Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tippubblika gwida dwar regoli ġodda li ġejjin dwar il-protezzjoni tad-dejta

Brussell, I-24ta' jannar 2018

Il-Kummissjoni llum ippubblikat gwida biex tiġi ffaċilitata applikazzjoni diretta u bla xkiel tar-regoli l-ġodda għall-protezzjoni tad-dejta madwar l-UE sa mill-25 ta' Mejju. Il-Kummissjoni qed tniedi wkoll għodda ġdida onlajn li hija ddedikata lill-SMEs.

Issa li fadal ftit iktar minn 100 jum qabel l-applikazzjoni tal-liġi l-ġdida, il-gwida tispjega x'għandhom jagħmlu l-Kummisjsoni Ewropea, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta nazzjonali u l-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex it-tħejjija titlesta b'suċċess.

Filwaqt li r-regolament il-ġdid jipprovdi sett uniku ta' regoli li japplika direttament fl-Istati Membri kollha, madankollu se jkun jeħtieġ aġġustamenti sinifikanti f'ċerti aspetti, bħal emendi fil-liġijiet eżistenti mill-gvernijiet tal-UE jew it-twaqqif tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data minn awtoritajiet ta' protezzjoni tad-dejta. Il-gwida tfakkar l-innovazzjonijiet ewlenin, l-opportunitajiet miftuħa permezz tar-regoli l-ġodda u tieħu kont tal-ħidma preparatorja diġà mwettqa u tiddeskrivi l-ħidma li għadha trid issir mill-Kummissjoni Ewropea, mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta u mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea, qal: Il-ġejjieni diġitali tagħna jista' jinbena biss fuq il-fiduċja. Il-privatezza ta' kulħadd trid tiġi protetta. Fil-25 ta' Mejju, regoli iktar b'saħħithom dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE se jsiru realtà. Dan huwa pass kbir 'il quddiem u aħna impenjati li nagħmluh suċċess għal kulħadd.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, żiedet: " Fid-dinja tal-lum, il-mod kif nittrattaw id-dejta se jiddetermina fil-biċċa l-kbira l-futur ekonomiku tagħna u s-sigurtà personali tagħna. Għandna bżonn regoli moderni biex nirreaġixxu għal riskji ġodda, għalhekk nappellaw lill-gvernijiet tal-UE, lill-awtoritajiet u lin-negozji biex jużaw iż-żmien li għad fadal b'mod effiċjenti u jwettqu r-rwol tagħhom fit-tħejjija għall-jum kbir.”

Il-Kummissjoni tappella lill-gvernijiet tal-UE u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta biex ikunu lesti u jipprovdu appoġġ

Mill-adozzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data f'Mejju 2016, il-Kummissjoni ħadmet b'mod attiv mal-atturi kkonċernati kollha — il-gvernijiet, l-awtoritajiet nazzjonali, in-negozji, is-soċjetà ċivili — sabiex tipprepara l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.

Il-preparazzjonijiet qed jimxu 'l quddiem b'veloċitajiet differenti madwar l-Istati Membri. F'dan l-istadju, tnejn minnhom biss diġà adottataw il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. L-Istati Membri għandhom iħaffu l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u jiżguraw li dawn il-miżuri huma f'konformità mar-Regolament. Huma għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom huma mgħammra bir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-indipendenza u l-effiċjenza tagħhom.

Il-Kummissjoni qed talloka EUR 1.7 miljun lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta, iżda wkoll biex jitħarrġu professjonisti tal-protezzjoni tad-dejta. Huma disponibbli wkoll EUR 2 miljuni oħra għall-appoġġ ta' awtoritajiet nazzjonali biex dawn jappellaw għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs.

Għodda ġdida onlajn sabiex tiġi appoġġjata l-applikazzjoni fil-prattika

L-għarfien dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet li ġabu magħhom ir-regoli l-ġodda mhux mifrux b'mod ugwali. B'mod partikolari hemm il-ħtieġa biex jintensifikaw is-sensibilizzazzjoni u l-isforzi ta' konformità għall-SMEs

Illum, il-Kummissjoni Ewropea tniedi għodda ġdida u prattika onlajn biex tgħin liċ-ċittadini, in-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u organizzazzjonijiet oħrajn biex jikkonformaw u jibbenefikaw mir-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Il-Kummissjoni se timpenja ruħha wkoll f'avvenimenti organizzati madwar l-Istati Membri sabiex tgħin lill-partijiet ikkonċernati fit-tħejjija tagħhom u tgħarraf liċ-ċittadini dwar l-impatt tar-Regolament.

Infakkru l-innovazzjonijiet ewlenin u l-opportunitajiet il-ġodda

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jippermetti l-fluss liberu ta' dejta madwar is-Suq Uniku Diġitali. Huwa se jipproteġi aħjar il-privatezza tal-Ewropej u jsaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà għall-konsumaturi, filwaqt li fl-istess ħin jiftaħ opportunitajiet ġodda għan-negozji, speċjalment dawk żgħar.

Il-gwida tfakkar l-elementi ewlenin tar-regoli l-ġodda għall-protezzjoni tad-dejta:

  • Sett uniku ta' regoli madwar il-kontinent, li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali għan-negozji u l-istess livell ta' protezzjoni tad-dejta madwar l-UE għaċ-ċittadini.
  • L-istess regoli japplikaw għall-kumpaniji kollha li joffru servizzi fl-UE, anke jekk dawn il-kumpaniji huma bbażati barra l-UE.
  • Drittijiet ġodda u aktar b'saħħithom għaċ-ċittadini: ġew imsaħħa d-dritt għall-informazzjoni, l-aċċess u d-dritt li d-dejta tintnesa. Dritt ġdid għall-portabbiltà tad-dejta jippermetti liċ-ċittadini sabiex iċaqalqu d-dejta tagħhom minn kumpanija għal oħra. B'hekk il-kumpaniji jingħataw opportunitajiet ġodda ta' negozju.
  • Protezzjoni aktar b'saħħitha kontra ksur tad-dejta: kumpanija li tesperjenza ksur tad-dejta, li tpoġġi lil individwi f'riskju, għandha tinnotifika lill-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta fi żmien 72 siegħa.
  • Regoli effettivi u multi b'effett deterrent: l-awtoritajiet kollha tal-protezzjoni tad-dejta għandhom is-setgħa li jimponu multi sa massimu ta' EUR 20 miljun jew, fil-każ ta' kumpanija, 4% tal-fatturat annwali dinji.

Il-passi li jmiss

Fit-triq lejn il-25 ta' Mejju, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa b'mod attiv l-Istati Membri, lill-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta u n-negozji sabiex tiżgura li r-riforma tkun lesta biex tidħol fis-seħħ. Minn Mejju 2018 'il quddiem, hija se timmonitorja kif l-Istati Membri japplikaw ir-regoli l-ġodda u tieħu azzjoni xierqa kif meħtieġ. Sena wara li r-Regolament jibda jiġi applikat (2019) il-Kummissjoni se torganizza avveniment biex jittieħed kont tal-esperjenzi tal-partijiet ikkonċernati differenti fl-implimentazzjoni tar-Regolament. Dan l-eżerċizzju mbagħad jintuża fir-rapport li l-Kummissjoni hija meħtieġa tipproduċi sa Mejju 2020 dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tar-Regolament.

Sfond

Fis-6 ta' April 2016, l-UE qablet dwar riforma kbira tal-qafas tal-protezzjoni tad-dejta tagħha, bl-adozzjoni tal-pakkett ta' riforma tal-protezzjoni tad-dejta, li fih Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) li jissostitwixxi d-Direttiva li ilha fis-seħħ għoxrin sena. Fil-25 ta' Mejju 2018, jibdew japplikaw ir-regoli ġodda ta' protezzjoni tad-dejta fl-UE, sentejn wara l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħhom.

F'Jannar 2017, il-Kummissjoni pproponiet li tallinja r-regoli għal komunikazzjonijiet elettroniċi (Privatezza Elettronika) mal-istandards globali ġodda tar-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. F'Settembru 2017, il-Kummissjoni pproponiet sett ġdid ta' regoli biex tirregola l-fluss liberu ta' dejta mhux personali fl-UE. Flimkien mar-regoli diġà eżistenti dwar id-dejta personali, il-miżuri l-ġodda se jippermettu l-ħażna u l-ipproċessar ta' dejta mhux personali madwar l-Unjoni kollha sabiex tiżdied il-kompetittività tan-negozji Ewropej u biex jiġu mmodernizzati s-servizzi pubbliċi. Iż-żewġ proposti għad iridu jiġu miftiehma mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri.

Għal aktar tagħrif

Gwida tal-Kummissjoni

Q&A

Għodda onlajn

Skedi informattivi:

- Regoli aħjar għan-negozji Ewropej

- Drittijiet aħjar għall-Protezzjoni tad-Dejta għaċ-ċittadini Ewropej

- Il-pass li jmiss qabel il-25 ta' Mejju

- Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data: l-iżgurar tal-infurzar tiegħu

- L-applikazzjoni ta' suċċess tar-Riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta: sforz kollettiv

 

 

 

IP/18/386

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar