Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Politika dwar il-Viża tal-UE: Il-Kummissjoni taġġorna is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża biex tagħmel il-fruntieri esterni tal-UE aktar sikuri

Brussell, is-16ta' mejju 2018

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi aġġornament tas-Sistema ta' informazzjoni tal-Viża (VIS), il-bażi tad-dejta li fiha l-informazzjoni dwar persuni li japplikaw għall-viżi ta' Schengen, sabiex tirreaġixxi aħjar għall-isfidi migratorji u tas-sigurtà li qed jevolvu u sabiex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

Il-bidliet proposti se jippermettu għal aktar verifiki bir-reqqa tal-preċedenti personali tal-applikant għal viża; biex jingħalqu l-lakuni ta' informazzjoni dwar is-sigurtà permezz ta' skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri; u jiżguraw interoperabilità sħiħa ma' bażijiet tad-dejta oħra madwar l-UE.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Ta' kull sena, miljuni ta' persuni li mhumiex ċittadini tal-UE jidħlu l-UE b'viża, jew għal soġġorn qasir jew għal perjodu itwal. Bl-aġġornament tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża, aħna se nneħħu l-lakuni fis-sistemi ta' informazzjoni tagħna u nagħtu lill-awtoritajiet tal-viża u lill-gwardji tal-fruntiera l-informazzjoni li għandhom bżonn biex jagħmlu xogħolhom sew. Kriminali u terroristi potenzjali ma għandhomx ikunu jistgħu jiġu fl-Ewropa mingħajr ma ħadd ma jkun jaf bihom. L-Ewropa mhijiex fortizza — iżda jeħtieġ li nkunu nafu min qed jaqsam il-fruntieri tagħna. Hija r-responsabilità tagħna li niżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u li nibnu Ewropa li tipproteġihom waqt li ma tfixkilx il-mobilità ta' dawk li jivvjaġġaw lejn l-UE b'intenzjoni tajba.”

Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) hija bażi tad-dejta tal-UE li tgħaqqad lill-gwardji tal-fruntiera fuq il-fruntieri mal-konsulati tal-Istati Membri madwar id-dinja. Hija tipprovdi lill-awtoritajiet inkarigati mill-ħruġ tal-viża b'informazzjoni ewlenija dwar l-applikanti għal viżi ta' Schengen għal soġġorn qasir waqt li tippermetti lill-gwardji tal-fruntiera li jidentifikaw lill-vjaġġaturi li jistgħu jkunu ta' riskju għas-sigurtà. Il-proposta tal-lum testendi l-ambitu tal-VIS - notevolment billi żżid il-viża għal soġġorn twil u l-permessi ta' residenza fis-sistema - b'rispett sħiħ tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, biex tiżgura li dawn l-awtoritajiet għandhom l-informazzjoni li jeħtieġu, meta jkollhom bżonnha. Il-proposta hija t-tieni pass tar-riforma tal-politika komuni dwar il-viża tal-UE u ssegwi l-emendi għall-kodiċi dwar il-Viżi, ippreżentat mill-Kummissjoni f'Marzu tal-2018.

 

Intejbu is-sigurtà u nagħlqu l-lakuni fl-informazzjoni

L-aġġornament propost għall-bażi ta' dejta tal-VIS se jsaħħaħ is-sigurtà interna u jtejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri permezz tal-miżuri li ġejjin:

  • Verifiki msaħħa tas-sigurtà mal-bażijiet tad-dejta kollha l-applikazzjonijiet kollha għal viża rreġistrati fil-VIS issa se jiġu verifikati awtomatikament mas-sistemi ta' informazzjoni għas-sigurtà u l-migrazzjoni l-oħra kollha, bħas-Sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES - Entry-Exit System), is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS - European Criminal Records Information System), permezz ta' Portal Uniku għat-Tiftix. Din il-kontroverifika obbligatorja se taqbad applikanti li jużaw identitajiet multipli u tidentifika kwalunkwe persuna li tista' tkun ta' riskju għas-sigurtà jew li toħloq riskji ta' migrazzjoni irregolari;
  • Skambju aħjar tad-dejta u tal-informazzjoni Bħalissa l-ebda informazzjoni ma tinżamm fil-livell tal-UE dwar viżi għal soġġorn twil u permessi ta' residenza. L-aġġornament propost se jestendi l-ambitu tal-VIS biex jinkludi wkoll tali informazzjoni. Dan se jippermetti li l-gwardji tal-fruntiera jiddeterminaw malajr jekk viża għal soġġorn twil jew permess ta' residenza użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni ta' Schengen humiex validi u jekk humiex għand id-detenturi leġittimi tagħhom - biex b'hekk tingħalaq lakuna importanti fis-sigurtà.
  • Proċeduri tar-ritorn aktar effiċjenti: Minn issa ‘l quddiem, kopji tad-dokumenti ta' vjaġġar tal-applikanti tal-viża se jkunu inklużi wkoll fil-bażi tad-dejta tal-VIS. Din il-miżura, flimkien mal-awtorizzazzjoni tal-persunal tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex ikollhom aċċess għall-VIS, se tiffaċilita l-identifikazzjoni u r-riammissjoni tal-migranti irregolari mhux dokumentati, biex b'hekk iżżid l-effiċjenza tal-politika ta' ritorn tal-UE.
  • Kapaċità msaħħa għall-prosekuzzjoni u l-prevenzjoni ta' reati: L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u Europol issa se jkunu jistgħu jaċċessaw il-VIS għall-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew reati serji oħra, skont kundizzjonijiet stretti u fir-rispett sħiħ tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-aċċess għall-VIS se jinfetaħ ukoll għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bil-għan li jfittxu u jidentifikaw persuni nieqsa jew sekwestrati u vittmi tat-traffikar

 

Il-passi li jmiss

eu-Lisa se tkun l-Aġenzija tal-UE responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni tal-aġġornament tal-bażi tad-dejta tal-VIS. Bħala l-aħħar element fir-riforma tal-politika dwar il-viżi tal-UE, il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex ilestu l-proċess leġiżlattiv malajr kemm jista' jkun biex jingħalqu kwalunkwe lakuni li fadal fl-informazzjoni u jkun iffaċilitat l-ivvjaġġar lejn l-UE għall-viżitaturi leġittimi.

Sfond

Il-politika komuni tal-UE dwar il-viża tiffaċilita l-ivvjaġġar lejn l-UE għal finijiet ta' turiżmu u negozju, u tikkontribwixxi għall-ekonomija u t-tkabbir tal-UE, u konnessjonijiet u djalogu interkulturali. Fl-2016 biss, inħarġu kważi 14-il miljun viża ta' Schengen għal żjarat ta' soġġorn qasir (ara l-aħħar statistika dwar il-viżi ta' Schengen).

Minn meta daħlet fis-seħħ il-Kodiċi dwar il-Viżi fl-2010, l-ambjent li fih topera l-politika dwar il-viżi nbidel drastikament. Tul l-aħħar snin, l-UE kienet qed tħabbat wiċċha ma' sfidi ta' migrazzjoni u sigurtà ġodda. F'Settembru 2017, il-Kummissjoni ħabbret li se tippreżenta ideat dwar kif tista' tiġi mmodernizzata l-politika komuni tal-UE dwar il-viżi. Il-Kummissjoni kkonfermat li se tipproponi reviżjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2018 u għamlet dak li wegħdet f'Marzu tal-2018.

Fl-istess ħin, l-UE qed taġġorna s-sistemi ta' informazzjoni tagħha għas-siġurtà u għall-ġestjoni tal-fruntieri sabiex tagħlaq il-lakuni fl-informazzjoni u ssaħħaħ is-sigurtà interna. Sussegwentament għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill minn Ġunju 2017, f'Diċembru 2017il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE jaħdmu flimkien b'mod aktar effiċjenti u intelliġenti. Il-proposta tal-lum taġġorna l-VIS u tifrex il-pedamenti biex is-sistema issir kompletament interoperabbli mal-bażijiet tad-dejta l-oħra tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni.

 

Għal Aktar Informazzjoni

Skeda informattiva - Naġġornaw is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

Skeda informattiva - Sistemi ta' Informazzjoni tal-UE

Proposta għal Regolament ġdid dwar is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża

Stqarrija għall-istampa – Politika tal-UE dwar il-Viżi: Il-Kummissjoni tressaq proposti biex tagħmilha aktar b'saħħitha, aktar effiċjenti u aktar sikura

Stqarrija għall-istampa - Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni telimina l-lakuni tal-informazzjoni biex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini

 

IP/18/3741

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar