Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Nibnu Ewropa aktar b'saħħitha: inizjattivi ġodda biex ikompli jissaħħaħ ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-kultura

Brussell, it-22ta' mejju 2018

Il-Kummissjoni qed tavvanza x-xogħol biex tibni Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, tirrinforza d-dimensjoni kulturali tal-Unjoni Ewropea u ssaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, b'sett ġdid ta' miżuri, inklużi Strateġija għaż-Żgħażagħ ġdida u Aġenda ġdida għall-Kultura.

L-inizjattivi għandhom l-għan li jsaħħu l-mobbiltà fl-apprendiment u l-opportunitajiet edukattivi fl-UE, jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ, b'mod partikolari billi jħeġġuhom jieħdu sehem fil-ħajja ċivika u demokratika, u jisfruttaw il-potenzjal tal-kultura għall-progress soċjali u t-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa.

Il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen stqarr: “Illum qed nieħdu aktar passi biex jissaħħu l-politiki taż-żgħażagħ, il-kultura u l-edukazzjoni fl-UE. Wara l-laqgħa tal-Mexxejja tas-sena li għaddiet dwar l-edukazzjoni u l-kultura fis-Summit Soċjali ta' Gothenburg u l-Kunsill Ewropew ta' Diċembru, ippreżentajna malajr l-ewwel sett ta' inizjattivi kemm biex nindirizzaw il-kompetenzi ewlenin għall-apprendiment tul il-ħajja, il-ħiliet diġitali kif ukoll biex inrawmu valuri komuni u edukazzjoni inklużiva. It-tieni sett ta' inizjattivi li qed nippreżentaw illum imorru pass aktar minn hekk, billi jiffokaw fuq l-apprendiment għall-mobbiltà, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, l-apprendiment ta' lingwi barranin u l-kultura – li huma kollha elementi importanti għall-futur tal-Ewropa.”

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, Tibor Navracsics, qal: L-edukazzjoni, il-kultura u l-politika taż-żgħażagħ għandhom rwol ċentrali fil-bini ta' Ewropa reżiljenti, kompetittiva u koeżiva għall-futur. Flimkien mal-ewwel pakkett adottat f'Jannar, il-proposti li qed inressqu llum juru li l-Kummissjoni qed taħdem bla heda biex tikseb sett ta' miri ambizzjużi flimkien mal-Istati Membri. Dawn l-azzjonijiet se jgħinu biex iwittu t-triq lejn Żona Ewropea għall-Edukazzjoni filwaqt li tissaħħaħ identità Ewropea u l-għoti tas-setgħa lin-nies, speċjalment iż-żgħażagħ.

Għandha tingħata aktar attenzjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-kultura fil-livell tal-UE biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. L-investiment fil-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien iwasslu għall-innovazzjoni, il-kompetittività u r-reżiljenza. L-inizjattivi ppreżentati llum se jgħinu sabiex żgħażagħ minn kull sfond jingħataw aktar prospetti promettenti u se jgħinuhom jieħdu rwol aktar attiv fis-soċjetà.

Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta pakkett li jinkludi:

  • Komunikazzjoni ewlenija dwar “Bini ta' Ewropa aktar b'saħħitha: ir-rwol ta' politiki edukattivi, kulturali u għaż-żgħażagħ” li tiddeskrivi kif il-Kummissjoni qiegħda tmexxi 'l quddiem l-aġenda ta' Gothenburg u l-mandat tal-Kunsill Ewropew;
  • strateġija għaż-Żgħażagħ għall-perjodu 2019–2027 li tagħti s-setgħa u vuċi aktar b'saħħitha liż-żgħażagħ Ewropej fit-tfassil tal-politika tal-UE, li tirrifletti l-importanza li l-Kummissjoni tagħti għal investiment fiż-żgħażagħ u l-futur tagħhom;
  • il-proposti għal Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar Sistemi ta' Kwalità Għolja ta' Edukazzjoni u Indukrar Bikrija biex jistabbilixxu s-sisien għas-suċċess aktar tard fil-ħajja; dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku u Awtomatiku ta' Diplomi u Perjodi ta' Apprendiment Barra mill-Pajjiż biex titħaffef il-mobbiltà tat-tagħlim fl-Ewropa; u dwar it-titjib fit-Tagħlim u l-Apprendiment tal-Lingwi biex jiġi żgurat li aktar żgħażagħ isiru profiċjenti b'lingwi barranin;
  • Aġenda Ġdida għall-Kultura biex titqajjem kuxjenza dwar id-diversità tal-patrimonju kondiviż tal-Ewropa. Hi timmira li jintuża l-potenzjal sħiħ tal-kultura fil-bini ta' Unjoni aktar inklużiva u aktar ġusta, tappoġġja l-innovazzjoni, il-kreattività, l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet esterni tal-UE. 

Bħala parti mill-inizjattivi mħabbrin illum, qed ikompli x-xogħol fuq aspetti oħra tal-iżvilupp taż-Żona Ewropea għall-Edukazzjoni sal-2025. Il-Komunikazzjoni li tħaddan kollox dwar “Bini ta' Ewropa aktar b'Saħħitha” tiddeskrivi pjanijiet għal Kard Ewropea tal-Istudenti mfassla biex tingħata spinta lill-mobbiltà tal-apprendiment billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż għall-istudenti u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ. Il-Kummissjoni qed tippjana biex timplimentaha sal-2021 bħala simbolu ċar tal-identità għall-istudenti Ewropej.

Il-Komunikazzjoni tenfasizza wkoll il-ħidma li qed titwettaq mal-Istati Membri u s-settur edukattiv biex jiġu żviluppati l-Universitajiet Ewropej. Dawn l-Universitajiet Ewropej li jikkonsistu f'netwerks ikkaratterizzati minn approċċ minn isfel għal fuq ta' universitajiet eżistenti se jsaħħu l-kooperazzjoni transfruntiera permezz ta' strateġiji istituzzjonali fit-tul. Huma se jippromwovu l-innovazzjoni u l-eċċellenza, ikabbru l-mobbiltà tal-istudenti u l-għalliema u jiffaċilitaw l-apprendiment tal-lingwi. Dan għandu jgħin ukoll biex l-edukazzjoni għolja Ewropea ssir aktar kompetittiva. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tniedi proġetti pilota fl-2019 u fl-2020 taħt il-programm Erasmus+ qabel l-implimentazzjoni sħiħa tal-inizjattiva fl-2021.

Se jiġu żviluppati wkoll azzjonijiet oħra sabiex jiġu appoġġjati l-apprendiment tul il-ħajja u l-approċċ immexxi mill-innovazzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Pereżempju l-Kummissjoni se tipproponi biex tappoġġja t-twaqqif ta' Ċentri ta' Eċċellenza tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ Vokazzjonali li se jippromwovu rwol attiv għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali.

L-ewwel riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru juru l-opinjonijiet tal-Ewropej dwar inizjattivi ewlenin maħsubin biex tinbena Żona Ewropea ta' Taħriġ. Dan juri li aktar minn disa' persuni minn kull għaxra li wieġbu fil-pajjiżi kollha jaħsbu li jkun utli li tingħata l-opportunità lill-istudenti li jaħdmu ma' nies minn pajjiżi oħrajn fuq proġetti innovattivi, f'netwerks ta' universitajiet Ewropej. Dan juri wkoll li 84% taż-żgħażagħ mistħarrġa jixtiequ jtejbu l-għarfien ta' lingwa li digà tgħallmuha, u li minn dawn 77% jixtiequ jitgħallmu lingwa ġdida.

Kuntest

Fl-2016, il-mexxejja tal-UE appoġġjaw il-bżonn għal azzjoni b'appoġġ għaż-żgħażagħ. Fil-pjan ta' direzzjoni ta' Bratislava, huma impenjaw ruħhom li joħolqu opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ, bħal pereżempju l-Inizjattiva għaż-Żgħażagħ, inkluż il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi biex iġġedded l-Istrateġija għaż-Żgħażagħ biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ jistgħu jaqdu dmirhom fil-bini tal-futur tal-Ewropa.

Il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern iddiskutew l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura f'Gothenburg f'Novembru 2017, is-Summit Soċjali ggwidat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura,” li tistabbilixxi viżjoni ta' Żona Ewropea ta' Taħriġ u t-tħabbir ta' Aġenda Ġdida għall-Kultura. Dan wassal għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017, li jitlob lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jmexxu 'l quddiem l-aġenda diskussa f'Gothenburg. Il-Kunsill Ewropew enfasizza wkoll is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 bħala opportunità biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza soċjali u ekonomika tal-kultura u l-patrimonju.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Edukazzjoni (inkluża skeda informattiva)

Kultura (inkluża skeda informattiva)

Żgħażagħ (inkluża skeda informattiva)

L-Ewrobarometru dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

IP/18/3704

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar