Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent: intejbu l-konnettività u s-sigurtà fir-reġjun

Brussell, is-17ta' mejju 2018

Summit li sar illum bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u l-mexxejja tas-sħab tal-Balkani tal-Punent f'Sofija kkonferma l-prospettiva Ewropea tar-reġjun u stipula għadd ta' azzjonijiet konkreti biex isaħħu l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-konnettività, tas-sigurtà u tal-istat tad-dritt.

Il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker qal: “Dan is-summit ippermettielna nsawru rabtiet iktar mill-qrib mal-ħbieb tagħna mill-Balkani tal-Punent, li, pass pass, ta' kuljum qegħdin jersqu ftit iktar lejn l-Unjoni Ewropea — kulħadd bil-pass u l-merti tiegħu. Li tkun ankrat fl-Unjoni Ewropea jfisser li taqsam il-prinċipji u l-valuri tagħha, inkluż ir-rispett għall-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà tal-kelma — għax l-Unjoni Ewropea hija, qabelxejn, komunità tal-valuri u tad-dritt.”

Is-summit u d-Dikjarazzjoni ta' Sofija li ħarġet minnu jisħqu fuq l-importanza li jkompli l-impenn tal-Balkani tal-Punent favur l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-governanza tajba, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ta' nies li huma parti minn minoranzi. L-implimentazzjoni effettiva tar-riformi f'dawn l-oqsma hija essenzjali biex ir-reġjun ikompli miexi 'l quddiem fit-triq Ewropea tiegħu. Il-mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent qablu li jieħdu għadd ta' azzjonijiet biex itejbu l-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija, kif ukoll il-konnettività diġitali fir-reġjun. L-UE u s-sħab tal-Balkani tal-Punent ħejjew ukoll is-sisien għal kooperazzjoni eqreb fl-oqsma tas-sigurtà, tal-migrazzjoni, u fl-indirizzar ta' sfidi ġeopolitiċi.

Ngħaqqdu flimkien l-infrastrutturi, l-ekonomiji, u n-nies

Biex jappoġġa l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Sofija u filwaqt li jislet mill-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-Balkani tal-Punent u s-sitt inizjattivi emblematiċi tagħha, il-President Juncker illum ħabbar pakkett ġdid ta' miżuri li se jagħtu spinta lill-konnettività fir-reġjun u mal-UE, partikolarment permezz tal-Qafas ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent.

  • L-UE se tipprovdi għotjiet għal 11-il proġett addizzjonali tat-trasport bi prijorità għolja (toroq, linji tal-ferrovija, portijiet) b'valur ta' €190 miljun. Dan l-investiment jista' jingrana sa €1 biljun f'self minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Dan jinkludi finanzjament għall-ewwel żewġ sezzjonijiet tat-“Triq tal-Paċi” (Nis–Pristina–Durres) u t-“Triq il-Blu” tul il-kosta Adrijatika.
  • Sabiex tiżviluppa l-Aġenda Diġitali l-ġdida għall-Balkani tal-Punent, l-UE allokat €30 miljun għal investimenti fl-introduzzjoni tal-broadband madwar ir-reġjun. Is-sħab qablu li jestendu l-arranġamenti tar-reġjun biex inaqqsu l-ispejjeż tar-roaming għas-sitt sħab kollha, filwaqt li l-UE se tiżviluppa pjan direzzjonali biex tnaqqas l-ispejjeż tar-roaming bejn il-Balkani tal-Punent u l-UE.
  • Barra minn hekk, l-UE se tappoġġa t-tranżizzjoni tal-enerġija tar-reġjun, inkluż billi tippromwovi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, inkluż l-użu sostenibbli tal-enerġija idroelettrika.
  • Fil-qasam tal-konnettività ekonomika, il-Kummissjoni qed tkompli tappoġġa l-pjan tar-reġjun li jiżviluppa Żona Ekonomika Reġjonali, u s-Summit laqa' l-impenji li saru biex tiżdied il-ħidma fuq ir-rikonoxximent tal-kwalifiki kif ukoll dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-Balkani tal-Punent.
  • Il-Kummissjoni se żżid l-appoġġ tagħha għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni, b'mod partikolari billi tirdoppja l-finanzjament għall-Erasmus+ għar-reġjun u billi tniedi proġett pilota għall-mobbiltà fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll “Laboratorju taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent” fl-2018, li jagħti spazju għal tfassil ta' politika innovattiva li tindirizza l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ. Finalment, se tappoġġa l-espansjoni tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ, u se tintroduċi skema ta' mobbiltà intrareġjonali.

Aktar tard tul is-sena, se jiġu ppreżentati elementi oħrajn tal-Pakkett ta' Konnettività annwali tal-UE.

Barra minn hekk, is-sħab impenjaw irwieħhom favur l-Aġenda Diġitali għall-Balkani tal-Punent. Din se tkun ta' appoġġ għat-tranżizzjoni tal-Balkani tal-Punent lejn ekonomija diġitali, u tinkludi passi bħal pjan direzzjonali biex jitnaqqsu l-ispejjeż tar-roaming kif ukoll pakkett ta' assistenza teknika għal investmenti potenzjali f'oqsma bħall-broadband.

Kooperazzjoni iktar mill-qrib fuq is-sigurtà

L-UE u l-Balkani tal-Punent jaffaċċaw sfidi ta' sigurtà komuni. Fis-summit, l-UE u l-Balkani tal-Punent qablu li jżidu l-ħidma tagħhom fuq prijoritajiet tas-sigurtà ewlenin:

  • il-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż il-finanzjament tiegħu, l-estremiżmu vjolenti, u r-ritorn ta' ġellieda barranin, kif ukoll il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni;
  • kooperazzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, partikolarment rigward it-traffikar tal-armi tan-nar u tad-droga illegali, it-traffikar ta' oġġetti u persuni, kif ukoll theddid online u ibridu.

L-UE u s-sħab tal-Balkani tal-Punent qablu li jibnu fuq l-isforzi li għaddejjin bħalissa, li diġà huma sostanzjali, billi jtejbu l-ħidma strateġika u operazzjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, b'mod partikolari permezz tas-sehem tal-Balkani tal-Punent fiċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE bejn l-2018–2021, il-kooperazzjoni kkoordinata madwar l-UE kontra l-kriminalità serja u organizzata. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni, bħall-Europol jew is-CEPOL, se jinvolvu rwieħhom iktar fil-Balkani tal-Punent biex jgħaqqdu effettivament l-azzjonijiet interni u esterni kontra kull tip ta' kriminalità organizzata transnazzjonali.

Il-kooperazzjoni fir-rispons għall-kriżi tar-refuġjati wriet il-valur tal-isforzi kkoordinati. Il-mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż permezz tal-uffiċjali ta' kollegament skjerati mill-UE.

Għal aktar tagħrif

Id-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent

Is-sit web tas-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent

Involviment imsaħħaħ tal-UE mal-Balkani tal-Punent

Id-Direttorat Ġenerali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir

L-aġenda għall-konnettività 2018

Skeda informattiva dwar Konnettività Msaħħa

Skeda informattiva dwar Konnettività Diġitali Msaħħa

Filmat — L-aġenda dwar il-konnettività

Skeda informattiva: Sitt inizjattivi ġodda ewlenin biex tiġi appoġġata t-trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent

Skeda informattiva — It-triq 'il quddiem

Skeda informattiva — Relazzjonijiet ekonomiċi — Ninvestu fin-nies, fl-infrastruttura u fir-riformi

Skeda informattiva: Involviment tal-UE mal-Balkani tal-Punent

Infografika — il-Montenegro

Infografika — is-Serbja

Infografika — l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Infografika — l-Albanija

Infografika — il-Bożnija-Ħerzegovina

Infografika — il-Kosovo

IP/18/3821

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar