Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-pensjonijiet fl-UE: rapport jirrikonoxxi l-isforzi tal-Istati Membri biex jiġu żgurati pensjonijiet adegwati, iżda jeħtieġ li jsir aktar

Brussell, it-30ta' april 2018

Ir-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet tal-2018, ippubblikat llum, janalizza kif pensjonijiet attwali u futuri jistgħu jikkontribwixxu biex jipprevjenu l-faqar fix-xjuħija u jżommu l-livell tal-introjtu tal-irġiel u n-nisa matul il-perjodu tal-irtirar tagħhom.

Dan ir-rapport jenfasizza li l-Istati Membri, fir-riformi tagħhom qegħdin jagħtu dejjem aktar importanza għall-pensjonijiet sostenibbli u adegwati. Madankollu fil-futur se jkunu meħtieġa aktar miżuri.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, ikkummentat: “Kull persuna li tirtira għandha d-dritt li tgħix b'dinjità. Dan huwa prinċipju ewlieni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Pensjonijiet adegwati huma essenzjali biex nevitaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost il-persuni anzjani fl-Ewropa, partikolarment fost in-nisa. Jenħtieġ ukoll li niżguraw li l-persuni f'impjieg indipendenti jew f'impjieg mhux standard ma jitħallewx barra. Il-prijorità tagħna għandha tkun li nkomplu bir-riformi li għaddejjin bħalissa, li jiffavorixxu pensjonijiet adegwati għal kulħadd."

Illum, hemm 1.9 miljuni inqas ta' Ewropej anzjani fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali minn għaxar snin ilu, filwaqt li, f'dawn l-aħħar tliet snin biss, l-għadd ta' ħaddiema aktar anzjani fl-impjiegi żdied b'4.1 miljun. Minkejja dan it-titjib fis-sitwazzjoni tal-pensjonanti fl-Ewropa, m'hemm ebda lok għall-kompjaċenza. Skont ir-rapport, fil-preżent madwar 17.3 miljun jew 18.2 % tal-persuni anzjani (li għandhom 65 sena jew iktar) fl-UE għadhom fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Mill-2013 'l hawn, dan l-ammont baqa' kważi l-istess. Barra minn hekk, għad fadal differenzi sinifikanti bejn pajjiżi u bejn gruppi ta' popolazzjoni. Pereżempju, il-pensjonijiet tan-nisa huma 37 % iktar baxxi minn dawk tal-irġiel minħabba salarji iktar baxxi u ħajja produttiva iqsar relatata ma' responsabbiltajiet ta' kura. Bl-istess mod, il-persuni f'impjieg indipendenti jew f'impjieg mhux standard spiss iħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet inqas favorevoli fir-rigward tal-aċċess u l-akkumulu ta' drittijiet għall-pensjoni milli dawk li jinsabu f'impjieg standard. Ir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali fix-xjuħija jiżdied mal-età wkoll. Aktar minn nofs il-persuni anzjani kollha li huma fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fl-UE għandhom 75 sena jew aktar. Dan huwa minħabba l-fatt li waqt l-irtirar, filwaqt li l-bżonnijiet jiżdiedu aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-valur tal-pensjonijiet jonqos.

L-Istati Membri daħħlu fis-seħħ miżuri biex jissalvagwardjaw l-adegwatezza tal-pensjonijiet, dejjem aktar prominenti fil-qalba tal-isforzi ta' politika tagħhom, b'mod partikolari fil-każ ta' pensjonijiet bi dħul baxx, iżda jeħtieġ li jsir aktar. Sabiex jiġi żgurat li l-pensjonijiet attwali u dawk futuri jkunu sostenibbli u adegwati, is-sistemi tal-pensjonijiet jeħtiġilhom jippromwovu ħajja produttiva itwal, kif titlob iż-żieda kontinwa fl-istennija tal-għomor. Dan jista' jsir billi jiġu mħeġġa t-tagħlim tul il-ħajja, il-forniment ta' ambjent tax-xogħol san u sikur, l-aġġustament tal-etajiet tal-pensjoni, l-ippremjar tal-irtirar aktar tard, u l-iskoraġġiment tal-irtirar bikri. Għażliet ta' xogħol flessibbli, inkluż il-possibbiltà li wieħed jikkombina pensjoni ma' introjtu minn xogħol, u inċentivi tat-taxxa li jippromwovu l-irtirar iktar tard qed isiru aktar komuni, u l-importanza tagħhom se tiżdied.

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu aktar miżuri biex inaqqsu d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, billi jimplimentaw politiki ta' opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel tal-età tax-xogħol, pereżempju, billi jiġu promossi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-distribuzzjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta' kura, l-indirizzar tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, tal-intensità tax-xogħol u tal-interruzzjoni tal-karriera. B'mod partikolari, il-politiki dwar il-pensjonijiet għandhom jipproteġu b'mod adegwat l-interruzzjonijiet tal-karriera relatati mal-għoti ta' kura. F'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħti appoġġ lill-Istati Membri f'dawn l-isforzi, pereżempju bil-proposta tagħha biex jinħoloq bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u l-karriera professjonali għall-ġenituri li jaħdmu u l-persuni li jagħtu kura.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li l-kopertura tal-pensjoni tiġi estiża wkoll għall-persuni f'impjieg indipendenti jew f'impjieg mhux standard u li jiġi mħeġġeġ it-tfaddil għal pensjoni supplimentari. F'dan is-sens, kif ukoll fil-kuntest tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat proposta għal Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali.

Il-kuntest

Il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali ġie ppreżentat mill-Kummissjoni f'April 2017, u proklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni waqt is-Summit Soċjali f'Gothenburg f'Novembru 2017. Il-Prinċipju 15 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema u ta' dawk li jaħdmu għal rashom għal pensjoni li tiżgura introjtu adegwat.

Ir-rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet jitħejja kull tliet snin mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali. Din l-edizzjoni tal-2018 tanalizza kif pensjonijiet attwali u futuri jistgħu jikkontribwixxu biex jipprevjenu l-faqar fix-xjuħija u jżommu l-livell tal-introjtu tal-irġiel u n-nisa matul il-perjodu tal-irtirar tagħhom.

Ir-rapport huwa ddedikat għal analiżi komparattiva tal-adegwatezza tal-pensjonijiet fl-UE-28. Dan il-Volum jeżamina l-istandards tal-għajxien attwali tal-anzjani u kif dawn jiġu kkaratterizzati mis-sistemi tal-pensjonijiet, ikompli billi jagħti ħarsa ġenerali lejn ir-riformi riċenti fil-pensjonijiet u jikkonkludi billi janalizza l-isfidi prinċipali għall-adegwatezza tal-pensjonijiet futuri u l-modi kif dawn għandhom jiġu indirizzati.

Ir-rapport jipprovdi wkoll deskrizzjoni aktar dettaljata tas-sistema tal-pensjonijiet u tal-adegwatezza tal-pensjonijiet f'kull wieħed mit-28 Stat Membru.

Ir-rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet tal-2018 u s-sett ta' konklużjonijiet ta' politika tiegħu ġew adottati mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali fil-25 ta' April 2018. Huwa previst li l-konklużjonijiet ta' politika tar-Rapport se jiġu approvati mill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur f'Ġunju 2018 u se jitqiesu fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

Ir-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet huwa komplementari b'mod reċiproku mar-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018 li se jsir mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika, li se jivvaluta kif l-infiq għall-pensjonijiet fil-futur se jaffettwa s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Għal iktar informazzjoni

Ir-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet tal-2018: l-adegwatezza tal-introjtu attwali u futur fix-xjuħija fl-UE, Volum I u Volum II

Sit web dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter

Inkiteb biex tirċievi b'xejn il-bullettin tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, permezz tal-email

IP/18/3507

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar