Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-tilqim: Il-Kummissjoni ssejjaħ għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha fl-UE kontra l-mard li nistgħu nevitawh:

Brussell, is-26ta' april 2018

It-tilqim: Il-Kummissjoni ssejjaħ għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha fl-UE kontra l-mard li nistgħu nevitawh:

Illum il-Kummissjoni se toħroġ sett ta' rakkomandazzjonijiet dwar kif l-UE tista' ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-mard li nistgħu nevitawh bit-tilqim. Dan jiġi wara s-sejħa tal-President Juncker, waqi id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, għal azzjoni biex tiżdied il-kopertura tat-tilqim u biex niżguraw li kulħadd fl-UE jkollu aċċess għall-vaċċini.http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-17-3165_mt.htm

Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis qal: “It-tilqim huwa waħda mill-iktar miżuri tas-saħħa pubblika b'saħħitha u kosteffettiva żviluppata fis-seklu 20. Bħala tabib, jiddispjaċini nara t-tfal imutu għax ma jitlaqqmux, meta jkun hemm min jeżita jitlaqqamx jew meta jkun hemm skarsezza ta' vaċċini disponibbli. Il-mard infettiv ma jiqafx mal-fruntieri nazzjonali. Id-dgħufija quddiem l-immunizzazzjoni ta' Stat Membru wieħed tpoġġi f'riskju lis-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE kollha. Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam hija fl-interess tagħna lkoll. Ejja nħarsu lil uliedna, ejja nlaqqmuhom!

Kull sena, it-tilqim isalva l-ħajja ta' bejn miljun u 3 miljun persuna mad-dinja kollha. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-vaċċini se jsalvaw 25 miljun ħajja oħra fl-għaxar snin li ġejjin. U madankollu, skont l-ECDC, diversi pajjiżi fl-UE qed jiffaċċjaw tifqigħat bla preċedent tal-ħosba u qed jaraw mewġa ġdida ta' mard ieħor li nistgħu nevitawh bit-tilqim minħabba nuqqas fil-kopertura ta' tilqim, u fl-UE għadhom qed imutu t-tfal u l-adulti minħabba dan il-mard.https://ecdc.europa.eu/en/publications-data/annual-measles-and-rubella-monitoring-report-2017

Il-proposta tal-Kummissjoni tiffoka fuq tliet pilastri ewlenin għall-azzjoni: 1. nindirizzaw l-eżitazzjoni għat-tilqim u ntejbu l-kopertura tat-tilqim; 2. politiki ta' tilqim sostenibbli fl-UE; u 3. koordinazzjoni u kontribut mill-UE għal saħħa tajba mad-dinja kollha.

Il-proposta ssejjaħ għal 20 azzjoni mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, fosthom:

  • Niżviluppaw u nimplimentaw pjanijiet ta' tilqim nazzjonali u/jew reġjonali sal-2020, inkluż il-mira ta' mill-inqas 95 % f'kopertura tat-tilqim kontra l-ħosba;
  • Nintroduċu kontrolli ta' rutina għall-istatus tat-tilqim u opportunitajiet regolari biex wieħed jitlaqqam fi stadji differenti tal-ħajja, pereżempju fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol;
  • Nippreżentaw għażliet għal kard tat-tilqim komuni li tista' tiġi skambjata b'mod elettroniku bejn il-fruntieri;
  • Sal-2019 nistabilixxu Portal Ewropew ta' Informazzjoni għat-Tilqim li jipprovdi evidenza online oġġettiva, trasparenti u aġġornata dwar il-benefiċċji u s-sikurezza tat-tilqim;
  • Innaqqsu r-riskji ta' skarsezza bl-iżvilupp ta' repożitorju, ta' maħżen virtwali ta' dejta tal-UE b'informazzjoni dwar l-istokk tal-vaċċini u l-bżonnijiet biex jiġi ffaċilitat l-iskambju volontarju ta' informazzjoni dwar il-provvisti disponibbli u l-iskarsezza ta' vaċċini essenzjali;
  • Il-ħaddiema kollha tal-kura tas-saħħa jiġu mgħammra bl-għodod meħtieġa biex ilaqqmu u jindirizzaw l-eżitazzjoni b'mod kunfidenti;
  • Insejħu għal Koalizzjoni għat-Tilqim li ġġib flimkien assoċjazzjonijiet Ewropej ta' ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa kif ukoll assoċjazzjonijiet tal-istudenti rilevanti minn dan il-qasam, li jimpenjaw ruħhom biex iwasslu informazzjoni preċiża lill-pubbliku, jiġġieldu kontra l-miti u jiskambjaw l-aħjar prattiki;
  • Nistabbilixxu Sistema Ewropa ta' Tixrid ta' Informazzjoni biex niġbru l-għarfien u niżviluppaw linji gwida għal skeda ċentrali għat-tilqim fl-UE sal-2020, bid-dożi u l-etajiet li l-Istati Membri jaqblu li jkunu komuni għall-pajjiżi kollha.
  • Insaħħu l-isħubijiet u l-kollaborazzjonijiet dwar it-tilqim mal-partners internazzjonali

 

Fejn ninsabu bħalissa: lakuni ta' tilqim importanti fl-UE;

Skont l-aktar dejta riċenti miġbura miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), il-ħosba qed tkompli tiżdied f'għadd ta' pajjiżi tal-UE u taż-ŻEE. Fit-12-il xahar bejn l-1 ta' Marzu 2017 u t-28 ta' Frar 2018, ġie rrappurtat 14,813 każ ta' ħosba permezz tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza. Minn dawn il-każijiet, fejn kien magħruf l-istatus tat-tilqim, 86 % ma kinux imlaqqma. Barra minn hekk, l-ECDC tistma li mill-inqas 40,000 ruħ imutu kull sena minħabba l-influwenza, parzjalment minħabba kopertura tat-tilqim baxxa.

 

Il-passi li jmiss

Il-proposta tal-Kummissjoni se tiġi diskussa mill-Kunsill, bil-ħsieb li jarawha tiġi adottata qabel tmiem l-2018, bi dħul fis-seħħ immedjat. Wara dan, kull tliet snin il-Kummissjoni se tkun qed tirrapporta dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproduċi wkoll rapport dwar L-Istat ta' Kunfidenza fil-Vaċċini fl-UE, sabiex issegwi l-attitudnijiet lejn it-tilqim, fil-kuntest tal-proċess dwar l-Istat tas-Saħħa fl-UE.

 

Sfond

Fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, il-President Juncker qal: “F''Unjoni ta' ugwali, ma jistax ikun hemm ċittadini tat-tieni klassi. Mhuwiex aċċettabbli li fl-2017 għad hemm tfal li qed imutu b'mard li missu ilu li nqered fl-Ewropa. (…) M'hemmx skużi. (…) Fl-Ewropa m'għandhomx iseħħu mwiet li jistgħu jkunu evitati.

Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-mard li nistgħu nevitawh bit-tilqim huma mibnija fuq għadd ta' politiki eżistenti tal-UE u proġetti fil-qasam tat-tilqim. Dawn jinkludu r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 dwar it-tilqim kontra l-influwenza staġjonali, il-Ftehim dwar l-Akkwist Konġunt, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (1082/2013/UE), u Azzjoni Konġunta dwar it-tilqim kofinanzjata mill-Programm tas-Saħħa 2014–2020, li se jibda fix-xhur li ġejjin, u li jindirizza l-eżitazzjoni għat-tilqim fost suġġetti oħra.

 

Għal aktar informazzjoni

Ara l- MEMO/18/3458

It-Tilqim - Ħarsa Ġenerali

Segwina fuq Twitter: @EU_Health, @V_Andriukaitis #vaccineswork and #EUvaccines

 

 

 

 

IP/18/3457

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar