Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kwalità tal-arja: Il-Kummissjoni taġixxi biex tipproteġi liċ-ċittadini mit-tniġġis tal-arja

Brussell, is-17ta' mejju 2018

Il-Kummissjoni qed tiddefendi l-bżonn tal-Ewropej li jgħixu f'arja nadifa.

Il-Kummissjoni qed tagħti għajnuna prattika biex l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali jtejbu l-kwalità tal-arja fl-Ewropa u qed issaħħaħ l-infurzar kontra seba' Stati Membri li kisru r-regoli tal-UE dwar il-limiti tat-tniġġis tal-arja u l-approvazzjoni tat-tip għall-karozzi, li diġà kien intlaħaq qbil dwarhom.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Karmenu Vella qal: “Id-deċiżjoni li nressqu lil xi Stati Membri quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-UE ttieħdet f'isem iċ-ċittadini Ewropej. Għidna li din il-Kummissjoni hija waħda li tipproteġi. Id-deċiżjoni tagħna ssegwi u taġixxi skont dik l-istqarrija. L-Istati Membri li llum qed jitressqu quddiem il-Qorti rċevew biżżejjed 'twissijiet tal-aħħar' biex itejbu s-sitwazzjoni tul dawn l-aħħar għaxar snin. Jien konvint li d-deċiżjoni tal-lum se twassal għal titjib għaċ-ċittadini li se jseħħ iktar malajr. Iżda azzjoni legali weħidha mhux se ssolvi l-problema. Għalhekk qed inħejju wkoll l-għajnuna prattika li l-Kummissjoni tista' tipprovdi għall-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali biex jippromwovu arja iktar nadifa fl-ibliet il-kbar u ż-żgħar Ewropej.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs Elżbieta Bieńkowska żiedet tgħid: “Jirnexxielna biss niġġieldu t-tniġġis urban jekk is-settur tal-karozzi jagħti s-sehem tiegħu. Karozzi b'emissjonijiet żero huma l-futur. Fil-frattemp, il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-emissjonijiet hija obligatorja. Il-manifatturi li jkomplu jinjoraw il-liġi se jbatu l-konsegwenzi għall-imġiba ħażina tagħhom.”

F'komunikazzjoni intitolata “Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd”, adottata llum, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-miżuri disponibbli li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jiġġieldu kontra t-tniġġis tal-arja. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri bl-involviment tal-awtoritajiet rilevanti fi “Djalogi dwar l-Arja Nadifa”, kif ukoll permezz ta' fondi tal-UE li jappoġġjaw miżuri għat-titjib tal-kwalità tal-arja.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni llum qed tressaq lil Franza, lill-Ġermanja, lill-Ungerija, lill-Italja, lir-Rumanija u lir-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li naqsu milli jirrispettaw il-valuri ta' limitu tal-arja u għax ma ħadux il-miżuri xierqa biex dawn il-perjodi ta' qabżiet iżommuhom qosra kemm jista' jkun. Il-Kummissjoni qed tibgħat ukoll ittri ta' intimazzjoni oħra lill-Ġermanja, lill-Italja, lil-Lussemburgu u lir-Renju Unit minħabba li injoraw ir-regoli tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE.

Miżuri għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja

Il-miżuri proposti llum mill-Kummissjoni jistrieħu fuq tliet pilastri ewlenin: l-istandards tal-kwalità tal-arja; il-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet; u, l-istandards tal-emissjonijiet għal sorsi ewlenin ta' tniġġis, pereżempju mill-emissjonijiet tal-vetturi u tal-bastimenti sal-enerġija u l-industrija.

Biex tindirizza l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja mit-traffiku, il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha ma' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali billi tieħu approċċ komuni u integrat għal regolamenti dwar l-aċċess urban għall-vetturi, skont l-Aġenda Urbana tal-UE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni mexxiet riforma wiesgħa biex tiżgura li l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja minn vetturi jitkejlu f'kundizzjonijiet reali tas-sewqan (ara l-FAQs).

Tisħiħ tal-infurzar

 Sitt Stati Membri mressqa quddiem il-Qorti

Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tindirizza l-qabżiet sinifikanti u persistenti tal-valuri ta' limitu għal żewġ sustanzi ewlenin li jniġġsu u li għandhom impatti fuq is-saħħa: id-diossidu tan-nitroġenu, li fil-biċċa l-kbira huwa r-riżultat tat-traffiku fit-toroq u tal-industrija, u l-materja partikolata, li hija prinċipalment preżenti fl-emissjonijiet mill-industrija, fit-tisħin domestiku, fit-traffiku u fl-agrikoltura.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil Franza, lill-Ġermanja u lir-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li naqsu milli jirrispettaw il-valuri ta' limitu għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2), u għax ma ħadux il-miżuri xierqa biex dawn il-perjodi ta' qabżiet iżommuhom qosra kemm jista' jkun. L-Ungerija, l-Italja, u r-Rumanija qed jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba livelli ta' materja partikolata (PM10) li qed jibqgħu dejjem għoljin. Il-limiti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent (id-Direttiva 2008/50/KE) kellhom jintlaħqu fl-2010 u fl-2005 rispettivament.

Dan il-pass isegwi Summit Ministerjali tal-Kwalità tal-Arja msejjaħ mill-Kummissarju Vella fit-30 ta' Jannar 2018, bħala sforz finali biex jinstabu soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-problema serja ta' tniġġis tal-arja f'disa' Stati Membri. Is-sitt Stati Membri kkonċernati ma ppreżentawx miżuri kredibbli, effikaċi u f'waqthom biex inaqqsu t-tniġġis, fi ħdan il-limiti maqbula u mill-aktar fis possibbli, kif meħtieġ skont il-liġi tal-UE. U għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi bl-azzjoni legali.

Fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, tas-Slovakkja u ta' Spanja, jidher li l-miżuri li qed jimplimentaw jew li huwa ppjanat li jimplimentaw, kif ikkomunikaw mal-Kummissjoni wara s-Summit Ministerjali tal-Kwalità tal-Arja, qed jindirizzaw in nuqqasijiet identifikati b'mod adegwat, jekk jiġu implimentati b'mod korrett. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, kif ukoll l-effettività tagħhom biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun.

 Proċeduri ta' ksur eskalati għal erba' Stati Membri

Il-Kummissjoni qed tieħu passi ulterjuri fil-proċeduri ta' ksur tagħha kontra erba' Stati Membri minħabba li injoraw ir-regoli tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE. Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri oħra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja, lill-Italja, lil-Lussemburgu u lir-Renju Unit.

Il-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ sistemi ta' penali effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jiskoraġġixxu lill-manifatturi tal-karozzi milli jiksru l-liġi. Meta jsir dan it-tip ta' ksur tal-liġi, pereżempju bl-użu ta' tagħmir ta' manipulazzjoni biex titnaqqas l-effettività tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet, għandhom jiskattaw il-miżuri ta' rimedju - bħalma huma s-sejħiet lura tal-prodott mis-suq u l-applikazzjoni ta' penali (l-Artikoli 30 u 46 tad-Direttiva 2007/46 u tal-Artikolu 13 tar-Regolament 715/2007).

Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta' ksur kontra l-Ġermanja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit f'Diċembru 2016 fir-rigward tal-Grupp Volkswagen u bagħtet ittri supplimentari ta' intimazzjoni f'Lulju 2017fejn intalbu kjarifiki ulterjuri.

Illum, il-Kummissjoni qed tibgħat ittri oħra ta' intimazzjoni fejn qed titlob aktar informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti legali nazzjononali relatati ma' dawn il-każijiet ta' ksur. Barra minn hekk, wara l-iskoperta ta' każijiet ġodda ta' irregolaritajiet fit-tħaddim tal-magni f'diversi karozzi diżil (Porsche Cayenne, Volkswagen Touareg u diversi vetturi tat-tip Audi A6 u A7) il-Kummissjoni tistaqsi lill-Ġermanja u lil-Lussemburgu, bħala l-awtoritajiet kompetenti tal-approvazzjoni tat-tip, liema huma l-miżuri ta' rimedju u l-penali previsti. Il-Kummissjoni qed titlob ukoll kjarifiki mir-Renju Unit dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali ppjanata.

F'Mejju 2017, il-Kummissjoni nediet proċedura ta' ksur kontra l-Italja minħabba li naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE fir-rigward tal-karozzi Fiat Chrysler. Sadanittant, l-Italja ħadet miżuri korrettivi billi ordnat lill-grupp Fiat Chrysler Automobiles isejjaħ il-prodott lura fl-UE. Illum, bħala parti minn skambju kontinwu, il-Kummissjoni titlob aktar informazzjoni dwar il-miżuri korrettivi konkreti meħuda u l-pieni applikati.

Ittra oħra ta' intimazzjoni tikkostitwixxi talba uffiċjali għall-informazzjoni. L-Istati Membri issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti miġjuba mill-Kummissjoni. altrimenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Kuntest

Fl-Unjoni Ewropea, il-kwalità tal-arja tjiebet b'mod ġenerali tul l-aħħar deċennji, ħafna drabi grazzi għall-isforzi konġunti bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Madankollu, il-kwalità ta' ħajja ta' bosta ċittadini tal-UE għadha mxekkla b'mod inaċċettabbli. B'mod dirett it-tniġġis tal-arja jikkawża kemm mard kroniku u kif ukoll mard serju bħall-ażma, problemi kardjovaskulari u l-kanċer tal-pulmun.

It-tressiq quddiem il-Qorti tal-lum jikkonċerna l-qbiż tal-istandards tal-kwalità tal-arja

 Id-diossidu tan-nitroġenu (NO2):

  • il-Ġermanja - f'26 żona tal-kwalità tal-arja, fosthom Berlin, Munich, Ħamburg u Cologne; il-konċentrazzjonijiet annwali rrappurtati fl-2016 telgħu sa 82 µg/m3 kontra valur ta' limitu ta' 40 µg/m3 (fi Stuttgart).
  • Franza - fi 12-il żona tal-kwalità tal-arja, fosthom Pariġi, Marsilja u Lyon; il-konċentrazzjonijiet annwali rrappurtati fl-2016 telgħu sa 96 µg/m3 (f'Pariġi).
  • Ir-Renju Unit - f'16-il żona tal-kwalità tal-arja, fosthom Londra, Birmingham, Leeds, u Glasgow; il-konċentrazzjonijiet annwali rrappurtati fl-2016 telgħu sa 102 µg/m3 (f'Londra).

B'kollox, hemm 13-il każ ta' ksur pendenti kontra xi Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, u r-Renju Unit).

Illum ġie deċiż li l-ewwel stati li se jitressqu quddiem il-Qorti huma l-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit; it-tliet każijiet infetħu wara l-Opinjonijiet Motivati ikkomunikati fi Frar 2017.

 Il-materja partikolata (PM10):

  • l-Italja – fi 28 żona tal-kwalità tal-arja, inklużi r-reġjuni tal-Lombardija, tal-Piemonte, tal-Lazjo, u tal-Veneto, il-valuri ta' limitu ta' kuljum baqgħu dejjem jinqabżu, fl-2016 sa 89 jum;
  • l-Ungerija - fi tliet żoni tal-kwalità tal-arja, f'Budapest, f'Pecs u fil-wied ta' Sajó, il-valuri ta' limitu ta' kuljum baqgħu dejjem jinqabżu, fl-2016 sa 76 jum;
  • Ir-Rumanija - fl-agglomerazzjoni ta' București, il-valuri ta' limitu ta' kuljum baqgħu dejjem jinqabżu, minn mindu l-liġi tal-UE saret applikabbli għar-Rumanija u fl-2016 fi 38 jum.

B'kollox, hemm 16-il każ ta' ksur pendenti kontra xi Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Portugall, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Isvezja, is-Slovenja u s-Slovakkja). Fil-5 ta' April 2017 u fit-22 ta' Frar 2018, rispettivament, il-Qorti ddeċidiet li l-Bulgarija u l-Polonja qed jiksru l-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Id-Deċiżjoni tal-lum issegwi opinjoni motivata mibgħuta lill-Italja f'April 2017, opinjoni motivata oħra mibgħuta lir-Rumanija f'Settembru 2014, kif ukoll opinjoni motivata oħra mibgħuta lill-Ungerija f'Marzu 2014.

Fil-każijiet kollha ta' qabżiet tal-valuri ta' limitu stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent (id-Direttiva 2008/50/KE), l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u jiżguraw li dawn il-pjanijiet jistabbilixxu miżuri xierqa biex dawn il-perjodi ta' qabżiet ikunu jistgħu jinżammu qosra kemm jista' jkun. Iggwidata mill-prinċipju ta' sussidjarjetà, il-leġiżlazzjoni tal-UE tħalli f'idejn l-Istati Membri biex jagħżlu l-mezzi li jridu jużaw biex jikkonformaw mal-valuri ta' limitu.

Għal aktar tagħrif

Il-komunikazzjoni “Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd” u Skeda Informattiva

  • Il-proċedura ta' ksur kontra l-Ġermanja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit fis-settur tal-karozzi
  • Il-proċedura ta' ksur kontra l-Italja fir-rigward tas-settur tal-karozzi

Dwar l-azzjonijiet tal-UE biex telimina kemm jista' jkun it-tniġġis ikkawżat mill-vetturi

Dwar id-deċiżjonijiet ewlenin tal-pakkett ta' ksur ta' Mejju 2018, jekk jogħġbok irreferi għall-MEMO/18/3446 sħiħ.

Dwar il-proċedura ta' ksur b'mod ġenerali, ara l-MEMO/12/12.

Dwar il-proċedura tal ksur tal-UE.

IP/18/3450

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar