Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ES IT EL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aktar tkabbir u impjiegi: L-UE tinvesti EUR 873 miljun fl-infrastruttura għall-enerġija nadifa

Brussell, il-25ta' jannar 2018

Illum l-Istati Membri tal-UE ftiehmu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal investiment ta' EUR 873 miljun fi proġetti Ewropej ewlenin għall-infrastruttura tal-enerġija.

It-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija nadifa u moderna hija l-mira tal-Unjoni tal-Enerġija u waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker. Din issa qed tibda sseħħ fir-realtà, u wieħed mis-sisien importanti tagħha huwa l-adattament tal-infrastruttura Ewropea għall-ħtiġijiet tal-enerġija tal-ġejjieni. L-interkonnessjoni adegwata tal-linji tal-elettriku u tal-pipelines tal-gass tifforma s-sinsla ta' suq tal-enerġija Ewropew integrat u bbażat fuq il-prinċipju ta' solidarjetà. Għaldaqstant, l-appoġġ għal dawn is-17-il proġett magħżula fis-settur tal-gass u l-elettriku, juri r-rieda tal-Ewropa li ttejjeb u tagħmel is-sistema tal-enerġija Ewropea aktar kompetittiva, li fl-aħħar mill-aħħar se tipprovdi enerġija orħos u sigura lill-konsumaturi Ewropej kollha.

Il-finanzjament tal-UE għall-proġetti magħżula ġej mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (is-CEF, Connecting Europe Facility), il-programm ta' appoġġ Ewropew għall-infrastruttura trans-Ewropea.

Maroš Šefčovič, il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Unjoni tal-Enerġija, qal: “Għal darb'oħra qed nuru li l-kooperazzjoni u s-solidarjetà jagħtu l-frott u li l-Unjoni tal-Enerġija qed issir realtà b'impatt li jinħass fil-prattika. Dawn huma proġetti importanti b'benefiċċji transfruntieri kbar u bl-implimentazzjoni tagħhom qed insaħħu r-reżiljenza enerġetika tal-Istati Membri tal-UE. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wriet għal darb'oħra l-valur miżjud enormi fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea.

Arias Cañete, il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija qal: “Il-bini tal-interkonnessjoni bejn Franza u Spanja fil-Golf tal-Biskalja huwa pass importanti biex jintemm l-iżolament tal-Peniżola Iberika mill-bqija tas-suq Ewropew tal-enerġija. Is-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa tista' titjieb biss permezz ta' suq interkonness b'mod sħiħ, li jnaqqas id-dipendenza fuq il-fornituri uniċi u joffri aktar għażla lill-konsumaturi. Minbarra dan, għandna bżonn infrastruttura tal-enerġija li tkun adattata għall-iskop tagħha biex is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jirnexxu u biex jiġu rrispettati l-impenji li saru bil-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

Fost is-17-il proġett li ntgħażlu għall-finanzjament:

  • tmienja huma fis-settur tal-elettriku (appoġġ mill-UE ta' EUR 680 miljun) u disgħa fis-settur tal-gass (appoġġ mill-UE ta' EUR 193 miljun).
  • Erbgħa huma relatati max-xogħlijiet ta' kostruzzjoni (appoġġ mill-UE ta' EUR 723 miljun) u 13 mal-istudji (appoġġ mill-UE ta' EUR 150 miljun).

Fis-settur tal-elettriku, l-għotja ta' EUR 578 miljun, l-akbar għotja għall-Enerġija li qatt ingħatat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, se tkun deċiżiva għall-kostruzzjoni tal-interkonnessjoni bejn Franza u Spanja fil-Golf tal-Biskalja. Il-konnessjoni l-ġdida tal-elettriku se ttejjeb l-integrazzjoni tal-Peniżola Iberika fis-suq intern tal-elettriku. Il-proġett, li jinkludi sezzjoni off-shore ta' 280 km, jinkorpora soluzzjonijiet teknoloġikament innovattivi fejn għandu x'jaqsam mat-tfassil ta' rotta fuq il-canyon ta' Capbreton u s-sezzjoni kontinentali fi Franza, li hija kompletament taħt l-art. Din il-konnessjoni ġdida se twassal biex kważi tirdoppja l-kapaċità ta' interkonnessjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, għax iżżidha minn 2,800 MW għal 5,000 MW, u tqarreb lil Spanja lejn il-mira ta' interkonnessjoni ta' 10 % mil-livell attwali ta' 6 %. Din il-qabża 'l quddiem se tippermetti li tissaħħaħ l-inkorporazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, u b'hekk tikkontribwixxi b'mod qawwi għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u għall-politika tal-UE dwar it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

Wieħed mill-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija ewlenin fil-Ġermanja, SuedOstLink se jirċievi EUR 70 miljun għall-attivitajiet biex ikunu jistgħu jinbdew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni. Il-proġett jikkonsisti f'580 km ta' kejbils b'vultaġġ għoli mqiegħda kompletament taħt l-art. Il-linja elettrika se toħloq konnessjoni, li hi meħtieġa b'mod urġenti, bejn l-enerġija mir-riħ iġġenerata fit-Tramuntana u ċ-ċentri tal-konsum fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. Għalhekk, din se tiżgura integrazzjoni aħjar tal-enerġiji rinnovabbli, kif ukoll se ssaħħaħ l-iskambju transfruntier tal-enerġija ma' Stati Membri tal-UE li huma ġirien.

Se tiġi allokata wkoll għotja ta' EUR 27 miljun biex tappoġġa l-bini ta' linja elettrika interna ġdida ta' 400 kV bejn Cernavoda u Stalpu (RO), li se tikkontribwixxi biex tiżdied il-kapaċità ta' interkonnessjoni bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija u se tgħin biex tiġi integrata l-enerġija mir-riħ mill-kosta tal-Baħar l-Iswed.

Fis-settur tal-gass, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se tappoġġa proġetti ta' infrastruttura li huma importanti għal żewġ Stati Membri gżejjer. L-ewwel nett, l-introduzzjoni tal-gass naturali f'Ċipru permezz tal-proġett CyprusGas2EU (appoġġ mill-UE ta' EUR 101 miljun) se ttemm l-iżolament enerġetiku attwali ta' Ċipru, se toħloq diversifikazzjoni f'reġjun iddominat fil-biċċa l-kbira minn sors wieħed ta' provvista u se tgħin biex jitnaqqsu t-tniġġis tal-arja u l-emissjonijiet billi tippermetti l-bidla minn żejt tal-fjuwil tqil għall-gass għall-ġenerazzjoni tal-enerġija. Se ttejjeb ukoll is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività tal-prezzijiet. It-tieni, se tiġi allokata għotja ta' EUR 3.7 miljun għal studju dwar l-Interkonnessjoni tal-Gass bejn Malta u l-Italja bl-għan li jintemm l-iżolament ta' Malta min-netwerk tal-gass Ewropew. Dan l-interkonnettur se jgħaqqad lil Malta mas-suq Taljan, filwaqt li se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-gżira b'mod simili bħalma sar fis-settur tal-elettriku permezz tal-istallazzjoni ta' kejbil taħt il-baħar iffinanzjat minn programm tal-UE preċedenti.

Barra minn hekk, se jiġi allokat finanzjament għal studju dwar il-proċess tal-għoti tal-permessi tal-proġett STEP (EUR 1.7 miljun), bl-għan li jinħoloq punt ta' interkonnessjoni tal-gass ġdid bejn Franza u Spanja biex jiżdiedu l-flussi bidirezzjonali bejn il-Peniżola Iberika u Franza u titjieb l-interkonnessjoni tas-suq intern tal-gass permezz tal-iżvilupp tal-assi tal-gass tal-Lvant.

Il-Kummissjoni se tinvesti wkoll fi studji biex tappoġġa s-sinkronizzazzjoni tal-Istati Baltiċi man-netwerk Ewropew tal-elettriku ċentrali. Id-deċiżjoni tal-lum għandha importanza ewlenija għall-Estonja, għal-Latvja, għal-Litwanja u għal-Polonja li, sa mhux aktar tard minn Mejju 2018, iridu jaslu għal soluzzjoni dwar l-aħjar mod kif il-grilja elettrika tal-Istati Baltiċi tista' tiġi sinkronizzata mas-sistema tal-Ewropa kontinentali, b'konformità mar-riżultati tal-laqgħa ministerjali ta' Diċembru 2017 (ara d-DIKJARAZZJONI/17/5271).

Sfond

Permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa ġew allokati EUR 5 biljun b'kollox għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea matul il-perjodu bejn l-2014 u l-2020. Sabiex tkun eleġibbli għal għotja, il-proposta trid tkun “proġett ta' interess komuni” (il-PCI, project of common interest). Ladarba jitlestew, il-proġetti se jwasslu għal benefiċċji sinifikanti għal mill-anqas żewġ Stati Membri kull wieħed, se jtejbu s-sigurtà tal-provvista, se jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tas-suq, u se jtejbu l-kompetizzjoni kif ukoll se jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Il-lista tiġi aġġornata kull sentejn. L-aktar lista riċenti tal-PCI ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni f'Novembru 2017. Permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Enerġija) diġà ngħataw l-għotjiet li ġejjin: EUR 647 miljun għal 34 proġett fl-2014, EUR 366 miljun għal 35 proġett fl-2015 u EUR 707 miljun għal 27 proġett fl-2016.

Għal Aktar Informazzjoni

Il-lista tal-proġetti kollha li jirċievu appoġġ tal-UE mis-sejħa attwali

Ħarsa ġenerali lejn il-proġetti ffinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Enerġija fl-2014-2016

Il-lista attwali ta' “proġetti ta' interess komuni” 

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (l-INEA, Innovation and Networks Executive Agency)

IP/18/383

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar