Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI jkomplu jiċċaraw it-trattament statistiku ta' Kuntratti għall-Prestazzjoni Enerġetika

Brussell, it-8ta' mejju 2018

Il-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) illum qed iniedu Gwida tal-Prattikanti ġdida dwar it-Trattament Statistiku tal-Kuntratti għall-Prestazzjoni Enerġetika.

 

logos

 

Il-Gwida l-ġdida ssegwi n-Nota ta' Gwida tal-Eurostat dwar it-trattament rivedut ta' Kuntratti għall-Prestazzjoni Enerġetika fil-kontijiet tal-gvern, maħruġa f'Settembru 2017, u tispjega l-applikazzjoni prattika tagħha, bl-użu ta' riżorsi ta' assistenza teknika miċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH). Il-gwida hija disponibbli hawnhekk.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju responsabbli mill-Eurostat qalet: “Ninsab kuntenta ħafna li llum qed inniedu gwida ġdida li tiċċara kif l-investimenti f'infrastruttura effiċjenti fl-enerġija għandhom ikunu trattati statistikament. Din se tgħin lill-partijiet ikkonċernati involuti fil-kummissjoni, fil-finanzjament u fit-twettiq ta' kuntratti għall-prestazzjoni enerġetika. Din hija sitwazzjoni fejn jirbaħ kulħadd għall-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet ikkonċernati privati, b'fehim ċar tal-impatt fuq il-baġit nazzjonali. Ninsab fiduċjuża li din il-gwida l-ġdida se tinkoraġġixxi kemm il-promoturi ta' proġetti privati kif ukoll pubbliċi biex iżidu l-investimenti fi proġetti tal-effiċjenza enerġetika.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete, żied jgħid: “Bis-saħħa ta' din il-gwida, se jkun eħfef għall-iskejjel, l-isptarijiet, u binjiet pubbliċi oħra - li flimkien jagħmlu iktar minn 10% tal-istokk globali ta' bini tal-UE - biex jinvestu fl-għan li jtejbu l-effiċjenza enerġetika. Il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika huma mezz importanti wkoll biex nikkumbattu l-faqar, li din il-Kummissjoni qed timmira li tindirizza mill-għeruq.

Andrew McDowell, Viċi President tal-BEI, b'sorveljanza għall-Enerġija, qal: “Il-maniġers tal-binjiet pubbliċi – bħal skejjel, sptarijiet u aġenziji pubbliċi oħrajn – ħafna drabi ma jkollhomx il-baġit u l-għarfien espert tekniku biex ifasslu u jipprovdu l-finanzi għal proġetti li jiffrankaw l-enerġija li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, jiffrankaw il-flus tal-kontribwenti u jagħmlu l-binjiet aktar komdi għall-persunal u l-utenti tas-servizz pubbliku. Din il-Gwida ġdida għandha l-għan li tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi biex iħejju u jiffinanzjaw proġetti, billi jiġu mobilizzati l-kapital u l-għarfien espert privati għall-benefiċċju tas-settur pubbliku taħt il-Kuntratti għall-Prestazzjoni tal-Enerġija. Dan hu wieħed mill-passi li l-BEI qed jieħu permezz tal-inizjattiva konġunta tagħna “Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti” mal-Kummissjoni Ewropea biex isiru aktar investimenti fl-effiċjenza enerġetika f'binjiet pubbliċi u privati.”

Il-Gwida tispjega fid-dettall kif jaħdmu l-Kuntratti għall-Prestazzjoni Enerġetika u tagħti idea ġenerali ċara tal-impatt potenzjali fuq il-finanzi tal-gvern. Din se tgħin lill-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħrajn biex jifhmu aħjar l-impatt li għandhom l-aspetti differenti ta' dawn il-kuntratti fuq il-klassifikazzjoni tal-investiment li jsir, kemm dak li jidher kif ukoll dak li ma jidhirx fuq il-karta tal-bilanċ tal-gvernijiet, u se tassisti lill-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati aħjar meta jkunu qed iħejju u jakkwistaw il-KPE tagħhom. Din il-gwida hija wkoll għodda utli li tipprovdi ċarezza għall-promoturi pubbliċi u privati fil-kuntest tal-Pjan ta' Investiment u tegħleb dawk il-problemi li l-investituri jistgħu jarawhom bħala ostakoli għall-investiment.

Il-kuntest

L-investiment huwa prijorità ewlenija tal-Ewropa. Hu għalhekk li, flimkien mas-sieħeb strateġiku tagħha, il-BEI, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa f'Novembru 2014. Il-Pjan ta' Investiment – il-Pjan Juncker – jiffoka fuq iż-żieda tal-investimenti biex jiġu ġġenerati l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku billi jsir użu iktar intelliġenti tar-riżorsi finanzjarji eżistenti, jitneħħew l-ostakoli għall-investiment u billi l-proġetti tal-invesimenti jingħatawlhom il-viżibbiltà u l-assistenza teknika. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa pilastru ewlieni tal-Pjan Juncker u jipprovdi garanziji kontra l-ewwel telf, li jippermettu lill-BEI jinvesti f'aktar proġetti li ta' sikwit jiġu b'riskji akbar.

Prijorità ewlenija oħra hija l-effiċjenza enerġetika bħala parti minn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. F'dan ir-rigward, l-hekk imsejħa Kuntratti għall-Prestazzjoni Enerġetika, jew il-KPE għall-qasir, jistgħu jgħinu biex jiġi mmobilizzat l-investiment u l-għarfien espert privati fl-effiċjenza enerġetika fil-bini tas-settur pubbliku. Il-Prestazzjoni Enerġetika fil-bini hija parti mill-pakkett leġiżlattiv “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” – element ewlieni għall-kisba ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem.

Iżda d-deċiżjoni tas-settur pubbliku li jakkwista proġetti għall-effiċjenza enerġetika bħala KPE xi drabi hi influwenzata mill-aspettattivi fir-rigward tat-trattament statistiku tagħhom (jiġifieri l-impatt fuq id-dejn pubbliku u fuq iċ-ċifri tad-defiċit). Għalhekk l-inċertezza dwar kif għandu jiġi evalwat it-trattament statistiku tal-KPE tista' toħloq id-diffikultajiet u d-dewmien fl-istadji differenti tat-tħejjija u tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta' investiment.

Il-Eurostat huwa d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea li jagħti l-informazzjoni statistika lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) u li jippromwovi l-armonizzazzjoni tal-metodi statistiċi madwar l-Istati Membri. L-organizzazzjonijiet fil-pajjiżi differenti li jikkooperaw b'mod attiv mal-Eurostat huma miġbura kollettivament fil-qafas tas-Sistema Statistika Ewropea.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) huwa l-istituzzjoni ta' kreditu fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha stess. Huwa joffri finanzjament fuq żmien twil għal investiment b'saħħtu sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet politiċi tal-UE.

Iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) huwa punt uniku ta' aċċess għal firxa wiesgħa ta' servizzi ta' konsulenza u assistenza teknika. Iċ-ċentru huwa inizjattiva konġunta bejn il-Kummissjoni u l-BEI, li jipprovdi assistenza teknika u pariri mfassla apposta lil promoturi privati u pubbliċi ta' proġetti.

Għal Aktar Informazzjoni

Il-MEMO: L-Eurostat jiċċara kif il-kuntratti għall-prestazzjoni enerġetika għandhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet nazzjonali – Mistoqsijiet u Tweġibiet

Il-Gwida tal-Prattikant dwar it-Trattament Statistiku tal-Kuntratti għall-Prestazzjoni Enerġetika

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter

Segwi lil Miguel Arias Cañete fuq Twitter

Segwi lill-Viċi President tal-BEI Andrew McDowell fuq Twitter

Kuntatti għall-istampa:

 

IP/18/3707

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar