Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Riforma tas-sistema ta' finanzjament tal-partiti politiċi: Il-Kummissjoni tilqa' ftehim malajr mil-leġiżlaturi tal-UE

Brussell, is-17ta' april 2018

.

Il-Kummissjoni llum esprimiet is-sodisfazzjon tagħha dwar vot mill-Parlament Ewropew rigward il-proposti tagħha, wara l-indirizz dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, għal riforma tar-regoli dwar il-Partiti u l-FondazzjonijietPolitiċi Ewropej. Dawn it-tibdiliet se jżidu t-trasparenza, b'mod li n-nies ikunu jafu dwar xiex ikunu qegħdin jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej, itejbu l-leġittimità demokratika tal-finanzjament b'mod li jkun jirrifletti aħjar l-għażliet mill-elettorat, u jsaħħu l-infurzar tal-liġi sabiex l-abbużi mill-fondi pubbliċi jkunu jistgħu jiġu ttrattati aħjar u jinġabru lura l-fondi.

Kif qal il-President Jean-Claude Juncker fl-Indirizz tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-13 ta' Settembru 2017, "Hemm bżonn li l-Unjoni tagħmel pass demokratiku 'l quddiem. Ta' spiss, l-elezzjonijiet fl-Ewropa ġew ridotti f'xejn anqas mir-riżultat ta' kampanji nazzjonali. Id-demokrazija Ewropea ħaqqha aħjar. Għandna nipprovdu l-mezzi lill-partiti Ewropej biex jorganizzaw lilhom infushom aħjar.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans, wara l-vot tal-lum, qal: “Din hija riforma importanti u ninsab kuntent li qed titlesta fi żmien daqshekk qasir. Il-partiti politiċi Ewropej għandhom rwol ċentrali u dejjem jikber fil-ħolqien ta' rabta diretta bejn iċ-ċittadini Ewropej u s-sistema politika Ewropea. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jafu għal min ikunu qed jivvutaw meta jitfgħu l-vot tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej tas-sena d-dieħla, u għaldaqstant huwa tajjeb li dawn il-bidliet se jagħmlu r-rabta bejn il-partiti nazzjonali u dawk Ewropej aktar ċara. Huma se jiżguraw ukoll li l-fondi pubbliċi mogħtija lill-partiti jirriflettu aħjar il-voti li jkunu kisbu l-kandidati tagħhom, u b'hekk dan jgħinna niksbu lura xi fondi li jkunu ntużaw ħażin.”

Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Partiti Politiċi u l-Fondazzjonijiet Ewropej se tagħlaq il-lakuni li fil-passat wasslu biex isir abbuż minn flus il-kontribwenti Ewropej. F'xi każijiet, membri individwali tal-istess partit nazzjonali sponsorjaw il-ħolqien ta' partiti Ewropej differenti. Barra minn hekk, il-metodu ta' distribuzzjoni li jeżisti bħalissa għall-finanzjament mill-UE għall-partiti politiċi Ewropej ma jirriflettix biżżejjed ir-riżultati tel-elezzjonijiet Ewropej. Fl-aħħar nett, il-partiti jsibuha bi tqila li jissodisfaw ir-rekwiżit biex jiksbu finanzjament bħal dan.

Il-bidliet adottati se jistabbilixxu rabta eqreb bejn l-ammont ta' voti u l-finanzjament permezz ta' żieda perċentwali tat-total tal-fondi li jkunu allokati abbażi tar-riżultati tal-elezzjoni għal 90% mir-rata attwali ta' 85 %. Skont is-sistema attwali, 15% tal-finanzjament kien jinqasam bejn il-partiti kollha, irrispettivament mill-għadd ta' votanti li jirrappreżentaw.

L-emendi se jipprovdu wkoll trasparenza akbar għaċ-ċittadini Ewropej rigward ir-rabtiet bejn il-partiti Ewropej u nazzjonali, billi jobbligaw lill-partiti nazzjonali juru fuq is-siti web tagħhom b'mod ċar il-logo u l-programm politiku tal-partit Ewropew li huma affiljati miegħu. Il-partiti nazzjonali huma mħeġġa wkoll biex jinkludu informazzjoni dwar il-bilanċ bejn is-sessi tal-Membri tal-partit fil-Parlament Ewropew.

Fl-aħħar nett, sabiex ikun aċċertat li flus il-kontribwenti jiġu ġestiti aħjar, ir-riforma proposta se tagħlaq il-lakuni li kienu jwasslu biex il-partiti jabbużaw mis-sistema billi jistabbilixxu diversi partiti Ewropej li kull wieħed minnhom ikun eliġibbli għal finanzjament addizzjonali.

Il-kuntest

Ir-rwol tal-Partiti Politiċi Ewropej huwa stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jistipula li “l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”. Ir-Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej introdott fl-2014 iżid l-viżibilità, ir-rikonoxximent, l-effettività, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-partit politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi affiljati tagħhom.

Il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi li jissodisfaw għadd ta' kundizzjonijiet jingħataw l-opportunità li jsiru entitajiet ġuridiċi Ewropej u jkollhom aċċess għal sostenn finanzjarju. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu rappreżentanza f'għadd kbir biżżejjed ta' Stati Membri tal-UE u r-rispett, kemm fil-programm tagħhom kif ukoll fl-attivitajiet, tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE.

Għal aktar informazzjoni:

http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-3187_en.htm

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-17-3168_en.htm

IP/18/3376

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar