Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu passi biex tipproteġi l-interessi tal-impriżi tal-UE li jinvestu fl-Iran bħala parti mill-impenn kontinwu tal-UE għall-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt

Brussell, it-18ta' mejju 2018

Wara li l-mexxejja tal-UE taw l-approvazzjoni tagħhom fil-laqgħa informali ta' Sofija, il-Kummissjoni Ewropea llum ħadet passi biex tħares l-interessi tal-kumpaniji Ewropej li jinvestu fl-Iran u biex tagħti xhieda tal-impenn tal-UE għall-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (il-PAKK) – il-ftehim nukleari mal-Iran.

il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker qal: “F'Sofija rajna prova tal-unità Ewropea. Sakemm l-Iranjani jirrispettaw l-impenji tagħhom, l-UE tabilħaqq se żżomm mal-ftehim li bniet hija stess - ftehim li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti rratifika unanimament u li huwa essenzjali biex tinżamm il-paċi fir-reġjun u fid-dinja. Madankollu s-sanzjonijiet Amerikani mhux se jkunu mingħajr impatt. Għaldaqstant, għandna d-dmir, il-Kummissjoni u l-Unjoni Ewropea, li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipproteġu l-impriżi Ewropej tagħna, speċjalment l-SMEs.

L-Unjoni Ewropea hija totalment impenjata favur l-implimentazzjoni kontinwa, sħiħa u effettiva tal-ftehim nukleari mal-Iran (il-PAKK), sakemm l-Iran jirrispetta wkoll l-obbligi tiegħu. Id-dikjarazzjoni tal-Istati Uniti li se jirtiraw mill-ftehim nukleari mal-Iran u d-deċiżjoni li jerġgħu jiddaħħlu s-sanzjonijiet għandha l-potenzjal ta' impatt negattiv fuq il-kumpaniji Ewropej li investew bona fide fl-Iran meta ġie ffirmat il-ftehim. It-tneħħija tas-sanzjonijiet relatati mal-kwistjoni nukleari hija parti essenzjali mill-PAKK. L-Unjoni Ewropea qed tieħu l-impenn li ttaffi l-impatt tas-sanzjonijeit tal-Istati Uniti fuq l-impriżi Ewropej u qed tieħu passi biex jinżamm it-tkabbir tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Iran li bdew meta tneħħew is-sanzjonijiet. Dan jista' jinkiseb biss permezz ta' taħlita ta' miżuri li jittieħdu fil-livell Ewropew.

Impenn ieħor tal-Unjoni Ewropea huwa li tinżamm il-kooperazzjoni essenzjali li teżisti mal-Istati Uniti f'ħafna oqsma. L-Istati Uniti għadhom sieħeb u alleat ewlieni.

Wara l-qbil unanimu tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-UE fil-laqgħa tal-mexxejja f'Sofija fil-lejla tas-16 ta' Mejju mal-proposti tal-President Juncker u tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President Federica Mogherini, il-Kummissjoni Ewropea llum ħadet passi fuq erba' aspetti:

  1. Varat il-proċess formali biex tattiva l-Blocking Statute billi aġġornat il-lista ta' dawk is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fuq l-Iran li huma fl-ambitu tagħha. Il-Blocking Statute jipprojbixxi li kumpaniji tal-UE jikkonformaw mal-effetti extraterritorjali tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti, jippermetti li kumpaniji jirkupraw id-danni li jirriżultaw minn sanzjonijiet bħal dawn mingħand il-persuna li tikkawżahom, u jannulla l-effett fl-UE ta' kull sentenza ta' qorti barranija fuq il-bażi tagħhom. L-għan huwa li din il-miżura tidħol fis-seħħ sas-6 ta' Awwissu 2018 meta jibdew jieħdu effett l-ewwel sanzjonijiet.
  2. Varat il-proċess formali biex jitneħħew l-ostakli biex il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jiddeċiedi skont il-garanzija tal-UE li jiffinanzja attivitajiet barra mill-UE, fl-Iran.Dan se jippermetti li l-BEI jappoġġa investiment tal-UE fl-Iran u jista' jkun utli b'mod partikolari għall-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju. Ir-regoli u l-proċeduri relevanti kollha se japplikaw għal operazzjonijiet finanzjarji individwali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jkollhom xahrejn biex joġġezzjonaw għal dawn il-miżuri, ladarba jiġu proposti, qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ. Dan il-perjodu jista' jkun iqsar jekk iż-żewġ Istituzzjonijiet jesprimu l-qbil tagħhom qabel jintemm il-perjodu. Il-proċessi jistgħu jintemmu jekk iċ-ċirkostanzi politiċi ma jibqgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri.

  1. Bħala miżuri biex tinbena l-fiduċja, il-Kummissjoni se tkompli u se ssaħħaħ il-kooperazzjoni settorjali kif ukoll l-assistenza li jinsabu għaddejjin mal-Iran, inkluż fis-settur tal-enerġija u fir-rigward tal-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete, fi tmiem din il-ġimgħa se jmur Teheran. Se tiġi mobilizzata wkoll għajnuna finanzjarja permezz tal-Kooperazzjoni għall-iżvilupp jew l-Istrumenti ta' Sħubija.
  2. Il-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jesploraw il-possibbiltà li jagħmlu trasferimenti bankarji ta' darba lill-Bank Ċentrali tal-Iran. Dan l-approċċ jista' jgħin lill-awtoritajiet Iranjani biex jirċievu d-dħul tagħhom relatat maż-żejt, b'mod partikolari fil-każ ta' sanzjonijiet tal-Istati Uniti li jistgħu jkunu mmirati lejn entitajiet tal-UE attivi fi tranżazzjonijiet fiż-żejt mal-Iran.

Sfond:

Fit-8 ta' Mejju, il-President Trump iddeċieda li jirtira lill-Istati Uniti mill-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) u jerġa jdaħħal is-sanzjonijiet kollha li qabel kienu imposti fuq l-Iran u li kien tneħħew jew ġew derogati bħala riżultat ta' dan il-Ftehim. Is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti se jidħlu fis-seħħ mill-ġdid wara perjodu ta' rallentament ta' 90 jum (sas-6 ta' Awwissu 2018) għal ċerti sanzjonijiet u 180 jum (sal-4 ta' Novembru 2018) għal oħrajn.

Fid-9 ta' Mejju, ir-Rappreżentant Għoli ħarġet Dikjarazzjoni f'isem l-UE, fejn ikkonfermat mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-implimentazzjoni kontinwa, sħiħa u effettiva tal-Ftehim u d-determinazzjoni tagħha li taħdem mal-komunità internazzjonali biex tippreservah, sakemm l-Iran ikompli jirrispetta l-impenji tiegħu.

Fil-15 ta' Mejju, ir-Rappreżentant Għoli / Viċi President Mogherini laqqgħet lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta' Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Iran, biex jindirizzaw id-dikjarazzjoni u biex jaqblu dwar id-dħul fis-seħħ ta' sett komuni ta' linji ta' azzjoni u ta' miżuri.

Fis-16 ta' Mejju, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddiskuta l-miżuri possibbli biex jippreservaw il-Ftehim u jipproteġu l-interessi Ewropej. Dakinhar stess il-President Juncker u r-Rappreżentant Għoli / Viċi President Mogherini ppreżentaw dawn il-proposti lill-mexxejja tal-UE waqt il-laqgħa informali tagħhom f'Sofija u rċevew l-appoġġ unanimu għal dan il-perkors 'il quddiem.

IP/18/3861

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar