Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE: L-Iżvilupp reġjonali u l-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020

Strasburgu, id-29ta' mejju 2018

Għall-baġit tal-UE li jmiss fuq perjodu twil għas-snin 2021-2027, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmodernizza l-Politika ta' Koeżjoni, il-politika ta' investiment ewlenija tal-UE u waħda mill-iktar espressjonijiet konkreti ta' solidarjetà.

L-ekonomija tal-UE qiegħda tirpilja, iżda huma meħtieġa sforzi addizzjonali ta' investiment biex jiġu indirizzati d-diverġenzi persistenti bejn Stat Membru u ieħor, kif ukoll fi ħdan l-istess Stati Membri. B'baġit ta' EUR 373 biljun[1] f'impenji għall-2021-2027, il-Politika ta' Koeżjoni futura għandha s-setgħa li tinvesti sabiex tgħin fit-tnaqqis ta' dawn il-lakuni. Ir-riżorsi se jkompli jiġu ffokati lejn dawk ir-reġjuni li jeħtieġu l-iktar li jlaħħqu mal-bqija tal-UE. Fl-istess ħin se tibqa' wkoll rabta diretta u b'saħħitha bejn l-UE u r-reġjuni u l-bliet tagħha.

Il-Viċi-President responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompettittività, Jyrki Katainen, qal: “Fl-10 snin li ġejjin, il-Politika ta' Koeżjoni se tgħin lir-reġjuni kollha jimmodernizzaw l-industrija tagħhom u jinvestu fl-innovazzjoni u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkulari b'karbonju baxx. Barra minn hekk, il-proposta tagħna se tikkontribwixxi iktar għal ambjent konduċiv għan-negozju fl-Ewropa, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet proprji għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment.”

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu qalet: “Illum nipproponu Politika ta' Koeżjoni għar-reġjuni kollha, li ma tħalli ‘l ħadd warajha. Għamilnieha iktar flessibbli, biex tadatta għal prijoritajiet ġodda u tipproteġi aħjar liċ-ċittadini tagħna. Għamilna r-regoli iktar sempliċi u dan se jibbenifika minnu kulħadd, minn negozji żgħar u intraprendituri sa skejjel u sptarijiet li se jkollhom aċċess iktar faċli għall-fondi.”

Il-karatteristiċi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni għal Politika ta' Koeżjoni modernizzata huma:

1. Iffukar fuq prijoritajiet kruċjali ta' investiment, fejn l-UE tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tikseb riżultati: Il-biċċa l-kbira tal-investimenti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni huma allokati għall-innovazzjoni, l-appoġġ għan-negozji ż-żgħar, it-teknoloġija diġitali u l-modernizzazzjoni industrijali. Se jkunu allokati wkoll lejn il-bidla għal ekonomija ċirkulari b'karbonju baxx u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, biex nilħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi.

2. Politika ta' Koeżjoni għar-reġjuni kollha u approċċ iżjed speċifiku għall-iżvilupp reġjonali:

  • Investiment fir-reġjuni kollha: Reġjuni li għadhom lura f'termini ta' tkabbir u ta' dħul – l-aktar li jinsabu fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa – se jkomplu jibbenefikaw minn appoġġ importanti tal-UE. Il-Politika ta' Koeżjoni se tibqa' tinvesti fir-reġjuni kollha, billi madwar l-Ewropa ħafna minnhom – anki fl-Istati Membri l-aktar sinjuri – ibatu biex jiksbu t-tranżizzjoni industrijali, jiġġieldu l-qgħad u biex jibqgħu kompetittivi f'ekonomija globalizzata;
  • Approċċ imfassal: Il-Politika ta' Koeżjoni żżomm tliet kategoriji ta' reġjuni: reġjuni inqas żviluppati, fi tranżizzjoni u iktar żviluppati. Biex jitnaqqsu d-diverġenzi u biex ir-reġjuni bi dħul u tkabbir baxx ilaħħqu mal-kumplament, il-PDG kull ras għadu l-kriterju predominanti fl-allokazzjoni tal-fondi. Barra minn hekk, kriterji l-ġodda għandhom l-għan li jirriflettu aħjar ir-realtà fuq il-post – il-qgħad fost iż-żgħażagħ, livelli baxxi ta' edukazzjoni, il-bidla fil-klima u l-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti;
  • Immexxija lokalment: Il-Politika ta' Koeżjoni 2021-2027 tirrappreżenta Ewropa li tagħti s-setgħa, billi tkompli tappoġġa strateġiji ta' żvilupp immexxija lokalment. Awtoritajiet lokali, urbani u territorjali se jkunu involuti iktar fil-ġestjoni ta' fondi tal-UE, filwaqt li rati akbar ta' kofinanzjament se jtejbu s-sjieda ta' proġetti ffinanzjati mill-UE f'reġjuni u bliet.

3. Inqas regoli, li jkunu aktar ċari u iqsar, kif ukoll qafas aktar flessibbli:

  • Simplifikazzjoni tal-aċċess għall-fondi: Il-Kummissjoni tipproponi simplifikazzjoni tar-regoli fil-baġit li jmiss għat-tul tal-UE, b'anqas burokrazija u proċeduri ta' kontrolli eħfef għan-negozji u l-imprendituri li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-UE;
  • Ġabra unika tar-regoli: Seba' fondi tal-UE huma issa koperti minn sett uniku ta' regoli implimentati fi sħubija ma' Stati Membri (“ġestjoni kondiviża”), biex b'hekk ħajjet il-ġesturi tal-programmi ta' fondi tal-UE ssir aktar faċli. Dan se jiffaċilita s-sinerġiji, pereżempju bejn il-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, fejn jidol l-iżvilupp ta' strateġiji ta' integrazzjoni lokali għall-migranti. Il-qafas jippermetti wkoll rabtiet aktar effiċjenti ma' fondi oħra miis-sett ta' għodod tal-baġit tal-UE; pereżempju l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jitrasferixxu xi wħud mir-riżorsi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-programm InvestEU.
  • Adattament għal ħtiġijiet: Barra minn hekk il-qafas il-ġdid jikkombina wkoll l-istabbilità meħtieġa għall-ippjanar fit-tul tal-investimenti mal-livell xieraq ta' flessibilità sabiex ikunu jistgħu jiġu koperti avvenimenti mhux previsti. Bis-saħħa ta' rieżami f'nofs it-terminu se jiġi determinat jekk ikunx hemm bżonn bidliet fil-programmi għall-aħħar sentejn tal-perjodu ta' finanzjament u se jkun possibbli li jsiru trasferimenti limitati ta' riżorsi fil-programmi bil-fondi tal-UE.

4. Rabta aktar qawwija mas-Semestru Ewropew, sabiex jittejjeb l-ambjent tal-investiment fl-Ewropa: Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-Politika ta' Koeżjoni u s-Semestru Ewropew, biex jinħoloq ambjent ta' tkabbir u li jkun favorevoli għan-negozju fl-Ewropa, sabiex kemm l-investimenti tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali jkunu jistgħu jaslu għall-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan l-appoġġ aktar qawwi mill-Politika ta' Koeżjoni għar-riformi strutturali se jiżgura koordinazzjoni u komplimentarjetà sħiħa mal-Programm ta' appoġġ ġdid u msaħħah għar-riformi.

Il‑passi li jmiss

F'mossa ta' trasparenza bla preċedent, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat għall-ewwel darba l-proposta tagħha għal baġit ġdid tal-UE fuq perjodu twil għat-2 ta' Mejju bil-prezzijiet tal-2018 kemm attwali kif ukoll kostanti. Bl-istess mod, illum il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll l-allokazzjonijiet nazzjonali tal-Politika ta' Koeżjoni għall-Istati Membri bil-prezzijiet tal-2018 kemm attwali kif ukoll kostanti (ara l-anness).

Ftehim rapidu dwar il-baġit fit-tul kumplessiv tal-UE, flimkien mal-proposti settorjali tiegħu, huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jwasslu għar-riżultati fil-prattika malajr kemm jista' jkun.

Dewmien simili għal dak li kien hemm fil-bidu tal-perjodu baġitarju attwali 2014-2020 ikun ifisser li 100,000 proġett iffinanzjati mill-UE ma jkunux jistgħu jibdew fil-ħin; li ħafna skejjel li jeħtieġu xogħlijiet ta' restawr jkollhom jistennew; li tagħmir mediku jiġi kkunsenjat tard fl-isptarijiet jew li impriżi żgħar ikollhom jippjanaw l-investimenti mingħajr l-ebda sens ta' ċertezza.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 ikun jipprovdi għal tranżizzjoni bla xkiel bejn il-baġit fit-tul attwali (2014-2020) u dak ġdid u jkun jiżgura prevedibbiltà u kontinwità tal-finanzjament għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Għal iktar informazzjoni

L-iżvilupp reġjonali u l-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Testi legali u skedi informattivi:

  • L-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni: il-qafas il-ġdid mad-daqqa t'għajn
  • Approċċ aktar individwalizzat għall-iżvilupp reġjonali
  • Qafas aktar sempliċi u aktar flessibbli għall-Politika ta' Koeżjoni
  • Rabta aktar b'saħħitha mas-Semestru Ewropew u l-governanza ekonomika tal-Unjoni
  • Aktar opportunitajiet għal sinerġiji fil-baġit tal-UE

Iktar informazzjoni fuq il-baġit tal-UE għall-ġejjieni tista' tinstab hawn

 

ANNESS

L-allokazzjonijiet tal-Politika ta' Koeżjoni għall-2021-2027

Il-Kummissjoni pprovdiet trasparenza bla preċedent billi ppreżentat għall-ewwel darba l-proposta tagħha għal baġit ġdid tal-UE fuq perjodu twil għat-2 ta' Mejju bil-prezzijiet tal-2018 kemm attwali kif ukoll kostanti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll iċ-ċifri relevanti kollha tagħha għad-diversi programmi ta' nfqi tagħha bil-prezzijiet tal-2018 kemm attwali kif ukoll kostanti.

 VISUAL

 

 

[1] Prezzijiet attwali – jqisu l-inflazzjoni

IP/18/3885

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar