Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Insaħħu l-kompetittività fis-settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut

Brussell, id-19ta' april 2018

Ilum il-Kummissjoni qed tippubblika sett tal-aħjar prattiki biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex joħolqu settur tal-bejgħ bl-imnut aktar miftuħ, integrat u kompetittiv.

Is-settur tal-bejgħ bl-imnut huwa wieħed mill-akbar setturi tal-ekonomija tal-UE, bi kważi waħda minn kull għaxar persuni jaħdmu f'aktar minn 3.6 miljun kumpanija tal-bejgħ bl-imnut. Is-settur qed jinbidel malajr bl-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku u bil-bejgħ bl-imnut multikanali, u għandu l-potenzjal li jaħdem aħjar. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tgħin lill-Istati Membri u lill-operaturi biex jegħlbu l-isfidi attwali billi jindirizzaw l-akkumulazzjoni ta' restrizzjonijiet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Jyrki Katainen, il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal "Il-Kummissjoni identifikat prattiki konkreti u effettivi ħafna biex jorjentaw l-isforzi tal-Istati Membri biex iżidu l-innovazzjoni, il-produttività u l-kompetittività tas-settur tal-bejgħ bl-imnut tagħna. Dan se jgħin lill-bejjiegħa bl-imnut Ewropej biex isaħħu l-preżenza dinjija tagħhom u jgħin lil ħafna SMEs tagħna li huma bejjiegħa bl-imnut – li ta' spiss ikunu negozji tal-familja – fl-isforzi tagħhom biex iħaddnu l-bidla teknoloġika. Dan kollu se jgħin biex jinħolqu l-impjegi u tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku."

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, qalet: "Il-ġejjieni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut Ewropew – u tal-ekonomija tagħna inġenerali – jiddependi fuq il-kapaċità li jiġu żviluppati mudelli tan-negozju innovattivi u li jiġu mmassimizzati opportunitajiet ġodda bħalma hu l-kummerċ elettroniku. Dan jirrikjedi ambjent tan-negozju favorevoli. Għal din ir-raġuni qed nagħtu parir lill-Istati Membri dwar kif l-aħjar japplikaw ir-regoli tal-UE u jsegwu l-eżempju tar-riformi li diġà ġew ippruvati u ttestjati f'pajjiżi oħra tal-UE."

 

X'inhuma l-oqsma ewlenin fejn l-Istati Membri jistgħu jagħmlu aktar progress?

  • L-iffaċilitar tal-ftuħ ta' ħwienet tal-bejgħ bl-imnut ġodda: Huwa kruċjali li ħanut ġdid ikun jista' jinfetaħ malajr, b'mod li l-bejjiegħa bl-imnut ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-suq, u b'hekk jitrawmu l-produttività u l-innovazzjoni. Billi jtejbu l-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-Istati Membri jistgħu jissemplifikaw il-ftuħ ta' ħwienet ġodda mingħajr ma jpoġġu f'riskju l-interessi tal-politika pubblika, bħalma huma l-ippjanar urban u rurali, il-ħarsien tal-ambjent u tal-konsumaturi. L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali huma mħeġġa jnaqqsu l-piżijiet bla bżonn jew sproporzjonati, filwaqt li jagħmlu l-proċeduri għall-ftuħ ta' ħwienet ġodda tal-bejgħ bl-imnut aktar sempliċi, iqsar u aktar trasparenti.

  • It-tnaqqis tar-restrizzjonijiet għall-operat ta' kuljum tal-ħwienet: Dawn jistgħu joħolqu piż sinifikanti għan-negozji u jaffettwaw il-produttività tagħhom, u din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni identifikat l-aħjar prattiki fejn għandhom x'jaqsmu l-promozzjonijiet tal-bejgħ u l-iskontijiet, il-kanali speċifiċi tal-bejgħ, il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet, it-taxxi speċifiċi għall-bejgħ bl-imnut, ix-xiri ta' prodotti fi Stati Membri oħra u l-prattiki kuntrattwali tal-bejgħ bl-imnut modern. L-għan huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll ktajjen tal-provvista ġusti u effiċjenti, filwaqt li ma jkunx hemm restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu segwiti objettivi ġustifikati ta' politika pubblika.

  • L-adozzjoni ta' approċċi ġodda biex tiġi promossa l-vitalità taċ-ċentri tal-bliet: Illum il-Kummissjoni ppubblikat ukoll gwida dwar kif jistgħu jitrawmu r-rivitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-settur tan-negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut. Il-gwida tagħti lill-awtoritajiet pubbliċi suġġerimenti prattiċi dwar kif jistgħu jgħinu lin-negozjanti ż-żgħar iħaddnu l-bidla teknoloġika u jilqgħu l-isfidi tal-ġejjieni. Kull soluzzjoni hija mirfuda minn eżempji prattiċi mill-ħajja reali, miġbura mill-eżempji tal-aħjar prattiki mill-UE kollha, li jistgħu jiġu ttrasferiti fil-kuntesti lokali. Il-gwida tidentifika stejjer ta' suċċess li minnhom l-Istati Membri jistgħu jieħdu ispirazzjoni, pereżempju dwar kif jibnu komunitajiet ta' bejjiegħa bl-imnut bil-għan li jiġbdu lill-konsumaturi lejn iċ-ċentri tal-bliet.

Barra minn dan, l-Indikatur tar-Restrizzjonijiet fuq il-Bejgħ bl-Imnut (Retail Restrictiveness Indicator - RRI) jipprovdi ħarsa ġenerali utli lejn l-istat attwali tal-bejgħ bl-imnut fl-Istati Membri. Dan jgħin sabiex jiġu identifikatati l-aħjar prattiki kif ukoll oqsma possibbli fejn jistgħu jsiru riformi. L-RRI huwa wkoll għodda dinamika ta' monitoraġġ li tkejjel l-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bl-imnut u l-impatt ta' dawn ir-riformi fuq il-prestazzjoni tas-suq, inkluż il-produttività, il-prezzijiet u l-innovazzjoni, kif ukoll l-effetti sekondarji fuq setturi oħra.

Barra mill-gwida tal-lum għar-riformi tal-Istati Membri u għall-iffissar tal-prijoritajiet għall-politika tal-infurzar fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-evoluzzjoni tal-oqfsa regolatorji rilevanti u tax-xejriet ekonomiċi.

 

Sfond

Il-bejgħ bl-imnut huwa t-tieni l-akbar settur tas-servizzi fl-UE, wara s-servizzi finanzjarji, jiġġenera 4.5 % tal-valur miżjud fl-ekonomija tal-UE u joħloq 8.6 % tal-impjiegi kollha fl-UE. L-unitajiet domestiċi fl-UE jonfqu sa terz tal-baġits tagħhom fil-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut. Il-bejgħ bl-imnut huwa wkoll mutur ewlieni għall-innovazzjoni u l-produttività. Permezz tal-interazzjonijiet tiegħu ma' setturi ekonomiċi oħra, settur tal-bejgħ bl-imnut aħjar jista' jwassal għal effetti sekondarji pożittivi għall-ekonomija kollha kemm hi. Inqas restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bl-imnut isarrfu fi produttività ogħla fil-manifattura. Settur tal-bejgħ bl-imnut aktar effiċjenti jista' joffri lill-konsumaturi prezzijiet aktar baxxi u dan joħloq aktar domanda u jħajjar il-produzzjoni ta' aktar prodotti innovattivi. 

Fl-Istrateġija tas-Suq Uniku tal-2015, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tindirizza r-restrizzjonijiet eċċessivi fuq il-ftuħ ta' ħwienet ġodda u fuq l-operat ta' kuljum tal-ħwienet. Il-Komunikazzjoni tal-lum dwar il-bejgħ bl-imnut hija l-aħħar strument tal-Istrateġija tas-Suq Uniku. Din tikkomplementa inizjattivi oħra bħalma huma l-proposti għall-iffaċilitar għall-kumpaniji li jbigħu l-prodotti fl-UE kollha, l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu, il-miżuri biex tingħata spinta ġdida lis-settur tas-servizzi, il-miżuri għal akkwist pubbliku effiċjenti u professjonali u l-protezzjoni tal-għarfien espert u tal-pożizzjoni minn ta' quddiem fl-innovazzjoni tal-Ewropa, il-passi biex jissaħħu l-konformità u l-funzjonament prattiku tas-Suq Uniku tal-UE u l-kummerċ ta' prodotti sikuri fl-Ewropa kollha. Din tmur ukoll id f'id mal-isforzi tal-Kummissjoni biex toħloq Suq Uniku Diġitali tal-UE, b'mod partikolari mal-inizjattivi dwar l-imblukkar ġeografiku, is-servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera, il-modernizzazzjoni tal-VAT u r-regoli tal-kuntratti diġitali

 

Għal aktar informazzjoni

IP/18/3377

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar