Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Antitrust: Il-Kummissjoni timponi obbligi vinkolanti fuq Gazprom sabiex tiffaċilità l-fluss ħieles tal-gass bi prezzijiet kompetittivi fis-swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

Brussell, I-24ta' mejju 2018

Il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjoni li timponi sett ta' obbligi fuq Gazprom li jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni tagħha u li jiffaċilitaw il-fluss ħieles tal-gass bi prezzijiet kompetittivi fis-swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u n-negozji Ewropej.

Il-Kummissarju inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, Margrethe Vestager, qalet: “Il-kumpaniji kollha li joperaw fl-Ewropa jridu jirrispettaw ir-regoli Ewropej dwar il-kompetizzjoni, irrispettivament mill-provenjenza tagħhom. Id-deċiżjoni tal-lum tneħħi l-ostakli maħluqa minn Gazprom, li huma ta' xkiel għall-fluss ħieles tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Iżda aktar minn hekk - id-deċiżjoni tagħna tipprovdi ġabra ta' regoli mfassla apposta għall-imġiba futura ta' Gazprom. Hija tobbliga lil Gazprom biex jieħu passi pożittivi biex ikompli jintegra s-swieq tal-gass fir-reġjun u biex jgħin fit-twettiq ta' suq intern reali għall-enerġija fl-Ewropa. U tagħti lill-konsumaturi rilevanti ta' Gazprom fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għodda effettiva sabiex jiġi żgurat li l-prezz li jħallsu huwa kompetittiv.

Bħal dejjem, dan il-każ ma jirrigwardax in-nazzjonalità tal-kumpanija - huwa dwar il-kisba tal-aħjar riżultat għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej. U l-każ ma jieqafx hawn bid-deċiżjoni tal-lum - anzi hija l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta' Gazprom li tibda llum.“

Gazprom hija l-fornitur ewlieni tal-gass f'numru ta' pajjiżi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. F'April 2015, il-Kummissjoni bagħtet Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lil Gazprom. Permezz tagħha l-Kummissjoni esprimiet il-fehma preliminari tagħha fejn qalet li l-kumpanija kisret ir-regoli tal-antitrust tal-UE minħabba strateġija globali ta' diviżjoni tas-swieq tal-gass mal-fruntieri nazzjonali fi tmien Stati Membri (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja). Din l-istrateġija setgħet għenet lil Gazprom sabiex iżżomm prezzijiet ogħla għall-gass f'ħamsa minn dawn l-Istati Membri (il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja).

Illum id-deċiżjoni tal-Kummissjoni iġġib fi tmiemu l-aġir ta' Gazprom. Barra minn hekk, hija timponi sett dettaljat ta' regoli fuq Gazprom li se jbiddlu b'mod sinifikanti l-mod li bih topera Gazprom fis-swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant:

  • Qatt aktar ostakli kuntrattwali fuq il-fluss ħieles tal-gass: Gazprom trid tneħħi kull restrizzjoni mqiegħda fuq il-konsumaturi biex ikunu jistgħu jbiegħu il-gass b'mod transfruntier.
  • Obbligu ta' faċilitazzjoni tal-flussi tal-gass minn u lejn swieq iżolati: Gazprom se tippermetti l-fluss tal-gass minn u lejn partijiet mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li għadhom iżolati minn Stati Membri oħra minħabba nuqqas ta' interkonnetturi, jiġifieri l-Istati Baltiċi u l-Bulgarija.
  • Proċess strutturat sabiex jiġu żgurati prezzijiet kompetittivi tal-gass: Il-klijenti rilevanti ta' Gazprom ingħataw għodda effettiva biex jiżguraw li l-prezzijiet tal-gass tagħhom jirriflettu l-livell ta' prezzijiet fi swieq kompetittivi tal-gass tal-Ewropa tal-Punent, speċjalment f'hubs tal-gass likwidu.
  • L-ebda tisħiħ tad-dominanza fil-forniment tal-gass: Gazprom ma tistax taġixxi fuq kwalunkwe vantaġġi li jikkonċernaw l-infrastruttura tal-gass, li setgħet kisbet minn klijenti minħabba li saħħet il-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-forniment tal-gass.

Flimkien, dawn l-obbligi jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni u jissodisfaw l-għanijiet tagħha li jippermettu l-fluss ħieles tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant bi prezzijiet kompetittivi.

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn l-obbligi (imsejjħa "impenji") jorbtu legalment lil Gazprom (skont l-Artikolu 9 tar- Regolament 1/2003) tal-UE dwar l-antitrust.

Jekk kumpanija tikser wieħed minn dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista' timponi multa sa massimu ta' 10% tal-fatturat dinji tal-kumpanija, mingħajr ma jkollha għalfejn turi li kien hemm ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE.

B'mod aktar ġenerali, il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ma tiddependix biss mill-eżekuzzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-UE iżda wkoll mill-investiment fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass, leġiżlazzjoni dwar l-enerġija nazzjonali u Ewropea mmirata tajjeb u l-implimentazzjoni xierqa tagħhom. Din hija r-raġuni għalfejn hija prijorità ewlenija tal-Kummissjoni li tibni Unjoni tal-Enerġija Ewropea.

 

graph EN

 

Dettalji dwar l-obbligi ta' Gazprom

Sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni, Gazprom trid tosserva numru ta' obbligi li għandhom l-għan li jiżguraw il-fluss ħieles tal-gass bi prezzijiet kompetittivi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Dawn l-obbligi fuq Gazprom se jibqgħu fis-seħħ għal tmien snin.

Huma jirriflettu t-tweġibiet mill-partijiet ikkonċernati f'test tas-suq, li tnieda f'Marzu 2017 mill-Kummissjoni abbażi ta' verżjoni preċedenti tal-proposta. Dan it-test tas-suq irriżulta f'numru sinifikanti ta' tweġibiet minn firxa vasta ta' partijiet ikkonċernati, inkluż gvernijiet, awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, bejjiegħa bl-ingrossa tal-gass, assoċjazzjonijiet tal-industrija u akkademiċi, li għenu ħafna sabiex l-obbligi finali jkunu ċari u tiġi żgurata l-effettività tagħhom.

 

1)   Gazprom trid tneħħi l-ostakli fuq il-fluss ħieles tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

Il-Kummissjoni hija mħassba li Gazprom stabbilixxiet restrizzjonijiet territorjali fuq il-ftehimiet ta' forniment tagħha ma' bejjiegħa bl-ingrossa u xi klijenti industrijali fit-tmien Stati Membri kollha (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja). Dawn ir-restrizzjonijiet jinkludu restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet u klawżoli li jitolbu li l-gass mixtri jintuża f'territorju speċifiku (klawżoli ta' destinazzjoni) u miżuri oħra li jipprevjenu l-fluss transfruntier tal-gass.

B'rispons għal dan, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tobbliga lil Gazprom sabiex tneħħi l-ostakli kuntrattwali kollha għall-fluss ħieles tal-gass fis-swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kemm jekk kawża tagħhom il-bejgħ transfruntier isir impossibbli kif ukoll sempliċement inqas attraenti finanzjarjament. Gazprom ma għandhiex terġa' ddaħħal dawn il-klawżoli f'kuntratti fil-futur.

Barra minn hekk, Gazprom trid tadatta dispożizzjonijiet fil-kuntratti tagħha rigward il-monitoraġġ u l-kejl tal-konsum tal-gass fil-Bulgarija, li iżolaw is-suq tal-gass tal-Bulgarija mis-swieq tal-gass tal-viċinat tal-UE. B'hekk il-kontroll tal-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-gass jiġi trasferit minn Gazprom għand l-operatur Bulgaru. Wara t-test tas-suq, Gazprom ikkjarifikat numru ta' elementi tekniċi sabiex tiżgura li l-obbligu jkun kompletament effettiv.

Dawn l-obbligi jneħħu kull ostaklu kuntrattwali maħluq minn Gazprom, li huma ta' xkiel għall-fluss ħieles tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

 

2)   Gazprom trid tieħu passi pożittivi biex tintegra s-swieq tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

Sabiex il-gass ikun jista' verament jiċċaqlaq b'mod ħieles fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, irid ikun hemm infrastruttura għat-trasport tiegħu, jiġifieri interkonnetturi li jorbtu s-swieq tal-gass nazzjonali ma' xulxin. Din l-infrastruttura diġà teżisti fir-Repubblika Ċeka, fl-Ungerija, fil-Polonja u s-Slovakkja. Madankollu, l-infrastruttura li tgħaqqad lill-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja mas-swieq tal-gass tal-viċinat tal-UE għadha mhix disponibbli biżżejjed. Dan jillimita l-kapaċità tal-klijenti ta' Gazprom li jerġgħu jbiegħu l-gass tagħhom lil u minn dawn il-pajjiżi, anki jekk ikollhom skorta addizzjonali.

Gazprom issa se “tissostitwixxi” n-nuqqas ta' interkonnessjoni billi toffri l-possibbiltà lill-klijenti rilevanti li jwasslu l-gass lejn u minn dawn il-pajjiżi. B'mod partikolari, il-klijenti li jkunu xtraw il-gass, oriġinarjament għall-konsenja lill-Ungerija, l-Polonja jew is-Slovakkja, jistgħu jagħżlu minflok li Gazprom tikkonsenja l-gass kollu jew parti minnu lill-Bulgarija u/jew l-Istati Baltiċi (u viċe versa):

  • Skambji offruti lil firxa vasta ta' klijenti ta' Gazprom: Gazprom trid toffri din l-għażla lill-klijenti rilevanti li għandhom (jew se jkollhom) kuntratti tal-gass għall-konsenja tal-gass f'ċerti punti ta' konsenja fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Wara t-test tas-suq, dan se japplika għal kuntratti b'durata ta' mill-inqas 18-il xahar. Il-mekkaniżmu ma jaħdimx għal kuntratti iqsar, għaliex id-durata minima għall-konsenja tal-gass f'punt ġdid ta' konsenja hija ta' 12-il xahar preċeduta minn perjodu ta' avviż ta' erba' xhur lil Gazprom.
  • Skambji disponibbli fiż-żewġ direzzjonijiet, lejn u minn swieq iżolati: Il-klijenti rilevanti ta' Gazprom għandhom iċ-ċans li jistaqsu lil Gazprom sabiex jikkonsenjaw il-gass tagħhom fl-Istati Baltiċi u l-Bulgarija minflok fil-punti ta' konsenja oriġinarjament miftiehma (mill-Polonja jew is-Slovakkja għall-Baltiċi u mis-Slovakkja jew l-Ungerija lejn il-Bulgarija). Wara t-test tas-suq, dawn l-iskambji huma possibbli fiż-żewġ direzzjonijiet. B'hekk il-mekkaniżmu isir aktar effettiv u jwassal għal integrazzjoni aħjar tas-swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
  • Tariffi għas-servizz fissi u transparenti għall-konsenja: It-tariffi li tista' żżomm Gazprom għal dan is-servizz huma fissi u trasparenti. Wara t-test tas-suq, tnaqqsu b'mod sinifikanti sabiex il-mekkaniżmu jkunu aktar attraenti mil-lat finanzjarju.
  • Flessibilità għall-klijenti ta' Gazprom biex jużaw din l-għażla: Wara t-test tas-suq, il-klijenti ta' Gazprom jistgħu jużaw dawn l-għażliet għal kwantitajiet żgħar ta' gass (50 miljun m3) u b'avviż iqsar (erba' xhur).
  • Raġunijiet limitati għal Gazprom biex tirrifjuta li twettaq dan l-iskambju: Wara t-test tas-suq, Gazprom tista' tirrifjuta li twettaq l-iskambju biss jekk ma jkunx hemm kapaċità ta' trażmissjoni. Dan se jiġi sorveljat mill-qrib minn fiduċjarju indipendenti.

Dan il-mekkaniżmu jippermetti lill-gass li jiċċaqlaq lejn u mill-Baltiċi u l-Bulgarija, daqs li kieku l-interkonnetturi tal-gass mal-ġirien tal-UE kienu diġà jeżistu. Il-klijenti ta' Gazprom se jkunu jistgħu ifittxu opportunitajiet ġodda ta' negozju anke qabel ma jsiru disponibbli l-interkonnetturi, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u n-negozji fl-Istati Baltiċi u l-Bulgarija.

 

3)   Gazprom tat kelmitha għal proċess strutturat sabiex tiżgura prezzijiet tal-gass kompetittivi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-futur

Il-Kummissjoni hija mħassba li Gazprom setgħet żammet prezzijiet ogħla f'ħames Stati Membri (il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja).

B'rispons għal dan, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tagħti lill-klijenti ta' Gazprom b'kuntratti fit-tul f'dawn il-pajjiżi għodda effettiva sabiex jiżguraw li l-prezz tal-gass li jħallsu fil-futur ikun kompetittiv:

  • Il-klijenti jistgħu jitolbu prezzijiet orħos meta l-prezz tal-gass tagħhom ikun differenti mill-prezzijiet ta' referenza kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent: Il-klijenti ta' Gazprom se jkollhom dritt kuntrattwali li jitolbu prezz tal-gass irħas, jekk il-prezz li jħallsu jkun differenti mill-valur referenzjarju kompetittiv Ewropew, inkluż il-prezzijiet f'hubs ta' gass likwidu. Huma jistgħu jużaw din l-għażla f'intervalli frekwenti (kull sentejn), b'”joker” (possibbiltà ta' estensjoni tad-dritt) addizzjonali kull ħames snin. Wara t-test tas-suq, il-klijenti eżistenti jistgħu jużaw dan id-dritt immedjatament wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u Gazprom trid tagħti dan id-dritt ukoll lil klijenti ġodda.
  • Il-prezz il-ġdid tal-gass jrid jiġi stabbilit f'konformità mal-livell ta' prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa Kontinentali tal-Punent: Il-prezz il-ġdid irid jirrifletti l-valur referenzjarju tal-prezzijiet kompetittiv tal-Ewropa Kontinentali tal-Punent, inkluż il-prezzijiet tal-hubs tal-gass likwidu. Wara t-test tas-suq, din il-gwida ġiet imtejjba b'mod konsiderevoli sabiex tirreferi biċ-ċar għal-livell tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa Kontinentali tal-Punent, inkluż il-prezzijiet fl-aktar hubs rilevanti tal-gass likwidu fl-Ewropa Kontinentali, b'mod partikolari TTF fin-Netherlands u NCG fil-Ġermanja. Il-prezz aktar baxx il-ġdid se jiġi applikat retroattivament mid-data tat-talba għar-reviżjoni tal-prezz.
  • L-arbitraġġ jekk Gazprom ma taqbilx fi żmien ta' skadenza stretta: Jekk Gazprom u l-klijent tiegħu ma jaqblux fuq prezz ġdid fi żmien 120 jum, it-tilwima tista' tiġi preżentata quddiem arbitru. L-arbitru mbagħad jimponi prezz tal-gass kompetittiv li jqis bis-sħiħ il-valuri referenzjarji tal-Ewropa tal-Punent imsemmija aktar il-fuq. Barra minn hekk, l-arbitraġġ irid isir fl-UE. It-tribunali tal-arbitraġġ fl-UE għandhom l-obbligu li jħarsu u japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni għandha dritt tintervjeni f'dawn il-każijiet bħala amicus curiae.

Dan jiżgura prezzijiet tal-gass kompetittivi f'dawn ir-reġjuni u jevita li l-prezzijiet tal-gass skont il-kuntratti fit-tul b'indiċjar taż-żejt jkunu differenti ħafna mill-valuri referenzjarji tal-prezzijiet fil-futur. L-obbligu japplika għall-kuntratti kollha b'durata ta' tliet snin jew aktar għaliex it-tħassib dwar il-prezzijiet f'dan il-każ huwa rilevanti biss għal kuntratti fit-tul fejn żviluppi ġodda maż-żmien jistgħu jwasslu għal devjazzjoni sinifikanti mill-valuri referenzjarji kompetittivi.

 

4)   It-tneħħija ta' talbiet miksuba minħabba tisħiħ tal-pożizzjoni fis-suq

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija mħassba li Gazprom saħħet il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-forniment tal-gass biex tikseb vantaġġi fir-rigward tal-aċċess għal jew il-kontroll fuq l-infrastruttura tal-gass. Id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet qajjmet tħassib b'rabta mal-proġett South Stream fil-Bulgarija u l-pipeline ta' Yamal fil-Polonja.

  • Fir-rigward ta' South Stream, id-deċiżjoni tagħmilha ċara li Gazprom mhix se tibbenefika mill-vantaġġi li kisbet. Gazprom mhix se tfittex għad-danni mill-isħab Bulgari tagħha wara t-tmiem tal-proġett South Stream. Dan mingħajr preġudizzju għaċ-ċirkostanza fejn dawn il-pretensjonijiet setgħux kienu validi.
  • Fir-rigward tal-Yamal Pipeline, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li s-sitwazzjoni ma tistax tiġi mibdula minn din il-proċedura ta' antitrust, għaliex ir-relazzjonijiet dwar il-gass bejn ir-Russja u l-Polonja huma stabbiliti minn ftehim intergovernattivi. F'kull każ, deċiżjoni mir-Regolatur tal-Enerġija Pollakk f'Mejju 2015 ma kkonfermatx l-allegazzjonijiet li Gazprom kienet tagħlaq is-suq tal-gass Pollakk fir-rigward tal-pipeline Yamal.       Ir-regolatur sab li sid il-pipeline Yamal, Europolgaz (li hija kopropjetà ta' Gazprom), ma jistax idewwem jew iwaqqaf l-investimenti fuq il-pipeline: l-investimenti kollha, bħal dawk li jippermettu l-flussi fid-direzzjoni opposta mill-Ġermanja, ġew implimentati kif kien ippjanat mill-operatur ċertifikat tat-trażmissjoni tas-servizz (Gaz-System).

Fl-aħħar nett, biex tkun tista' titratta aħjar ftehimiet intergovernattivi fil-futur, il-Kummissjoni qiegħda tressaq proposta leġislattiva sabiex tissoġġetta l-ftehimiet intergovernattivi dwar il-gass u ż-żejt għall-iskrutinju minn qabel tal-Kummissjoni. Din il-proposta daħħlet fis-seħħ fl-2017.

Aktar informazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-lum se tkun disponibbli fuq is-sit elettroniku dwar il- kompetizzjoni tal-Kummissjoni fir- reġistru pubbliku tal-każijiet bin-numru tal-każ AT.39816

 

IP/18/3921

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos