummissoni wiegħdet li tieħu ħsieb il-kwistjonijiet il-kbar u l-bqija tħallihom għall-Istati Membri. Bla dubju, l-iskart tal-plastik hu kwistjoni kbira u jeħtieġ li l-Ewropej jaħdmu flimkien biex jindirizzaw din il-problema għaliex l-iskart tal-plastik jispiċċa fl-arja tagħna, fil-ħamrija tagħna, fl-oċeani tagħna, u fl-ikel tagħna. Il-proposti tal-lum se jnaqqsu l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mill-ixkafef tas-supermarket permezz ta' firxa ta' miżuri. Se nipprojbixxu wħud minn dawn l-oġġetti u nbiddluhom ma' alternattivi iktar ekoloġiċi sabiex in-nies ikunu jistgħu jibqgħu jużaw il-prodotti favoriti tagħhom.”

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, żied: “Il-plastik jista' jkun xi ħaġa vera sabiħa, iżda irridu nużawh b'mod aktar responsabbli. Il-plastik li jintuża darba biss mhuwiex għażla ekonomika jew ambjentali għaqlija, u l-proposta tal-lum se tgħin lin-negozji u lill-konsumaturi biex jimxu lejn alternattivi sostenibbli. Din hija opportunità għall-Ewropa biex tieħu r-rwol ta' mexxej, billi toħloq prodott li d-dinja se tkun qed titlob fl-għexieren ta' snin li ġejjin, u b'hekk tikseb iktar valur ekonomiku mir-riżorsi prezzjużi u limitati tagħna. Il-mira ta' ġbir tagħna għall-fliexken tal-plastik se tgħin ukoll biex jiġu ġġenerati l-volumi meħtieġa għal industrija prosperuża tar-riċiklaġġ tal-plastik.”

Madwar id-dinja, 85 % tal-iskart fil-baħar huwa plastik. Il-plastik saħansitra qed jispiċċa fil-pulmuni u fuq l-imwejjed tal-ikel tal-bnedmin, u dan meta għadna ma nafux x'impatt għandhom il-mikroplastiċi fl-arja, fl-ilma u fl-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem. L-indirizzar tal-problema tal-plastik huwa obbligatorju u jista' jwassal għal opportunitajiet ġodda fl-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ħolqien tax-xogħol.

Il-Kumpaniji se jingħataw vantaġġ kompetittiv: il-fatt li se jkun hemm sensiela ta' regoli għas-suq kollu tal-UE se jagħti spinta lill-kumpaniji Ewropej biex jiżviluppaw ekonomiji ta' skala u jkunu iktar kompetittivi fis-suq globali tal-prodotti sostenibbli li dejjem qed jikber. Permezz tal-istabbiliment ta' sistemi għall-użu mill-ġdid (bħal skemi tar-rimborż tad-depożitu), il-kumpaniji jistgħu jiżguraw provvista stabbli ta' materjal ta' kwalità għolja. F'każijiet oħra, l-inċentiv li jfittxu soluzzjonijiet alternattivi iktar sostenibbli jista' jagħti lill-kumpaniji r-rwol ta' mexxejja fit-teknoloġija meta mqabbla mal-kompetituri globali.

Miżuri differenti għal prodotti differenti

Wara l-azzjonijiet meħuda għall-basktijiet tal-plastik fl-2015, 72 % tal-Ewropej qalu li naqqsu l-użu tagħhom tal-basktijiet tal-plastik (Ewrobarometru). L-UE issa qed tiffoka fuq l-aktar għaxar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-irkaptu tas-sajd, li flimkien jammontaw għal 70 % tal-iskart fil-baħar fl-Ewropa. Ir-regoli l-ġodda se jintroduċu:

  • Projbizzjoni tal-plastik f'ċerti prodotti: Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss se jiġu pprojbiti mis-suq jekk jeżistu alternattivi disponibbli minnufih u affordabbli. Il-projbizzjoni se tapplika għal stikek tal-cotton buds, pożati, platti, straws, stikek li jintużaw biex iħawdu x-xorb u stikek tal-bżieżaq, kollha magħmulin mill-plastik, li minflok se jkollhom isiru kollha esklussivament minn materjali sostenibbli. Il-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss, magħmula mill-plastik, se jkunu permessi biss fis-suq jekk it-tappijiet u l-għotjien tagħhom jibqgħu mwaħħlin;
  • Miri għat-tnaqqis fil-konsum: L-Istati Membri se jkollhom inaqqsu l-użu tal-kontejners tal-ikel u t-tazzi tax-xorb magħmulin mill-plastik.Jistgħu jagħmlu dan billi jistabbilixxu miri ta' tnaqqis nazzjonali, jagħmlu disponibbli prodotti alternattivi fil-punti tal-bejgħ, jew jiżguraw li l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss ma jingħatawx b'xejn;
  • Obbligi għall-produtturi: Il-produtturi se jgħinu biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart u t-tindif, kif ukoll tal-miżuri ta' sensibilizzazzjoni għall-kontenituri tal-ikel, il-pakketti u l-boroż (bħal dawk għall-krisps u l-ħelu), il-kontenituri u t-tazzi tax-xorb, il-prodotti tat-tabakk bil-filtri (bħal-loqom tas-sigaretti), il-wet wipes, il-bżieżaq, u l-basktijiet tal-plastik ħfief. L-industrija se tingħata wkoll inċentivi biex tiżviluppa alternattivi għal dawn il-prodotti li jniġġsu anqas;
  • Miri ta' ġbir: L-Istati Membri se jkunu obbligati li sal-2025 jiġbru 90 % tal-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss, pereżempju permezz ta' skemi tar-rimborż tad-depożitu;
  • Rekwiżiti tat-tikkettar: Uħud mill-prodotti se jkunu jeħtieġu tikkettar ċar u standardizzat li jindika kif għandu jintrema l-iskart, l-impatt ambjentali negattiv tal-prodott, u l-preżenza tal-plastik fil-prodotti. Dan se japplika għall-assorbenti sanitarji, il-wet wipes u l-bżieżaq;
  • Miżuri ta' sensibilizzazzjoni: L-Istati Membri se jkollhom l-obbligu għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-impatt negattiv tar-rimi fl-ambjent tal-iskart tal-plastik li jintuża darba biss u tal-irkaptu tas-sajd, kif ukoll dwar is-sistemi għall-użu mill-ġdid disponibbli u l-għażliet għall-immaniġjar tal-iskart għal dawn il-prodotti kollha.

Għall-irkaptu tas-sajd, li jammonta għal 27 % tal-iskart fuq ix-xtajtiet, il-Kummissjoni għandha l-għan li tlesti l-qafas ta' politika eżistenti bl-iskemi ta' responsabbiltà tal-produtturi għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik. Il-produtturi tal-irkaptu tas-sajd tal-plastik se jiġu mġiegħla jkopru l-ispejjeż tal-ġbir tal-iskart mill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet, kif ukoll it-trasport u t-trattament tiegħu. Se jkopru wkoll l-ispejjeż tal-miżuri ta' sensibilizzazzjoni. Id-dettalji dwar ir-regoli l-ġodda għall-irkaptu tas-sajd jinsabu hawn.

Il-passi li jmiss

Il-proposti tal-Kummissjoni issa se jmorru għall-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħra biex jagħtu prijorità lil dan id-dossier, u biex jiksbu riżultati tanġibbli għall-Ewropej qabel l-elezzjonijiet ta' Mejju 2019.

Biex tfakkar il-Jum Dinji tal-Ambjent fil-5 ta' Ġunju, il-Kummissjoni se tniedi wkoll kampanja ta' sensibilizzazzjoni fl-UE kollha li titfa' l-lenti fuq l-għażla tal-konsumaturi u tenfasizza r-rwol tal-persuni individwali fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-plastik u l-iskart fil-baħar.

Bla dubju, l-indirizzar tal-iskart fil-baħar prodott mill-UE huwa biss parti mill-istampa ġenerali tad-dinja kollha. Madankollu, billi tassumi r-rwol prinċipali, l-Unjoni Ewropea se tkun f'pożizzjoni b'saħħitha biex tixpruna l-bidla fil-livell globali – permezz tal-G7 u l-G20, u permezz tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Kuntest

L-inizjattiva tal-lum twettaq l-impenn tal-Istrateġija Ewropea għall-Plastik biex jiġi indirizzat l-iskart tal-plastik għall-ħela u li jagħmel il-ħsara, permezz ta' azzjoni leġiżlattiva milqugħa mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u miċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati. Il-miżuri proposti se jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn Ekonomija Ċirkolari, u għall-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, u l-impenji tal-klima u l-għanijiet tal-politika industrijali tal-UE.

Id-Direttiva tal-lum tibni fuq regoli eżistenti bħad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, u d-Direttivi dwar l-Iskart, u tikkumplimenta miżuri oħra meħuda kontra t-tniġġis fil-baħar, bħal skont id-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet, u r-restrizzjonijiet proposti dwar il-mikroplastiċi u l-plastik ossodegradabbli. Issegwi approċċ simili tad-Direttiva ta' suċċess dwar il-Basktijiet tal-Plastik tal-2015, li ntlaqgħet b'mod pożittiv u ġabet bidla rapida fl-imġiba tal-konsumatur.

Id-Direttiva proposta se twassal għal benefiċċji ambjentali, kif ukoll ekonomiċi. Il-miżuri l-ġodda, pereżempju, se:

  • jevitaw l-emissjoni ta' 3.4 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju;
  • jevitaw danni ambjentali li kieku jiswew daqs EUR 22 biljun sal-2030;
  • jiffrankaw lill-konsumaturi s-somma proġettata ta' EUR 6.5 biljun.

Flimkien mar-regoli u l-miri l-ġodda tal-iskart tal-UE adottati dan ix-xahar, ir-regoli l-ġodda se jipprovdu ċarezza, ċertezza legali u ekonomiji ta' skala li l-kumpaniji tal-UE għandhom bżonn biex jieħdu t-tmexxija f'idejhom tas-swieq il-ġodda għal alternattivi innovattivi b'użi multipli, materjali ġodda u prodotti ddisinjati aħjar.

Waqt it-tħejjija tal-proposta tal-lum, twettqu konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, konsultazzjoni pubblika miftuħa u valutazzjonijiet tal-impatt fil-fond, f'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolamentazzjoni Aħjar. Fil-konsultazzjoni pubblika bejn Diċembru 2017 u Frar 2018, 95 % ta' dawk li wieġbu qablu li hemm bżonn urġenti ta' azzjoni li tindirizza l-plastik li jintuża darba biss, u 79 % jemmnu li biex dawk il-miżuri jkunu effikaċi, għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE. 70 % tal-manifatturi u 80 % tad-ditti wieġbu wkoll li tenħtieġ azzjoni urġenti. 72 % naqqsu l-użu tagħhom tal-basktijiet tal-plastik u 38 % minnhom matul is-sena li għaddiet.

Għal aktar tagħrif

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Regli ġodda tal-UE dwar il-plastik li jintuża darba biss

Skeda informattiva

Proposta għal Direttiva dwar it-tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent ta' ċerti prodotti tal-plastik u Anness

Valutazzjoni tal-Impatt u Sommarju

IP/18/3927

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar