Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Baġit tal-UE għall-2019: Il-Kummissjoni tipproponi baġit iffukat fuq il-kontinwità u t-twettiq – għat-tkabbir, is-solidarjetà, is-sigurtà

Brussell, it-23ta' mejju 2018

Il-Kummissjoni llum ipproponiet l-abbozz tal-Baġit tal-UE għall-2019 b'EUR 166 biljun f'impenji, li jikkorrispondi għal żieda ta' 3 % fuq l-2018, li jinvesti f'ekonomija Ewropea aktar b'saħħitha u aktar reżiljenti u jippromwovi s-solidarjetà u s-sigurtà fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri tal-UE.

Dan il-baġit huwa s-sitt wieħed taħt il-baġit attwali fit-tul tal-UE 2014-2020 u jopera fil-limitazzjonijiet stipulati fih. Huwa mfassal biex jottimizza l-finanzjament għall-programmi eżistenti kif ukoll l-inizjattivi l-ġodda u biex tingħata spinta lill-valur miżjud Ewropew f'konformità mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker.

Il-Kummissarju Günther H. Oettinger, inkarigat mill-Baġit u mir-Riżorsi Umani, qal: “Aħna qed nipproponu baġit ambizzjuż li jkompli jappoġġa l-prijoritajiet tagħna, b'mod partikolari fuq l-investiment, l-impjiegi, iż-żgħażagħ, il-migrazzjoni, is-solidarjetà u s-sigurtà, u li jwassal għal Valur Miżjud Ewropew għaċ-ċittadini tagħna.Għandna bżonn l-istabbiltà għall-UE u ninsab ħerqan li jintlaħaq ftehim mal-Parlament u l-Kunsill malajr kemm jista' jkun.”

Il-proposta hija bbażata fuq il-premessa li r-Renju Unit, wara joħroġ mill-UE fit-30 ta' Marzu 2019, se jkompli jikkontribwixxi u jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE sa tmiem l-2020 bħala Stat Membru.

Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea issa se jiddiskutu flimkien din il-proposta. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta tagħha għal approċċ prammatiku u modern fit-tul tal-baġit għall-perjodu 2021-2027.

Spinta lill-ekonomija Ewropea

Il-flus bħala appoġġ speċifiku għat-tkabbir ekonomiku se jilħqu total ta' kważi EUR 80 biljun f'impenji fl-2019. Dan jinkludi żidiet f'numru ta' programmi ewlenin:

  • EUR 12.5 biljun (+8.4 % fuq l-2018) għar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta' Orizzont 2020, inklużi EUR 194 miljun għal Impriża Konġunta Ewropea ġdida tal-Informatika ta' Prestazzjoni Għolja;

  • EUR 2.6 biljun għall-edukazzjoni permezz ta' Erasmus+ (+10.4 % fuq l-2018);

  • EUR 3.8 biljun għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) (+36,4 % fuq l-2018) għal netwerks tal-infrastruttura;

  • ammont ulterjuri ta' EUR 233.3 miljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ biex jiġi mwieżna n-nies li jgħixu f'reġjuni fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa għoli, li għandha tiġi ppareġġata b'fondi mill-Fond Soċjali Ewropew;

    Il-Kummissjoni tistenna l-programmi tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 biex jilħqu veloċità kostanti fl-2019 wara sinjali inkoraġġanti fi tmiem is-sena li għaddiet ta' EUR 57 biljun (+ 2.8 % meta mqabbel mal-2018) u l-finanzjament għall-politika agrikola li jibqa' stabbli fil-livell ta' madwar EUR 60 biljun (+1.2 % meta mqabbel mal-2018).

Is-sigurtà fi ħdan il-fruntieri tal-UE u lil hinn minnhom

Minkejja l-limitazzjonijiet tal-baġit fit-tul tal-UE 2014-2020, il-Kummissjoni qed tuża kull flessibilità fil-baġit biex tiżgura li l-migrazzjoni u l-kwistjonijiet ta' ġestjoni tal-fruntieri jirċievu attenzjoni speċifika għal darb'oħra din is-sena:

  • ir-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil biex tiġi żgurata politika tal-ażil aktar effiċjenti, ġusta u umana;

  • Sistema ġdida ta' Dħul u Ħruġ sabiex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri,

  • it-tisħiħ tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil, u l-aġenziji l-oħra li jaħdmu fuq kwistjonijiet ta' fruntieri u viża;

  • EUR 1.5 biljun addizzjonali għall-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija biex ikomplu jiġu pprovduti l-ikel, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni għal dawk li qed jaħarbu l-gwerer fis-Sirja u bnadi oħra (EUR 500 miljun oħra se jiġu pprovduti diġà mill-baġit attwali tal-2018, u għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li temenda dan tal-aħħar);

  • l-implimentazzjoni ta' żewġ inizjattivi ewlenin: il-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi bl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) biex jindirizza l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni.

Nappoġġaw inizjattivi ġodda

Minbarra li nikkonsolidaw l-isforzi tal-passat, dan l-abbozz tal-baġit jinkludi wkoll appoġġ għal inizjattivi ġodda:

  • EUR 103 miljun għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, biex joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jagħmlu volontarjat jew xogħol fi proġetti f'pajjiżhom stess jew barra minn pajjiżhom;

  • EUR 11-il miljun għall-ħolqien ta' Awtorità Ewropea dwar ix-Xogħol, li se tgħin biex tiżgura mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol fis-suq intern, u tissimplifika l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

  • EUR 40 miljun għall-estensjoni tal-Programm ta' Appoġġ għal Riforma Strutturali li jiffoka fuq l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fl-Istati Membri;

  • EUR 245 miljun għat-twaqqif ta' Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża li jappoġġa l-industrija tad-difiża tal-Ewropa u tersaq lejn Unjoni tad-Difiża Ewropea;

  • EUR 150 miljun biex tissaħħaħ ir-reazzjoni għat-terremoti, in-nirien u diżastri oħra fl-Ewropa permezz ta' riżerva tal-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili fil-livell tal-UE, inkluż tagħmir u timijiet “rescEU”;

  • EUR 5 miljun huma ddedikati għall-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew il-ġdid li jipprosegwixxi kriminalità transfruntiera, inklużi l-frodi, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. Se jittieħdu aktar passi sabiex jiġu protetti individwi u kumpaniji kontra l-attakki ċibernetiċi.

Il-kuntest

L-abbozz tal-Baġit tal-UE għall-2019 jinkludi żewġ ammonti għal kull programm li għandu jiġi ffinanzjat — l-impenji u l-pagamenti. “L-impenji” jirreferu għall-finanzjament li jista' jkun hemm qbil dwaru permezz ta' kuntratti f'sena speċifika; "il-pagamenti" jirreferu għall-flus li effettivament jitħallsu. L-abbozz tal-Baġit tal-UE għall-2019 propost jammonta għal EUR 166 biljun f'impenji (+3 % meta mqabbel mal-2018) u EUR 149 biljun f'pagamenti (+3 % fuq l-2018).

B'mod ġenerali, il-baġit tal-UE huwa primarjament baġit ta' investiment. Dan jammonta għal madwar 1 % tal-ING tal-UE u jirrappreżenta madwar 2 % tan-nefqa pubblika kollha tal-UE, u għandu l-għan li jikkomplementa l-baġits nazzjonali u l-prijoritajiet tal-implimentazzjoni li l-membri kollha tal-UE jkunu qablu fuqhom.

L-artikoli tal-abbozz tal-Ftehim tal-Irtirar miftehma bejn in-negozjaturi tar-Renju Unit u tal-Unjoni dwar is-saldu finanzjarju jipprevedu li r-Renju Unit se jkompli “jikkontribwixxi u jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-baġits tal-Unjoni” daqslikieku kien membru sħiħ matul il-perjodu tranżitorju[1]. Għalhekk, l-abbozz tal-baġit tal-UE tal-2019 huwa ppreżentat fuq il-bażi ta' dan.

Għal aktar tagħrif

 

[1] Abbozz ta' Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, TF50 (2018) 35, 19 ta' Marzu 2018

IP/18/3870

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar