Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE: Il-Kummissjoni tipproponi baġit modern għal Unjoni li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi

Brussell, it-2ta' mejju 2018

Il-Kummissjoni llum qed tipproponi baġit ġdid, pragmatiku u għal żmien twil, għall-perjodu 2021-2027.

Dan il-baġit huwa risposta onesta għar-realtà tal-lum fejn l-Ewropa hija mistennija jkollha rwol akbar f'li tipprovdi sigurtà u stabbiltà f'dinja instabbli, fi żmien meta Brexit se tħalli vojt konsiderevoli fil-baġit tagħna. Il-proposta tal-lum twieġeb għal din l-isfida doppja permezz ta' tnaqqis fl-infiq u permezz ta' riżorsi ġodda f'miżura ugwali. Il-finanzjament tal-prijoritajiet ġodda u ewlenin tal-Unjoni se jinżamm jew se jiġi msaħħaħ u dan inevitabbilment ifisser xi tnaqqis f'oqsma oħra. Minħabba li l-konsegwenzi huma tassew kbar, issa huwa ż-żmien li naġixxu b'mod responsabbli. Għalhekk il-proposta tal-baġit tal-lum hija ffokata mmirata kif ukoll realistika.

Il-proposta tal-Kummissjoni tallinja l-baġit tal-Unjoni mal-prijoritajiet politiċi tagħha — kif inhu rifless fl-aġenda pożittiva ppreżentata mill-President Jean-Claude Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-14 ta' Settembru 2016 u li ntlaħaq qbil dwaru mal-Mexxejja tal-UE27 fi Bratislava fis-16 ta' Settembru 2016 u fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017. Billi jiffoka fuq l-oqsma li fihom l-Unjoni qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tagħti r-riżultati, dan huwa baġit għal Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa, u li tiddefendi.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Illum huwa mument importanti għall-Unjoni tagħna. Il-baġit il-ġdid huwa opportunità biex insawru l-ġejjieni tagħna bħala Unjoni ġdida u ambizzjuża ta' 27, magħqudin flimkien mis-solidarjetà. Bil-proposta tal-lum aħna ppreżentajna pjan pragmatiku ta' kif jista' jsir aktar b'inqas. Il-qagħda ekonomika pjuttost favorevoli qed tagħtina xi ftit tan-nifs iżda ma teħlisniex milli jkollna nnaqsu l-ispiża f'xi oqsma. Se niżguraw ġestjoni finanzjarja soda permezz tal-ewwel mekkaniżmu tal-istat tad-dritt li qatt kellna. Dan huwa x'ifisser li jaġixxu b'mod responsabbli bi flus il-kontribwenti tagħna. Issa l-ballun huwa f'idejn il-Parlament u l-Kunsill. Nemmen bis-saħħa li għandna nimmiraw li jkollna qbil qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla.”

Il-Kummissarju Günther H. Oettinger, inkarigat mill-Baġit u mir-Riżorsi Umani, qal: “Din il-proposta tal-baġit hija verament dwar il-valur miżjud tal-UE. Aħna ninvestu aktar f'oqsma fejn Stat Membru wieħed ma jistax jaġixxi waħdu jew fejn ikun aktar effiċjenti li naġixxu flimkien - f'oqsma li jvarjaw mir-riċerka, għall-migrazzjoni, il-kontroll fil-fruntieri jew id-difiża. U nkomplu niffinanzjaw politiki tradizzjonali iżda modernizzati, bħall-Politika Agrikola Komuni u l-Politika ta' Koeżjoni, għaliex aħna kollha nibbenefikaw mill-istandard għoli tal-prodotti agrikoli tagħna u mir-reġjuni li jirkupraw ekonomikament.”

1. Baġit iffukat: inqabblu l-ambizzjonijiet mar-riżorsi

L-Unjoni Ewropea ta' 27 stabbilixxiet il-prijoritajiet politiċi tagħha, u issa teħtieġ ir-riżorsi biex imorru magħhom.

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni qed tipproponi baġit fit-tul ta' EUR 1.135 biljun f'impenji (espressi fi prezzijiet tal-2018) [1] tul il-perjodu mill-2021 sal-2027, ekwivalenti għal 1.11 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE27 (ING) (ara l-Anness 2; skeda informattiva ġenerali). Dan il-livell tal-impenji jissarraf f'EUR 1.105 biljun (jew 1.08 % tal-ING) f'pagamenti (fi prezzijiet tal-2018[2]). Dan jinkludi l-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li huwa l-għodda ewlenija tal-UE għall-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp f'pajjiżi fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku u li s'issa huwa ftehim intergovernattiv, fil-baġit tal-UE. Meta wieħed iqis l-inflazzjoni tal-prezzijiet, dan jista' jitqabbel mad-daqs tal-baġit attwali mill-2014 sal-2020 (inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp).

Biex jiġu ffinanzjati l-prijoritajiet ġodda u pressanti, se jkun hemm bżonn li jiżdiedu l-livelli attwali ta' finanzjament. Jekk ninvestu issa f'oqsma bħar-riċerka u l-innovazzjoni, fiż-żgħażagħ, fl-ekonomija diġitali, fil-ġestjoni tal-fruntieri, fis-sigurtà u fid-difiża, dan jissarraf fi prosperità, sostenibbiltà u sigurtà fil-futur. Pereżempju, il-baġit għall-Erasmus+ u għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jiġi rduppjat.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni eżaminat b'mod kritiku fejn jistgħu jiġu ffrankati l-flus u tittejjeb l-effiċjenza. Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-finanzjament għall-Politika Agrikola Komuni u għall-Politika ta' Koeżjoni jitnaqqas b'mod moderat - b'xi 5 % għat-tnejn li huma - biex jirrifletti r-realtà l-ġdida ta' Unjoni ta' 27. Dawn il-politiki se jiġu mmodernizzati biex jiżguraw li xorta jistgħu jagħtu riżultati b'inqas riżorsi u saħansitra jaqdu prijoritajiet ġodda. Pereżempju, il-Politika ta' Koeżjoni se jkollha rwol dejjem iktar importanti biex tappoġġa r-riforma strutturali u l-integrazzjoni fit-tul tal-migranti.

Ir-riżultat ta' dawn il-bidliet se jkun riekwilibriju tal-baġit u enfasi ikbar fuq l-oqsma li fihom il-baġit tal-UE jista' jagħmel l-ikbar differenza.

2. Baġit modern, sempliċi u flessibbli

Il-baġit tal-UE huwa modest imqabbel mad-daqs tal-ekonomija Ewropea u l-baġits nazzjonali. Madankollu xorta jista' jagħmel differenza kbira fil-ħajjiet taċ-ċittadini u tan-negozji — dment li jinvesti f'oqsma li fihom l-Unjoni jista' jkollha impatt ikbar mill-infiq pubbliku fil-livell nazzjonali, fejn tista' tipprovdi valur miżjud Ewropew ta' veru. Fost l-eżempji nsibu proġetti ta' riċerka fl-avangwardja li jġibu flimkien l-aqwa riċerkaturi minn madwar l-Ewropa, infrastrutturi jew proġetti kbar li jkollhom suċċess fit-trasformazzjoni diġitali jew li jgħammru lill-Unjoni bl-għodod li teħtieġ biex tiddefendi u tipproteġi liċ-ċittadini tagħha. Dan huwa indispensabbli fid-dinja tal-lum li qed tinbidel malajr li fiha l-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma' sfidi demografiċi, instabbiltà fil-viċinat tagħha u ħafna kwistjonijiet oħra pressanti li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi baġit modern, sempliċi u flessibbli:

Modern: Unjoni ġdida ta' 27 għandha bżonn baġit ġdid u modern li jirrifletti l-lezzjonijiet li l-Ewropa tagħlmet mill-imgħoddi. Dan ifisser li tkompli tinqata' l-burokrazija żejda għall-benefiċjarji u għall-awtoritajiet maniġerjali billi r-regoli jsiru iktar koerenti fuq il-bażi ta' ġabra ta' regoli unika. U jfisser ukoll li jiġu stabbiliti objettivi iktar ċari u b'enfasi ikbar fuq il-prestazzjoni. Dan se jagħmilha iktar faċli li r-riżultati jiġu mmonitorjati u mkejla — u li jsiru l-bidliet fejn meħtieġ.

Sempliċi: L-istruttura tal-baġit se tkun iktar ċara u allinjata aktar mill-qrib mal-prijoritajiet tal-Unjoni. Sal-lum il-fondi huma mifruxin fuq wisq programmi u strumenti, kemm fil-baġit kif ukoll lil hinn minnu. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li l-għadd ta' programmi jitnaqqas b'iktar minn terz (mit-58 li hemm bħalissa għal 37 fil-futur), pereżempju billi sorsi ta' finanzjament frammentati jinġiebu flimkien fi programmi integrati ġodda u billi l-użu tal-istrumenti finanzjarji jiġi radikalment simplifikat, inkluż permezz tal-fond InvestEU.

Flessibbli: Sfidi riċenti –speċjalment il-migrazzjoni u l-kriżi tar-refuġjati fl-2015 – urew biċ-ċar il-limiti tal-flessibbiltà fil-baġit attwali tal-UE biex tirreaġixxi malajr u b'mod effettiv biżżejjed. Għaldaqstant, il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi flessibilità miżjuda fil-programmi u bejniethom, it-tisħiħ ta' strumenti għall-immaniġġar ta' kriżijiet u l-ħolqien ta' “Riżerva tal-Unjoni” ġdida biex tindirizza avvenimenti imprevisti u biex tirrispondi għal emerġenzi f'oqsma bħas-sigurtà u l-migrazzjoni.

3. Il-baġit tal-UE u l-istat tad-dritt: ġestjoni finanzjarja soda

Innovazzjoni ewlenija fil-baġit propost hija r-rabta msaħħa bejn il-finanzjament mill-UE u l-istat tad-dritt. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għat-tmexxija finanzjarja tajba u l-finanzjament effettiv mill-UE. Għaldaqstant il-Kummissjoni qed tipproponi mekkaniżmu ġdid biex iħares lill-baġit tal-UE minn riskji finanzjarji marbutin ma' nuqqasijiet ġeneralizzati fl-istat tad-dritt fl-Istati Membri. L-għodod ġodda proposti jippermettu li l-Unjoni tissospendi, tnaqqas jew tirrestrinġi l-aċċess għall-finanzjament tal-UE b'mod li jkun proporzjonat man-natura, mas-serjetà u mal-ambitu tan-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt. Tali deċiżjoni tiġi proposta mill-Kummissjoni u adottata mill-Kunsill permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata inversa [3].

4. Baġit tal-UE għal Unjoni Ekonomika u Monetarja b'saħħitha u stabbli

Żona tal-Ewro stabbli hija prekundizzjoni għall-impjiegi, għat-tkabbir, għall-investiment u għall-ġustizzja soċjali fl-Unjoni kollha kemm hi. F'Diċembru 2017, bħala parti mill-pjan direzzjonali tagħha għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kummissjoni ppreżentat kif jistgħu jiġu żviluppati strumenti baġitarji ġodda fil-qafas tal-finanzi pubbliċi tal-UE sabiex jappoġġaw Żona tal-Ewro stabbli u konverġenza lejn iż-Żona tal-Ewro. Fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, qed jiġu proposti żewġ strumenti ġodda:

Programm ta' Appoġġ għar-Riforma ġdid li — b'baġit totali ta' EUR 25 biljun — se joffri appoġġ finanzjarju u tekniku lill-Istati Membri kollha biex jaħdmu fuq riformi ta' prijorità, speċjalment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, Faċilità ta' Konverġenza se tipprovdi appoġġ dedikat għal Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Ewro fi triqithom biex jissieħbu fil-munita komuni.

Funzjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti Ewropej li se tgħin biex il-livelli ta' investiment jinżammu fil-każ ta' xokkijiet asimmetriċi kbar. Din se tibda fil-forma ta' self back-to-back permezz tal-baġit tal-UE sa EUR 30 biljun, abbinat ma' assistenza finanzjarja għall-Istati Membri biex ikopru l-ispejjeż tal-imgħax. Is-self se jagħti appoġġ finanzjarju miżjud fi żmien li fih il-finanzi pubbliċi jiġġebbdu u l-investimenti ta' prijorità jridu jinżammu.

5. Sorsi moderni ta' finanzjament għall-baġit tal-UE

Prijoritajiet ġodda se jkunu jeħtieġu investiment ġdid. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi li tiffinanzjahom permezz ta' taħlita ta' flus ġodda (madwar 80 %), riallokazzjonijiet u ffrankar (madwar 20 %).

Hi u tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-“Finanzjament Futur tal-UE”, il-Kummissjoni qed tipproponi li timmodernizza u tissimplifika s-sistema attwali ta' finanzjament ġenerali - “Riżorsi Proprji” - u tiddiversifika s-sorsi ta' dħul tal-baġit.

Sorsi ġodda li jiffinanzjaw il-baġit fit-tul

Il-Kummissjoni tipproponi li r-Riżorsa Proprja attwali, ibbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), tiġi ssimplifikata u li jiġi introdott sett ġdid ta' Riżorsi Proprji ġodda li jkun marbut mal-prijoritajiet politiċi tagħna.

Is-sett propost ta' Riżorsi Proprji ġodda jinkludi:

- 20 % tad-dħul mill-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet;

- Rata ta' ġbir ta' 3 % fuq il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva l-ġdida (li għandha tiġi introdotta gradwalment ladarba l-leġiżlazzjoni meħtieġa tkun adottata);

- Kontribuzzjoni nazzjonali kkalkolata fuq l-ammont ta' skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat f'kull Stat Membru (0.80€ għal kull kilo).

Dawn ir-Riżorsi Proprji ġodda se jirrappreżentaw 12 % tal-baġit totali tal-UE u jistgħu jikkontribwixxu għal massimu ta' EUR 22 biljun fis-sena biex jiffinanzjaw il-prijoritajiet il-ġodda.

Rifużjonijiet

- It-tluq tar-Renju Unit mill-UE jagħti l-opportunità biex tiġi indirizzata s-sistema kumplikata ta' rifużjonijiet u saħansitra ta' “rifużjonijiet fuq rifużjonijiet”. Il-Kummissjoni tipproponi li telimina r-rifużjonijiet kollha u tnaqqas l-ammont li l-Istati Membri jżommu meta jiġbru d-dħul mid-dazji (li huwa waħda mir-”Riżorsi Proprji”) għall-baġit tal-UE minn 20 % għal 10 %. Iż-żewġ miżuri se jagħmlu l-baġit tal-UE iktar sempliċi u ġust.

- Sabiex tevita żidiet f'daqqa u drastiċi fil-kontribuzzjonijiet għal xi Stati Membri, il-Kummissjoni tipproponi li telimina gradwalment ir-rifużjonijiet attwali fuq perjodu ta' ħames snin.

X'se jiġri issa?

Hi u tibni fuq il-proposti tal-lum, il-Kummissjoni fil-ġimgħat li ġejjin se tippreżenta proposti ddettaljati għall-programmi finanzjarji speċifiċi għas-setturi futuri (ara l-Anness 1).

Id-deċiżjoni dwar il-baġit fit-tul tal-UE futur imbagħad taqa' f'idejn il-Kunsill, huwa u jaġixxi unanimament, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew. Il-ħin huwa essenzjali. In-negozjati dwar il-baġit fit-tul tal-UE li għandna bħalissa damu wisq. B'riżultat ta' dan, programmi finanzjarji ewlenin ġew ittardjati u proġetti li kellhom potenzjal reali biex jixprunaw l-irkupru ekonomiku ġew posposti.

Għalhekk in-negozjati jridu jingħataw l-ogħla prijorità, u hemm bżonn li jintlaħaq ftehim qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u s-summit f'Sibiu fid-9 ta' Mejju 2019. Il-Kummissjoni se tagħmel kulma tista' biex tippermetti li jsir qbil rapidu.

Għal aktar tagħrif

- Baġit modern għal UE li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi: Mistoqsijiet u Tweġibiet (2 ta' Mejju 2018)

-skeda informattiva u testi legali (it-2 ta' Mejju 2018):

o Komunikazzjoni inkluż Anness b'deskrizzjoni ta' kull programm

o Ir-Regolament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2 ta' Mejju 2018)

o Ir-regolament dwar l-implimentazzjoni tal-baġit f'konformità mal-istat tad-dritt

o Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

o Id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, proposti implimentattivi u Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni relatat

o Regolament, Regolament ta' Implimentazzjoni, Emenda tar-Regolament Nru 1553/89

o L-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mill-VAT (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89)

o Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar ir-rieżami tal-infiq

-Informazzjoni ewlenija marbuta mal-baġit tal-UE għall-ġejjieni - Qafas Finanzjarju Pluriennali (2021-2027)

-Il-Komunikazzjoni u l-iskedi informattivi (stqarrija għall-istampa, 14 ta' Frar 2018)

- Id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (28 ta' Ġunju 2017)

 

[1] Espressi fi prezzijiet attwali (titqies l-inflazzjoni), dan jammonta għal EUR 1.279 biljun f'impenji.

[2] Espressi fi prezzijiet attwali (titqies l-inflazzjoni), dan jammonta għal EUR 1.246 biljun f'pagamenti.

[3] Skont il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata inversa, il-proposta tal-Kummissjoni titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm ma jiddeċidix li jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni permezz ta' maġġoranza kwalifikata.

IP/18/3570

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar