Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ekonomija Ċirkolari: Ir-regoli ġodda dwar l-iskart se jpoġġu lill-UE minn ta' quddiem fil-livell globali għall-immaniġġjar tal-iskart u r-riċiklaġġ

Brussell, it-22ta' mejju 2018

Illum, bħala parti mill-politika usa' tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari, l-Istati Membri tal-UE approvaw sett ta' miżuri ambizzjużi biex il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tkun adegwata għall-futur.

Ir-regoli l-ġodda — imsejsa fuq il-proposti tal-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari mressaq f'Diċembru 2015 — se jgħinu biex kemm jista' jkun ma jintremiex skart, u fejn dan ma jkunx possibbli, se jaġevolaw ir-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali u dak ġej mill-imballaġġ. Dan se jelimina gradwalment ir-rimi fil-miżbliet u se jippromwovi l-użu ta' strumenti ekonomiċi, bħall-iskemi ta' Responsabbiltà Estiża tal-Produttur. Il-liġi l-ġdida tkompli ssaħħaħ il-“ġerarkija tal-iskart”, jiġifieri se titlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi biex jagħtu prijorità lill-prevenzjoni, lill-użu mill-ġdid u lir-riċiklaġġ minflok lir-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni, u b'hekk l-ekonomija ċirkolari ssir realtà.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, qal: “Din l-approvazzjoni finali għar-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-iskart mill-Kunsill timmarka mument importanti għall-ekonomija ċirkolari fl-Ewropa. Il-miri ġodda ta' riċiklaġġ u tar-rimi fil-miżbliet jistabbilixxu perkors kredibbli u ambizzjuż għal ġestjoni aħjar tal-iskart fl-Ewropa. Il-kompitu ewlieni tagħna issa huwa li jiġi żgurat li l-wegħdiet li huma mnaqqxa f'dan il-pakkett dwar l-iskart jiġu attwati. Il-Kummissjoni se tagħmel dak kollu li tista' biex twassal il-leġiżlazzjoni l-ġdida sal-livell lokali.”

Il-Kummissjoni oriġinarjament kienet ressqet il-proposti għal regoli ġodda dwar l-iskart fl-2014. Dawn kienu ġew irtirati sena wara, fl-2015, u minflokhom tressqu proposti oħrajn maħsuba aħjar, aktar ċirkolari u aktar ambizzjużi fin-natura tagħhom, bħala parti mill-aġenda tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni Juncker. Dawn ir-regoli kienu mbagħad ġew adottati u llum jagħmlu parti mis-sett tar-regoli tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda li ġew adottati llum jirrappreżentaw l-aktar leġiżlazzjoni moderna dwar l-iskart fid-dinja, u l-UE qiegħda tmexxi bl-eżempju tagħha.

Id-dettalji tar-regoli l-ġodda dwar l-iskart:

Il-miri tar-riċiklaġġ mill-iskart muniċipali:

Sal-2025

Sal-2030

Sal-2035

55 %

60 %

65 %

Barra minn hekk, regoli aktar stretti biex jiġu kkalkulati r-rati ta' riċiklaġġ se jgħinu biex jiġi mmonitorjat aħjar il-progress reali lejn l-ekonomija ċirkolari.

Il-miri tar-riċiklaġġ ġodda għall-iskart mill-imballaġġ:

 

Sal-2025

Sal-2030

L-imballaġġ kollu

65 %

70 %

Plastik

50 %

55 %

Injam

25 %

30 %

Metalli ferrużi:

70 %

80 %

Aluminju

50 %

60 %

Ħġieġ

70 %

75 %

Karta u kartun

75 %

85 %

Il-ġbir separat

Fuq il-bażi tal-obbligu tal-ġbir separat għall-karta u l-kartun, għall-ħġieġ, għall-metalli u għall-plastik, regoli ġodda tal-ġbir separat se jagħtu spinta lill-kwalità tal-materja prima sekondarja u l-użu tagħhom: l-iskart domestiku perikoluż se jkollu jiġi miġbur separatament sal-2022, il-bijoskart sal-2023 u t-tessuti sal-2025.

L-eliminazzjoni gradwali tar-rimi fil-miżbliet

Ir-rimi tal-iskart fil-miżbliet ma jagħmilx sens f'ekonomija ċirkolari u jista' wkoll iniġġes l-ilma, il-ħamrija u l-arja. Sas-sena 2035, l-ammont tal-iskart muniċipali mormi f'miżbliet għandu jitnaqqas għal 10 % jew inqas mill-ammont totali tal-iskart muniċipali ġġenerat.

L-inċentivi

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tipprevedi aktar l-użu ta' strumenti ekonomiċi effettivi u miżuri oħra favur il-ġerarkija tal-iskart. Il-produtturi jingħataw rwol importanti f'din it-tranżizzjoni billi jsiru responsabbli għall-prodotti tagħhom meta dawn isiru skart. Rekwiżiti ġodda għal skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur se jwasslu għal titjib fil-prestazzjoni u l-governanza tagħhom. Barra minn hekk, sal-2024 għandhom jiġu stabbiliti skemi obbligatorji ta' responsabbiltà estiża tal-produttur għal kull imballaġġ.

Il-prevenzjoni

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tixħet enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-iskart u se tintroduċi għanijiet importanti għall-iskart tal-ikel fl-UE u għat-twaqqif ta' skart fil-baħar li jgħinu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU f'dawn l-oqsma.

Il-passi li jmiss:

Ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali.

Il-kuntest

Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, fit-2 ta' Diċembru 2015 il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett ta' proposti leġiżlattivi dwar l-iskart. Fit-18 ta' Diċembru 2017, intlaħaq ftehim provviżorju dwar l-erba' proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni bejn il-koleġiżlaturi. Il-Parlament Ewropew approva l-ftehim fis-sessjoni plenarja tiegħu f'April 2018.

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, ħafna Stati Membri tejbu gradwalment il-ġestjoni tagħhom tal-iskart, b'konformità mal-ġerarkija tal-iskart tal-UE. Fl-1995, medja ta' 64 % ta' skart muniċipali ntrema' f'miżbliet fl-UE. Fl-2000, il-medja kienet tnaqqset għal 55 % filwaqt li l-medja tar-rata ta' riċiklaġġ kienet ta' 25 %. Fl-2016, ir-rimi f'miżbliet ta' skart domestiku fl-UE b'mod ġenerali naqas għal 24 %, filwaqt li r-riċiklaġġ żdied għal 46 %. Madankollu, għad hemm sfidi u differenzi kbar bejn il-pajjiżi tal-UE. Fl-2016, għaxar Stati Membri rmew fil-miżbliet aktar minn 50 % tal-iskart domestiku tagħhom u sitta minnhom inċineraw 40 % jew aktar.

Għal aktar tagħrif

Għat-test tad-Direttivi l-ġodda kklikkja hawnhekk.

IP/18/3846

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar