Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni: Is-sitwazzjoni għadha fraġli u ma tagħtix lok għal serħan il-moħħ

Brussell, is-16ta' mejju 2018

Il-Kummissjoni llum qiegħda tirrapporta dwar il-progress fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u fil-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni minn Diċembru 2017, u qed tippreżenta aktar azzjonijiet importanti li għandhom jittieħdu.

Filwaqt li l-isforzi konġunti tal-UE komplew jagħtu riżultati, is-sitwazzjoni għadha fraġli minħabba l-pressjoni migratorja kontinwa, kif juru ż-żidiet ġodda fil-wasliet mir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant u mir-rotta tal-Mediterran tal-Punent. Dan jirrikjedi li l-UE kollha kemm hi tkun viġilanti u mħejjija kif hemm bżonn biex tirrispondi għal kwalunkwe żidiet kbar jew ċaqliq staġonali fil-pressjoni, inkluż minn rotta għall-oħra. Ir-rapport tal-lum jidentifika fejn hemm bżonn li tissaħħaħ ir-risposta attwali: jissolvew id-diskrepanzi persistenti fl-assi għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta; jiżdiedu r-ritorni; tissaħħaħ ir-risistemazzjoni; u protezzjoni aħjar għall-migranti tul ir-rotot.

L-Ewwel Viċi-President Fran Timmermans qal: “Dan ir-rapport jikkonferma li nistgħu biss niġġestixxu l-migrazzjoni b'mod komprensiv, permezz ta' azzjonijiet li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku u li huma bbażati fuq ir-responsabbiltà u s-solidarjetà. Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil riformata hija parti ċentrali minn dan l-approċċ u flimkien mal-baġit fit-tul tal-UE, l-UE se tkun lesta biex tindirizza kwalunkwe kriżi migratorja fil-futur. Din ir-riforma ma tistax tistenna u nittama li l-Kunsill Ewropew jirnexxilu jilħaq ftehim f'Ġunju.”

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “F'dawn l-aħħar snin sar progress importanti kemm fl-UE kif ukoll mal-pajjiżi sħab tagħna. Madankollu, is-sitwazzjoni għadha fraġli u l-ħidma tagħna għad fadlilha ħafna qabel titlesta. Din hija r-raġuni għalfejn qed nitlob lill-Istati Membri biex jibagħtu b'mod urġenti gwardji tal-fruntiera u tagħmir għall-operazzjonijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, kif ukoll biex jonoraw l-impenn tagħhom li nilħqu ftehim dwar ir-riforma tal-ażil f'Ġunju. Aħna qegħdin naraw għal darb' oħra kif ma għandna assolutament l-ebda ħin x'nitilfu.”

 

Il-wasliet mit-tliet rotot ewlenin

Matul l-ewwel xhur tal-2018 kompliet ix-xejra ‘l isfel tal-2017 fil-Mediterran Ċentrali biċ-ċifri tal-wasliet ikunu madwar 77 % aktar baxxi minn dawk irreġistrati fl-istess perjodu fl-2017.

Filwaqt li għadhom drastikament inqas minn qabel id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, il-wasliet mit-Turkija raw żieda sinifikanti minn Marzu 2018, kemm lejn il-gżejjer Griegi (9 349 mill-bidu tal-2018) kif ukoll mill-fruntiera tal-art (6 108 fl-2018, s'issa, disa' darbiet aktar mill-istess perjodu fl-2017). Filwaqt li s-sitwazzjoni kumplessiva baqgħet stabbli tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, f'dawn l-aħħar xhur ġew irrappurtati żidiet fiċ-ċaqliq mill-Albanija, mill-Montenegro u mill-Bożnja u Ħerzegovina.

Il-wasliet mir-rotta tal-Mediterran tal-Punent baqgħu juru xejra ‘l fuq b'madwar 6 623 wasla fi Spanja minn Jannar 2018 (22 % ogħla milli fl-ewwel xhur tal-2017).

 

Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta bħalissa qed tgħin lill-gwardji nazzjonali tal-fruntiera b'1 350 espert skjerat tul ir-rotot migratorji kollha. Fid-dawl taż-żieda fil-pressjoni migratorja, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tinsab lesta biex issaħħaħ il-preżenza tagħha fuq il-fruntiera tal-art bejn il-Greċja u t-Turkija. L-Aġenzija offriet ukoll li tittriplika l-iskjeramenti operazzjonali tagħha fil-fruntieri tal-art tal-Greċja mal-Albanija u mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Barra minn hekk, qed isir progress biex jiġu konklużi ftehimiet ma' pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li se jippermettu lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tgħinhom direttament fil-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom meta jkun meħtieġ.

Madankollu, hemm nuqqasijiet sinifikanti u persistenti fil-persunal u fit-tagħmir għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta — sal-punt li jistgħu jiġu ssodisfati biss inqas minn nofs il-ħtiġijiet operazzjonali attwali. L-Istati Membri jridu, urġentament, jibagħtu aktar gwardji u tagħmir biex l-Aġenzija tkun tista' ssostni l-operazzjonijiet li għaddejjin jew biex tkun f'pożizzjoni li timpenja ruħha f'oħrajn ġodda.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal baġit fit-tul li jmiss ser issaħħaħ b'mod sinifikanti l-fondi dedikati għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni, inklużi riżorsi addizzjonali biex tissaħħaħ il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, fejn il-pjan huwa li jkun hemm korp permanenti ta' 10 000.

 

Il-protezzjoni tal-migranti tul ir-rottot

L-UE qed tkompli l-ħidma tagħha biex tindirizza l-għeruq tal-migrazzjoni filwaqt li tipproteġi l-migranti tul ir-rottot u toffri alternattivi għall-migrazzjoni irregolari:

  • Ritorni volontarji mil-Libja: Bl-appoġġ tal-UE, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) għenet lil aktar minn 6 185 persuna jirritornaw lejn darhom volontarjament mil-Libja fl-2018 biss. It-Taskforce tal-UA - UE - NU qed tkompli taħdem mal-awtoritajiet Libjani biex ittemm id-detenzjoni sistematika tal-migranti, inklużi t-tfal. Sa issa din is-sena, aktar minn 1 000 refuġjat ġew irrilaxxati mid-detenzjoni bis-saħħa ta' dawn l-isforzi.
  • Evakwazzjonijiet ta' emerġenza: 1 152 ruħ ġew evakwati mil-Libja lejn in-Niġer permezz tal-Mekkaniżmu ta' Tranżitu ta' Emerġenza biex jiġu risistemati fl-Ewropa. 108 minnhom diġà ġew risistemati fi Franza, fl-Isvezja u fl-Isvizzera. Ir-riferenzi mill-UNHCR issa għandhom jitħaffu ħalli jiżdiedu t-trasferimenti lejn l-Istati Membri tal-UE. L-UE qed tappoġġa dan l-isforz b'EUR 20 miljun.
  • Il-ġlieda kontra n-netwerks tal-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u tat-traffikar ta' bnedmin: Il-kooperazzjoni mas-sħab tas-Saħel qed tissaħħaħ, f'konformità mad-Dikjarazzjoni adottata f'Niamey f'Marzu.
  • L-indirizzar tal-kawżi ta' bażi: Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika wera s-siwi tiegħu, b'147 programm, għal ammont totali ta' EUR 2.59 biljun s'issa, li qed jiffinanzjaw inizjattivi kruċjali bħar-ritorni volontarji mil-Libja. Madankollu, diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament ta' madwar EUR 1.2 biljun qed thedded dawn l-isforzi jekk mhux se tiġi indirizzata mill-UE u mill-Istati Membri.

Illum, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar l-Uffiċjali ta' Kollegament għall-Immigrazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri tal-UE f'pajjiżi mhux fl-UE biex jgħinu ħalli tiġi intensifikata d-dimensjoni tal-UE ta' koordinazzjoni ma' sħab kruċjali.

 

Il-kundizzjonijiet fil-Greċja

Il-kundizzjonijiet fil-Greċja għadhom ta' tħassib serju bi pressjoni qawwija fuq il-gżejjer u l-pass bil-mod tal-proċedimenti tal-ażil li qed ifixkel r-ritorni lejn it-Turkija. Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Greċja biex ittejjeb il-kundizzjonijiet fil-gżejjer bl-appoġġ tal-UE; b'mod urġenti tħaffef il-pass tar-ritorni; u tiffinalizza l-pjan ta' kontinġenza tagħha għal żieda fil-wasliet.

 

Ir-ritorn u r-riammissjoni

Hija meħtieġa aktar ħidma biex jiżdied ir-ritorn ta' dawk il-migranti li ma jkollhomx dritt jibqgħu fl-UE peress li fir-realtà twettqu biss 36.6 % tal-ordnijiet ta' ritorn fl-2017. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għenet biex jiġu organizzati 111-il operazzjoni ta' ritorn fl-2018 iżda l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu ħafna akbar mill-mandat imsaħħa tal-Aġenzija dwar ir-ritorn. Qed isir progress sinifikanti fit-titjib tal-kooperazzjoni fir-ritorn mal-pajjiżi ta' oriġini, b'diversi arranġamenti prattiċi konklużi matul dawn l-aħħar xhur u b'aktar negozjati għaddejjin. Biex tkompli ttejjeb il-monitoraġġ tar-ritorni u tal-istatistika tal-migrazzjoni rilevanti oħra, illum, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tiżdied il-frekwenza tal-pubblikazzjonijiet tad-dejta mill-Eurostat.

 

Ir-Risistemazzjoni

Skont l-iskema ġdida ta' risistemazzjoni tal-Kummissjoni, 20 Stat Membru wiegħdu aktar minn 50 000 post, li minnhom 4 252 diġà ġew ittrasferiti. Il-Kummissjoni qed tappella lill-Istati Membri biex iwettqu 50 % mill-wegħdiet ta' risistemazzjoni sa Ottubru 2018.

Il-passi li jmiss

Biex jinżamm l-approċċ komprensiv tal-UE dwar il-migrazzjoni u jiġi żgurat li l-Ewropa tkun mgħammar biex tindirizza kwalunkwe kriżi futura, l-Istati Membri issa għandhom:

  • Jimlew in-nuqqas ta' gwardji tal-fruntiera u ta' tagħmir għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;
  • Jimlew il-vojt ta' EUR 1.2 biljun fil-finanzjament għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika;
  • Itejbu l-kundizzjonijiet fil-Greċja u jħaffu r-ritorni lejn it-Turkija;
  • Iżidu b'mod sinifikanti r-ritorni u jagħmlu użu mill-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta biex tassisti fir-ritorni;
  • Jaċċelleraw l-isforzi ta' risistemazzjoni taħt l-iskema l-ġdida għal pajjiżi prijoritarji, b'mod partikolari fir-rigward tal-Mekkaniżmu ta' Tranżitu ta' Emerġenza fin-Niġer, kif ukoll skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija;
  • Jilħqu ftehim malajr dwar ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, ħalli jiżguraw li l-UE tkun preparata biex taffronta kwalunkwe kriżi fil-futur.


Sfond

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija estensiva, permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, biex jiġu indirizzati l-isfidi immedjati tal-kriżi li għaddejja, kif ukoll biex l-UE tiġi mgħammra bl-għodda biex iġġestixxi aħjar il-migrazzjoni f'perjodu medju u fit-tul fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari, tal-fruntieri, tal-ażil u tal-migrazzjoni legali.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tippreżenta l-iżviluppi minn Marzu 2018 u tirrapporta dwar il-progress li sar taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u fil-pjan direzzjonali politiku tal-Kummissjoni lejn ftehim komprensiv dwar il-migrazzjoni ppreżentat f'Diċembru 2017.

 

Għal aktar tagħrif

Rapport ta' progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Annessi Statistiċi

Skeda informattiva — Il-ġestjoni tal-Migrazzjoni — Għodda għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet

Skeda informattiva - Rotta tal-Mediterran Ċentrali: Il-protezzjoni tal-migranti u l-ġestjoni tal-flussi irregolari

Proposta għal Regolament dwar il-ħolqien ta' Netwerk Ewropew ta' uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni

 

 

IP/18/3743

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar