Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-protezzjoni tal-informaturi Il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli ġodda għall-Ewropa kollha

Brussell, it-23ta' april 2018

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi liġi ġdida biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi madwar l-UE.

L-iskandli riċenti bħal Dieselgate, Luxleaks, Panama Papers jew ir-rivelazzjonijiet li jinsabu għaddejjin dwar Cambridge Analytica juru li l-informaturi jistgħu jaqdu rwol importanti biex jinkixfu attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interess pubbliku u l-ġid taċ-ċittadini u s-soċjetà tagħna.

Il-proposta ta' llum se tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni għall-informaturi li jirrappurtaw ksur tal-liġi tal-UE billi tistabbilixxi standards ġodda għall-UE kollha. Il-liġi l-ġdida se tistabbilixxi mezzi sikuri biex isir rappurtar kemm fi ħdan organizzazzjoni kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi. Hija se tipproteġi wkoll lill-informaturi kontra t-tkeċċija, it-tnaqqis tal-grad u forom oħra ta' ritaljazzjoni u tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurmaw liċ-ċittadini u jipprovdu taħriġ għall-awtoritajiet pubbliċi dwar kif jittrattaw lill-informaturi.

L-Ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Bosta skandli riċenti setgħu baqgħu mistura li kieku nies minn ġewwa ma kellhomx il-kuraġġ li jitkellmu. Imma dawk li għamlu dan ħadu riskji kbar ħafna. Għalhekk, jekk nipproteġu aħjar lill-informaturi, nistgħu nidentifikaw u nipprevjenu l-ħsara għall-interessi pubbliċi bħall-frodi, il-korruzzjoni, l-evitar tat-taxxa korporattiva jew il-ħsara għas-saħħa tan-nies u għall-ambjent. Ma għandu jkun hemm l-ebda kastig talli wieħed jagħmel l-għażla t-tajba. Minbarra dan, il-proposti ta' llum jipproteġu wkoll lil dawk li jaġixxu bħala sorsi għall-ġurnalisti investigattivi, u jgħinu biex jiġi żgurat li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja jiġu difiżi fl-Ewropa.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, żiedet: “Ir-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tal-informaturi se jkunu bidla radikali. Fid-dinja globalizzata fejn it-tentazzjoni li wieħed jimmassimizza l-profitt xi kultant għas-spejjeż tal-liġi hija waħda reali, jeħtieġ li nappoġġaw lil min ikun lest li jieħu r-riskju li jikxef ksur serju tal-liġi tal-UE. Dan huwa obbligu li għandna lejn in-nies onesti tal-Ewropa.

L-informaturi jistgħu jgħinu biex jinqabdu, jiġu investigati u ssanzjonati abbużi mil-liġi tal-UE. Huma għandhom ukoll rwol importanti sabiex jippermettu lill-ġurnalisti u lill-istampa libera biex iwettqu r-rwol fundamentali tagħhom fid-demokraziji tagħna. Huwa għalhekk li l-informaturi jeħtieġu l-protezzjoni xierqa kontra l-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni. Ċittadini li jikxfu attivitajiet illegali m'għandhomx jiġu kkastigati għall-azzjoni tagħhom. Iżda fir-realtà ħafna minnhom iħallsu għall-azzjoni tagħhom bl-impjiegi u bir-reputazzjoni tagħhom, jekk mhux saħansitra b'saħħithom stess: 36 % tal-ħaddiema li rrappurtaw imġiba ħażina esperjenzaw ritaljazzjoni (2016 Global Business Ethics Survey). Il-protezzjoni tal-informaturi se tikkontribwixxi wkoll għas-salvagwardja tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà tal-midja, u hija essenzjali biex jiġu mħarsa l-istat tad-dritt u d-demokrazija fl-Ewropa.

Protezzjoni għal firxa wiesgħa ta' ksur tal-liġi tal-UE

Il-proposta ta' llum tiżgura protezzjoni fl-UE kollha għall-informaturi dwar ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-akkwist pubbliku; is-servizzi finanzjarji, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; is-sikurezza tal-prodotti; is-sikurezza tat-trasport; il-ħarsien ambjentali; is-sikurezza nukleari; is-sikurezza tal-ikel u l-għalf, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali; is-saħħa pubblika; il-protezzjoni tal-konsumatur; il-privatezza, il-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni. Hija tapplika wkoll għall-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, għall-ksur u l-abbuż tar-regoli dwar it-taxxa korporattiva u għall-ħsara għall-interessi finanzjarji tal-UE. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex imorru lil hinn minn dan l-istandard minimu u jistabbilixxu oqfsa kompluti għall-protezzjoni tal-informaturi abbażi tal-istess prinċipji.

Mekkaniżmi u Obbligi Ċari għal min iħaddem

Il-kumpaniji kollha b'aktar minn 50 impjegat jew b'fatturat annwali ta' aktar minn EUR 10 miljun iridu jistabbilixxu proċedura interna biex jindirizzaw ir-rapporti tal-informaturi. L-amministrazzjonijiet tal-istat u reġjonali u l-muniċipalitajiet b'aktar minn 10,000 abitant se jkunu koperti wkoll mil-liġi l-ġdida.

Il-mekkaniżmi ta' protezzjoni li se jkollhom jitwaqqfu jridu jinkludu:

  • Mezzi ta' rappurtar ċari, fi ħdan u barra mill-organizzazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità;
  • Sistema bi tliet livelli ta' rappurtar ta:
  • Kanali interni ta' rappurtar;
  • Rapportar lill-awtoritajiet kompetenti - jekk il-kanali interni ma jaħdmux jew ma setgħux ikunu raġonevolment mistennija li jaħdmu (pereżempju fejn l-użu ta' mezzi interni jista' jippreġudika l-effikaċja ta' azzjonijiet investigattivi mill-awtoritajiet responsabbli);
  • Rappurtar pubbliku/fil-midja - jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni xierqa wara r-rappurtar permezz ta' mezzi oħra, jew f'każ ta' periklu imminenti jew ċar għall-interess pubbliku jew dannu irreversibbli;
  • Obbligi ta' feedback għall-awtoritajiet u l-kumpaniji, li se jkollhom iwieġbu u jwettqu segwitu għar-rapporti tal-informaturi fi żmien tliet xhur għall-kanali interni ta' rappurtar;
  • Il-prevenzjoni tar-ritaljazzjoni u l-protezzjoni effettiva: il-forom kollha ta' ritaljazzjoni huma pprojbiti u għandhom jiġu ssanzjonati. Jekk informaturi jsofru ritaljazzjoni, dawn għandu jkollhom aċċess għal pariri b'xejn u rimedji adegwati (pereżempju miżuri biex jitwaqqaf il-fastidju fuq il-post tax-xogħol jew tiġi evitata t-tkeċċija). L-oneru tal-prova jinqaleb f'każijiet bħal dawn, sabiex il-persuna jew l-organizzazzjoni jkollhom jipprovaw li ma jkunux qed jaġixxu b'ritaljazzjoni kontra l-informatur. L-informaturi se jkunu protetti fil-proċeduri ġudizzjarji, b'mod partikolari permezz ta' eżenzjoni mir-responsabbiltà ġuridika talli ddivulgaw l-informazzjoni.

Salvagwardji Effettivi

Il-proposta tipproteġi l-informaturi li jkollhom ġenwinament l-intenzjoni li jissalvagwardjaw l-interess pubbliku. Hija għalhekk tinkludi salvagwardji li jiskoraġġixxu rapporti malizzjużi jew abbużivi u jevitaw ħsara mhux ġustifikata għar-reputazzjoni. Dawk affettwati minn rapport ta' informatur se jgawdu b'mod sħiħ mill-preżunzjoni ta' innoċenza, mid-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, u mid-dritt għal difiża.

Il-kuntest

Il-protezzjoni mogħtija lill-informaturi fl-UE bħalissa hija frammentata u mhux konsistenti. Huma biss 10 Stati Membri tal-UE li bħalissa qegħdin jiżguraw li l-informaturi jkunu protetti bis-sħiħ. Fil-pajjiżi l-oħra, il-protezzjoni mogħtija hija parzjali u tapplika biss għal setturi jew kategoriji speċifiċi ta' impjegati.

Il-proposta tal-Kummissjoni tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi, li tirrakkomanda li “Stati Membri jkollhom fis-seħħ qafas normattiv, istituzzjonali u ġuridiku sabiex jipproteġu l-individwi li, fil-kuntest tar-relazzjoni bbażata fuq ix-xogħol tagħhom, jirraportaw jew jiżvelaw informazzjoni dwar theddid jew ħsara għall-interess pubbliku" u tistabbilixxi l-prinċipji li jiggwidaw lill-istati meta jintroduċu jew jirrieżaminaw dawn l-oqfsa.

Il-Kunsill inkoraġġixxa lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà ta' azzjoni futura tal-UE fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar it-Trasparenza Fiskali tal-11 ta' Ottubru 2016. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trejdjunjins konsistentement talbu għal leġiżlazzjoni fl-UE kollha biex jiġu protetti l-informaturi li jaġixxu fl-interess pubbliku.

Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu azzjoni biex tipproteġi lill-informaturi, bħas-sorsi tal-ġurnalisti, fit-tieni Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali f'Novembru 2016, li kienet dwar it-tema “Il-Pluraliżmu tal-Midja u d-Demokrazija”.

It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi jqiegħed fis-seħħ ukoll l-impenn tal-Kummissjoni li tenfasizza aktar l-infurzar tal-liġi tal-UE, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 dwar Id-dritt tal-UE: Riżultati Aħjar permezz ta' Applikazzjoni Aħjar

Għal aktar informazzjoni

Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE

Direttiva dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw fuq il-ksur tal-liġi tal-Unjoni

Mistoqsija u tweġiba

Skeda informattiva

 

 

IP/18/3441

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar