Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-baġit tal-UE: Fond Soċjali, Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u Fond għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri, ilkoll ġodda

Brussell, it-30ta' mejju 2018

Għall-baġit tal-UE fit-tul li jmiss, il-Kummissjoni qed tipproponi li tissokta ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni b'Fond Soċjali Ewropew imġedded, imsejjaħ “il-Fond Soċjali Ewropew Plus” (FSE+) u b'Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) imsaħħaħ u aktar effettiv.

Għall-perjodu 2021-2027, għall-Fond Soċjali Ewropew Plus ġew allokati €101.2 biljun, u għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ġew allokati €1.6 miljun. It-tnejn huma adattati biex isir investiment fin-nies: li jkun żgurat li dawn ikollhom il-ħiliet meħtieġa biex jitħabtu mal-isfidi u l-bidliet fis-suq tax-xogħol, b'segwitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Fond għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri ġie allokat €947 miljun mifruxin fuq 7 snin. Dan se jkompli jappoġġa l-iżvilupp ta' Żona Ewropea ta' Ġustizzja msejsa fuq l-istat tad-dritt u l-fiduċja reċiproka u se jiżgura li n-nies jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom.

Il-Viċi President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali, l-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, Valdis Dombrovskis, qal: “Dawn il-proposti jsegwu l-mistoqsijiet fundamentali li ilna nistaqsu minn mindu ġew ippubblikati l-White Paper dwar il-futur tal-UE u d-dokumenti ta' riflessjoni: x'Unjoni Ewropea rridu, kif se nsawruha u kif se nagħmlu tajjeb għaliha? L-ambizzjonijiet tagħna għal Ewropa aktar soċjali huma riflessi għalkollox: neħtieġu finanzjament tal-UE li jaqbel mal-politiki tagħna biex inwieżnu b'mod proattiv lill-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna, u biex inwieġbu għall-effetti tal-globalizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen stqarret: “L-Ewropa trid tagħti s-setgħa lin-nies. Il-kliem iqanqal u l-eżempju jkaxkar. Dawn il-fondi soċjali ġodda, flessibbli u simplifikati huma maħsuba biex jinvestu fin-nies: jiżguraw li jkollhom il-ħiliet meħtieġa, jaċċertaw li jkollhom protezzjoni soċjali moderna skont il-forom ġodda tax-xogħol u juru solidarjetà ma' min jeħtieġha l-aktar.” 

Vytenis Andriukaitis, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari saħaq li: “Is-saħħa hi valur fundamentali u għalhekk jagħmel sens li l-baġit futur tal-UE jaħseb għall-integrazzjoni tal-Programm tas-Saħħa tal-UE fl-FSE+ bħala parti mill-valuri. Dan se jwassal għal sinerġiji ġodda u aktar b'saħħithom mal-elementi l-oħra tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u se jippermetti koordinazzjoni aħjar tal-investimenti relatati mas-saħħa. Se jappoġġa wkoll il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, itejjeb l-effikaċja, l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u jnaqqas l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, filwaqt li jtejjeb il-kura tas-saħħa u jagħmilha aktar sikura għall-ġid tal-pazjenti u tas-soċjetà kollha.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi qalet: “Bil-proposta tal-lum għal Fond ġdid għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri se niżguraw li jingħata l-aqwa appoġġ possibbli lill-inizjattivi li huma favur id-drittijiet tal-UE, il-valuri u l-istat tad-dritt.
Fi żmien fejn is-soċjetajiet Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma' estremiżmu, radikaliżmu u firdiet, hu ferm aktar importanti minn qabel li nippromwovu, insaħħu u niddefendu l-ġustizzja, id-drittijiet u l-valuri tal-UE. L-NGOs u s-soċjetà ċivili jaqdu rwol kruċjali biex inseddqu dawn il-valuri Ewropej. Fl-istess ħin jeħtiġilna nappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforz konġunt tagħna biex titjieb il-koperazzjoni ġudizzjarja u tiżdied il-fiduċja reċiproka fil-qasam tal-ġustizzja komuni tagħna.”

 1. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus

Il-Fond Soċjali Ewropew Plus se jisħaq fuq l-investiment fin-nies u jappoġġa t-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan jgħinna nwieġbu għall-isfidi dinjin, insaħħu l-ġustizzja soċjali iżda fl-istess waqt nagħtu spinta 'l quddiem lill-kompetittività tal-Ewropa. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus hu verżjoni aktar flessibbli, aktar sempliċi u mmirata tal-Fond Soċjali Ewropew fis-seħħ bħalissa għax iwaħħad għadd ta' fondi u programmi eżistenti. B'akkomunament tar-riżorsi, l-UE u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu appoġġ aktar integrat u mmirat biex iwieġbu għall-isfidi soċjali u tas-suq tax-xogħol li n-nies fl-Ewropa qed iġarrbu fi żmienna. Pereżempju, jekk l-appoġġ lill-aktar persuni fil-bżonn jiġi integrat fl-FSE+, dan ikun ta' ġid għall-persuni eliġibbli minħabba taħlita aħjar ta' assistenza materjali u appoġġ soċjali komprensiv.

B'mod partikolari, il-Fond Soċjali Ewropew Plus se jgħaqqad:

Il-karatteristiċi ewlenin tal-Fond il-ġdid huma:

  • It-tħassib taċ-ċittadini u l-prijoritajiet ewlenin ikunu fiċ-ċentru: B'konsultazzjoni mal-Istati Membri, ir-riżorsi se jiġu allokati għal miżuri li jindirizzaw il-prijoritajiet ewlenin u t-tħassib taċ-ċittadini. Il-programmi tal-FSE+ se jiffokaw l-aktar fuq l-isfidi identifikati fis-Semestru Ewropew u fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;
  • Enfasi fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali: L-Istati Membri b'rata għolja ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ se jkollhom jiddedikaw tal-inqas 10 % tal-finanzjament tal-FSE+ biex jappoġġaw l-impjiegi taż-żgħażagħ. Il-Fond se jibqa' jikkontribwixxi għall-Aġenda għall-Ħiliet tal-Ewropa u mill-inqas 25 % tal-FSE+ għandhom jiġu allokati għal miżuri li jrawmu l-inklużjoni soċjali u li jkunu mmirati għall-aktar persuni fil-bżonn. L-FSE+ se jappoġġa wkoll l-isforzi tal-Istati Membri biex lill-persuni preżenti legalment iżda li mhumiex ċittadini tal-UE jintegrawhom fis-swieq tax-xogħol tagħhom u fis-soċjetà billi jiffokaw fuq miżuri li jrawmu l-integrazzjoni fit-tul. B'dan il-mod, dan jikkumplimenta l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil li jappoġġa miżuri ta' integrazzjoni fi żmien qasir;
  • Inneħħu l-burokrazija: Il-Kummissjoni tipproponi li r-regoli jsiru inqas kumplessi fil-baġit tal-UE fit-tul li jmiss, b'inqas burokrazija u b'aċċess eħfef għal finanzjament minn sorsi differenti għall-awtoritajiet, iċ-ċittadini jew l-organizzazzjonijiet li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-UE;
  • Appoġġ maħsub apposta għall-kura tas-saħħa: Il-fergħa tas-saħħa se tiffoka fuq l-oqsma ta' prijorità fejn il-koperazzjoni tal-UE wriet li tħalli l-frott: it-tisħiħ tat-tħejjija bejn il-fruntieri għall-kriżijiet, assistenza lill-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri, id-diġitalizzazzjoni tas-saħħa u l-kura, is-sostenn tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa, u t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-fruntieri, pereżempju fejn jidħol il-mard rari u kumpless permezz tan-Netwerks Ewropej ta' Referenza.

2. Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara l-2020

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni se jiġi rivedut biex dan ikun jista' jintervjeni b'mod aktar effettiv biex jappoġġa lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg. Bħalissa l-ħaddiema jistgħu jiksbu appoġġ mill-Fond biss meta s-sensji jiġru minħabba xi bidla fix-xejriet kummerċjali jew minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika. Filwaqt li jitqiesu l-isfidi ġodda fis-suq tax-xogħol, bir-regoli l-ġodda, il-ħaddiema ssensjati jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ minħabba raġunijiet oħra ta' ristrutturar, fosthom l-awtomatizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-bqija.

Ir-regoli l-ġodda se jnaqqsu l-limitu ta' ħaddiema ssensjati minn 500 għal 250 biex każ ikun eliġibbli, u b'hekk iżjed ħaddiema ssensjati jkunu jistgħu jiksbu appoġġ. Fost il-bidliet proposti hemm mobilizzazzjoni aħjar tal-proċess ħalli l-proċeduri jkunu sempliċi u jitħaffu. Fl-aħħar nett, ir-rata ta' kofinanzjament tal-Fond, li bħalissa hi 60 %, se tiġi allinjata mal-ogħla rati ta' kofinanzjament tal-FSE+ għal Stat Membru partikolari. Ħafna drabi, dan ikun ifisser li l-UE tikkofinanzja sehem akbar mill-ispiża totali.

3. Il-Fond tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll Fond ġdid għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri, magħmul mill-programm tad-Drittijiet u l-Valuri u mill-programm tal-Ġustizzja. Hu propost li għall-Fond jiġi allokat baġit ta' €947 miljun mifruxin fuq 7 snin, €642 miljun għall-programm tad-Drittijiet u l-Valuri u €305 miljun għall-programm tal-Ġustizzja.

Fi żmien meta s-soċjetajiet Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma' estremiżmu, radikaliżmu u firdiet, hu ferm aktar importanti minn qabel li nippromwovu, insaħħu u niddefendu l-ġustizzja, id-drittijiet u l-valuri tal-UE. Pereżempju, dan il-programm jgħin fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, iħares aħjar lit-tfal, u jtejjeb il-koperazzjoni ġudizzjarja ħalli ssir ġlieda akbar kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Il-Fond se jikkontribwixxi aktar għall-iżvilupp ta' Żona Ewropea tal-Ġustizzja msejsa fuq l-istat tad-dritt, ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka. Se jsaħħaħ u jappoġġa r-rwol ewlieni tal-NGOS u tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni, il-ħarsien u t-tixrid tal-għarfien dwar il-valuri komuni tal-UE u li jkun żgurat li n-nies jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom.

It-twaqqif ta' Fond ġdid jirrappreżenta simplifikazzjoni meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali bi tliet programmi. Il-programm il-ġdid tad-Drittijiet u l-Valuri se jkopri b'mod partikolari l-qasam taċ-ċittadinanza, li bħalissa qed jiġi indirizzat b'żewġ programmi differenti.

Il-passi li jmiss

Hemm bżonn jintlaħaq ftehim mingħajr dewmien dwar il-baġit tal-UE fit-tul kumplessiv u fuq il-proposti settorjali tiegħu ħalli jkun żgurat li l-fondi tal-UE jibdew jiksbu r-riżultati fil-prattika malajr kemm jista' jkun.

Jekk ikun hemm dewmien bħalma ġara fil-bidu tal-perjodu baġitarju attwali 2014-2020, dan ikun ifisser li 100,000 proġett b'fondi tal-UE ma jkunux jistgħu jibdew fil-ħin; ħafna mill-persuni li jeħtieġu appoġġ, inkluż assistenza materjali u alimentari, ikollhom jistennew bla bżonn; it-taħriġ, iż-żieda fl-opportunitajiet tax-xogħol, l-azzjonijiet li jtejbu l-kwalità tas-servizzi ewlenin jitwasslu tard, jew l-iskejjel ma jkunux jistgħu jimplimentaw programmi edukattivi ġodda ta' kwalità fil-ħin għas-sena skolastika.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 jipprovdi tranżizzjoni bla xkiel bejn il-baġit fit-tul attwali (2014-2020) u l-baġit il-ġdid, u jiżgura l-prevedibbiltà u l-kontinwità tal-finanzjament għall-ġid ta' kulħadd.

Il-kuntest

Il-Fond Soċjali Ewropew hu l-istrument ewlieni u l-aktar wieħed antik fl-Ewropa li jinvesti fin-nies.
Ġie stabbilit flimkien mat-Trattat ta' Ruma fl-1957. Illum il-Fond hu mutur importanti fil-ħolqien tal-impjiegi, jippromwovi edukazzjoni aħjar, amministrazzjonijiet pubbliċi aktar moderni u l-inklużjoni soċjali, u għalhekk hu mezz ewlieni li jiżgura opportunitajiet aktar ġusti għaċ-ċittadini kollha.

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni hu espressjoni tas-solidarjetà tal-UE mal-ħaddiema Ewropej li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-impatt li jħallu l-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjin u l-bidla teknoloġika. L-għan tiegħu hu li l-ħaddiema jibqgħu fis-suq tax-xogħol, jew jerġgħu jiġu integrati fih.

Il-proposti tal-lum relatati mal-FSE+, il-FEG u l-Fond għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri huma parti mill-proposti tal-Kummissjoni għall-baġit tal-UE fit-tul li l-Kummissjoni adottat fit-2 ta' Mejju 2018. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-FSE+ hi marbuta mill-qrib mal-proposta għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni adottata fid-29 ta' Mejju 2018, li jistabbilixxi l-qafas għal azzjoni għal għadd ta' Fondi tal-UE b'ġestjoni kondiviża.

Għal aktar tagħrif

Il-Memo: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Fond Soċjali ġdid u l-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-perjodu 2021-2027

Il-Memo: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Fond għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri

L-iskeda informattiva: Il-Baġit tal-UE għall-futur: Il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Is-sit web tal-Fond Socjali Ewropew

L-Istqarrija għall-Istampa: il-Fond Soċjali Ewropew jiċċelebra s-60 anniversarju tiegħu: sitt deċenji ta' investiment fin-nies

Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni

Segwi lil Valdis Dombrovskis fuq Twitter

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter

Segwi lil Vera Jourová fuq Twitter

Segwi lil Vytenis Andriukaitis fuq Twitter

Abbona għar-rivista elettronika bla ħlas tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni

 

IP/18/3923

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar