Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aġenda mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni: opportunità għall-Ewropa biex issawwar il-ġejjieni

Brussell, il-15ta' mejju 2018

Illum il-Kummissjoni tippreżenta l-kontribut tagħha għad-diskussjoni informali li se jagħmlu l-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern f'Sofia fis-16 ta' Mejju 2018 dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni u telenka l-passi meħtieġa biex tiżgura l-kompetittività tal-Ewropa fid-dinja.

Investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni hu investiment fil-ġejjieni tal-Ewropa. Jgħinna nikkompetu fid-dinja u nippreservaw il-mudell soċjali uniku tagħna. Itejjeb il-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' persuni fl-Ewropa u madwar id-dinja, filwaqt li jgħin ukoll biex jingħelbu wħud mill-akbar sfidi tal-ġenerazzjonijiet u tas-soċjetà tagħna. L-Aġenda Ewropea Mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tippreżenta sett ta' azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Ewropa u jagħtuna prosperità dejjiema.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “L-Ewropa tippreżenta riċerka ta' klassi dinjija u għandha bażi industrijali b'saħħitha. Iżda rridu naqdfu aktar – ferm aktar – biex insarrfu l-eċċellenza f'suċċess. Xejriet mega ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali u l-ekonomija ċirkolari, se jirriżultaw f'bidliet profondi fis-soċjetà u l-ekonomija. Irridu naġixxu malajr biex inkunu nistgħu mmexxu mewġa ġdida ta' innovazzjoni u nistabbilixxu l-istandard għall-kompetizzjoni globali.”

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni, żied jgħid: “Minħabba l-kompetizzjoni globali li qed tikber, l-Ewropa trid taġixxi b'urġenza fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-€100 biljun proposti għall-programm tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE li jmiss se jagħtu spinta qawwija. Iżda l-Ewropa għandha bżonn ukoll tirriforma l-appoġġ għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja permezz ta' Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni ġdid, u terġa tagħmel konnessjoni maċ-ċittadini permezz ta' approċċ xprunat minn missjoni lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni. Irridu regolamenti ta' validità għall-ġejjieni u rridu nattiraw iktar investiment privat, b'mod partikolari fil-kapital ta' riskju.”

Wasal iż-żmien li mmexxu l-ambizzjoni tagħna għal-livell li jmiss. Irridu naġixxu issa biex ngħinu lill-Ewropa ssir il-forza ekonomika tal-innovazzjoni globali, li għandha l-potenzjal li tkun. Il-Kummissjoni tilqa' d-deċiżjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew għall-organizzazzjoni ta' dibattitu fost il-Mexxejja tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u tistedinhom jiddiskutu u jagħtu orjentazzjoni strateġika għall-azzjonijiet ssuġġerita minnha, inkluż billi:

  • Jiżguraw li r-regolamentazzjoni u l-finanzjament huma favur l-innovazzjoni: Il-miżuri proposti jinkludu l-għoti ta' prijorità lit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni ta' oqfsa ta' ristrutturar, it-tieni ċans u miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, l-insolvenza u l-kwittanza; Iż-żieda fl-akkwist ta' prodotti u servizzi innovattivi mill-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-applikazzjoni tal-linji gwida ppubblikati llum mill-Kummissjoni; Jiġi adottat malajr il-baġit UE 2021-2027 li jmiss bl-allokazzjoni proposta ta' €100 biljun għall-Orizzont Ewropa u l-programm tar-riċerka u t-taħriġ ta' Euratom kif ukoll għal programmi ta' finanzjament maġġuri oħrajn li se jipprovdu stimulu sinifikanti għall-innovazzjoni; Tiġi varata l-inizjattiva VentureEU sabiex tagħti spinta lill-investiment privat u lill-kapital ta' riskju; Jiġu ssimplifikati iktar r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi ffaċilitat il-finanzjament pubbliku ta' proġetti innovattivi inkluż it-taħlit ta' fondi tal-UE u dawk nazzjonali.
  • Ikunu minn ta' quddiem nett fl-innovazzjoni tal-ħolqien tas-suq: Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni fuq skala sħiħa li joffri one-stop shop għal teknoloġiji ta' potenzjali għoli u rivoluzzjonarji, kif ukoll għal kumpaniji innovattivi li għandhom potenzjal li jespandu. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni se jibni fuq il-fażi pilota ta' €2.7 biljuni għall-perjodu 2018-2020, bil-għan li jgħin jidentifika u jespandi innovazzjonijiet li qed jiżviluppaw maljar u ta' riskju għoli, li għandhom potenzjal qawwi li joħolqu swieq kompletament ġodda.
  • Il-varar ta' missjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-UE kollha b'miri kuraġġużi u ambizzjużi, u valur miżjud Ewropew b'saħħtu f'oqsma li se jiġu definiti mill-Istati Membri, mill-partijiet ikkonċernati u miċ-ċittadini. Dawn jistgħu jvarjaw mill-ġlieda kontra l-kanċer, għat-trasport nadif jew għall-oċeani ħielsa mill-plastik. Il-missjonijiet se jħeġġu l-investiment u l-parteċipazzjoni fost is-setturi u d-dixxiplini xjentifiċi biex flimkien jidħlu għal sfida. Jenħtieġ li joħolqu sinerġiji mal-istrateġiji tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-Istat Membru, reġjonali u lokali.

Sfond

L-Ewropa tirrappreżenta 7% biss tal-popolazzjoni tad-dinja, iżda ssarraf għal 20% tal-investiment globali tar-R&Ż, tipproduċi terz tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi ta' kwalità għolja, u għandha pożizzjoni dinjija mexxejja f'diversi setturi industrijali fosthom il-farmaċewtika, il-kimika, l-inġinerija mekkanika u l-moda.

L-Ewropa hija relattivament b'saħħitha f'dak li jikkonċerna ż-żieda jew is-sosteniment tal-valur ta' prodotti, servizzi u proċessi eżistenti, magħrufa bħala innovazzjoni inkrementali. Dan rajnieh f'setturi daqstant varjati bħall-ispazju, l-ajrunawtika, il-farmaċewtika, l-elettroniċi, l-enerġija rinnovabbli, l-industriji bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi u l-manifattura avvanzata. Għamilna passi kbar 'il quddiem ukoll fl-appoġġ għall-innovazzjoni permezz ta' Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali, bħar-robotika, il-fotonika, u l-bijoteknoloġija. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jintużaw u jiġu applikati f'ħafna industriji u huma kruċjali biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin tas-soċjetà.

Iżda l-Ewropa waqgħet lura wkoll f'bosta oqsma. Il-kumpaniji tal-UE jonfqu inqas fuq l-innovazzjoni mill-kompetituri tagħhom (1.3% tal-PDG meta mqabbla ma' 1.6% fiċ-Ċina, 2% fl-Istati Uniti, 2.6% fil-Ġappun, jew 3.3% fil-Korea t'Isfel). Il-kapital ta' riskju għadu mhux żviluppat biżżejjed fl-Ewropa. Fl-2016, l-investituri tal-kapital ta' riskju investew madwar €6.5 biljun fl-UE meta mqabbla ma' €39.4 biljun fl-Istati Uniti, filwaqt li l-fondi tal-kapital ta' riskju fl-Ewropa huma żgħar wisq – medja ta' €56 miljun meta mqabbla ma' €156 miljun fl-Istati Uniti. Minħabba f'hekk, dawn il-kumpaniji jidħlu f'ekosistemi li jagħtuhom aktar opportunitajiet biex jikbru malajr. Fl-UE hemm biss 26 “negozju ġdid Unicorn” (negozji li jibdew b'valur akbar minn $1 biljun) meta mqabbla ma' 109 fl-Istati Uniti u 59 fiċ-Ċina. L-investiment pubbliku fl-UE ma jilħaqx il-mira ta' 3% tal-PDG, u l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp għadha mhix uniformi fost ir-reġjuni tal-UE, b'konċentrazzjoni qawwija tal-investiment u r-riċerka fl-Ewropa tal-Punent. U 40% tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa ma għandhiex il-ħiliet diġitali neċessarji.

L-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u x-xejriet mega bħall-intelliġenza artifiċjali u l-ekonomija ċirkolari xprunati mit-teknoloġija joffru opportunitajiet enormi iżda joħolqu wkoll sfidi ġodda. Il-kompetizzjoni globali qed tintensifika u qed thedded il-pożizzjoni kompetittiva mexxejja tal-Ewropa fis-setturi industrijali ewlenin. L-Ewropa trid tapprofonda l-kapaċità tal-innovazzjoni tagħha biex tmantni u ttejjeb l-istil ta' ħajja Ewropew.

Għal aktar tagħrif

Komunikazzjoni: Aġenda Mġedda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni: opportunità għall-Ewropa biex issawwar il-ġejjieni

Skeda informattiva: Aġenda mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni: il-kontribut tal-Kummissjoni għall-Aġenda tal-Mexxejja

Skeda informattiva: Stejjer ta' suċċess tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni

 

IP/18/3736

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar