Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-pjattaformi online: Il-Kummissjoni tistabbilixxi standards ġodda dwar it-trasparenza u l-ġustizzja

Brussell, is-26ta' april 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi regoli ġodda għall-pjattaformi online li jipprovdu lin-negozji ż-żgħar b'xibka ta' sikurezza fl-ekonomija diġitali.

Ir-regoli l-ġodda se jtejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku Diġitali u jimxu fuq id-dikjarazzjonijiet tat-13 ta' Settembru 2017 tal-President Juncker fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni biex “jiġi protett ambjent kummerċjali ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fl-ekonomija online”. L-għan tar-regoli l-ġodda huwa li jinħoloq ambjent kummerċjali ġust, trasparenti u prevedibbli għan-negozji u l-kummerċjanti iżgħar meta jużaw il-pjattaformi online. In-negozji bħal-lukandi, il-kummerċjanti li jbiegħu online, l-iżviluppaturi tal-apps u kumpaniji simili oħra li jiddependu fuq il-magni tat-tiftix biex jattiraw l-utenti tal-Internet għas-siti web tagħhom, huma fost dawk li se jibbenefikaw mir-regoli l-ġodda.

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip stqarr: “Miljuni ta' kummerċjanti fl-UE, li ħafna minnhom huma żgħar, issa jiddependu fuq il-pjattaformi online biex jilħqu lill-klijenti tagħhom fis-Suq Uniku Diġtali. Dawn il-postijiet tas-suq online l-ġodda jixprunaw it-tkabbir u l-innovazzjoni fl-UE, iżda rridu nistabbilixxu regoli ċari u bażiċi biex jiġi żgurat ambjent kummerċjali sostenibbli u prevedibbli. Il-proposta tal-lum toħloq aktar trasparenza fl-ekonomija online, tipprovdi lin-negozju bil-prevedibbilità li jeħtieġu, u fl-aħħar mill-aħħar se tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi Ewropej.”

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, stqarret: “Irridu nevitaw il-frammentazzjoni tas-Suq Uniku minħabba t-taħlita ta' regoli nazzjonali. Il-proposta tal-lum tal-Kummissjoni qed tippreżenta approċċ li se jagħti lin-negozji tal-UE, b'mod partikolari lil dawk ta' daqs iżgħar, it-trasparenza u l-mekkaniżmi ta' rimedju li se jgħinuhom iħaddnu l-ekonomija diġitali. Barra minn hekk, se tagħti wkoll iċ-ċertezza tad-dritt lill-pjattaformi. "

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, stqarret: “Il-pjattaformi u l-magni tat-tiftix huma mezzi importanti għan-negozji Ewropej biex jilħqu lill-konsumaturi, iżda rridu niżguraw li dawn mhux qed jabbużaw mis-setgħat tagħhom u b'hekk ikunu ta' ħsara għall-utenti tan-negozju tagħhom. Bħalissa qed nieħdu pass ferm importanti b'regoli ċari dwar it-trasparenza, b'soluzzjoni effiċjenti tat-tilwim u t-tnedija ta' osservatorju biex janalizza f'aktar dettall il-prattiki tal-pjattaformi online. L-iżgurar li l-pjattaformi u l-magni tat-tiftix jittrattaw negozji oħra b'mod ġust huwa fundamentali anke biex jippromwovi l-fiduċja fl-ambjenti tal-pjattaformi online fl-UE.”

Fi stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru kważi nofs (42 %) ir-rispondenti minn kumpaniji żgħar u medji wieġbu li jużaw il-postijiet tas-suq online biex ibiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom. Skont studju ieħor, kważi 50 % tan-negozji Ewropej li jaħdmu fuq il-pjattaformi jesperjenzaw xi problemi. L-istudju juri li fit-38 % tal-problemi marbuta mar-relazzjonijiet kuntrattwali jibqgħu mhux solvuti filwaqt li 26 % tal-każijiet jissolvew iżda b'diffikultà. Ġie stmat li qed jintilfu bejn EUR 1.27 u EUR 2.35 biljun direttament fil-bejgħ.

Passi leġiżlattivi biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-ġustizzja fil-ġestjoni tal-pjattaformi

Ir-regoli l-ġodda se jindirizzaw dan it-tħassib billi:

  • Tiżdied it-trasparenza: Il-fornituri tas-servizzi ta' intermedjazzjoni online jridu jiżguraw li t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom applikati għall-utenti professjonali jkunu jinftiehmu malajr u faċilment disponibbli. Dan jinkludi l-istabbiliment minn qabel tar-raġunijiet possibbli għala utent professjonali jista' jitneħħa mil-lista jew jiġi sospiż minn pjattaforma. Il-fornituri jridu wkoll jirrispettaw perjodu minimu u raġonevoli ta' notifika għall-implimentazzjoni tal-bidliet għat-termini u l-kundizzjonijiet. F'każ li fornitur tas-servizzi ta' intermedjazzjoni online jissospendi jew itemm parti minn dak li joffri utent ta' negozju, jew kollu kemm hu, dan il-fornitur jeħtieġ li jiddikjara r-raġunijiet li wassluh għal din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-fornituri ta' dawn is-servizzi jridu jifformulaw u jippubblikaw politiki ġenerali dwar (i) x'dejta ġġenerata mis-servizzi tagħhom tista' tiġi aċċessata, min jista' jaċċessaha u l-kundizzjonijiet għal dan l-aċċess; (ii) il-ġestjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom stess meta jitqabblu ma' dawk offruti mill-utenti professjonali tagħhom; u (iii) kif jużaw klawsoli kuntrattwali biex jitolbu l-aktar firxa jew prezz favorevoli tal-prodotti u s-servizzi offruti mill-utenti professjonali tagħhom (l-hekk imsejħa klawsoli tan-Nazzjon l-Aktar Favorit (MFN)). Fl-aħħar nett, kemm is-servizzi ta' intermedjazzjoni online kif ukoll il-magni tat-tiftix online jridu jistabbilixxu kriterji ġenerali li jiddeterminaw kif jiġu elenkati l-prodotti u s-servizzi fir-riżultati tat-tiftix.

  • Jissolva t-tilwim b'mod aktar effiċjenti: Il-fornituri tas-servizzi ta' intermedjazzjoni online meħtieġa li jistabbilixxu sistema interna għat-trattament tal-ilmenti. Biex tiġi ffaċilitata s-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, il-fornituri kollha tas-servizzi ta' intermedjazzjoni online se jkollhom jelenkaw fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, il-medjaturi kwalifikati u indipendenti li lesti jaħdmu magħhom in bona fede biex isolvu t-tilwim. L-industrija se tiġi mħeġġa wkoll biex tinnomina b'mod volontarju medjaturi indipendenti speċifiċi li kapaċi jittrattaw it-tilwim li jinħoloq fil-kuntest tas-servizzi ta' intermedjazzjoni online. Fl-aħħar nett, l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw in-negozji se jingħataw id-dritt li jressqu azzjoni ġudizzjarja f'isem negozji biex jinfurzaw ir-regoli l-ġodda dwar it-trasparenza u s-soluzzjoni tat-tilwim.

  • Jiġi stabbilit Osservatorju tal-UE biex jimmonitorja l-impatt tar-regoli l-ġodda: L-Osservatorju se jimmonitorja kwistjonijiet u opportunitajiet attwali kif ukoll emerġenti fl-ekonomija diġitali, bl-għan li, jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni tagħti segwitu dwar il-proposta leġiżlattiva tal-lum. Se tingħata attenzjoni partikolari għall-iżviluppi fl-approċċi politiki u regolatorji mal-Ewropa kollha.

    Skont il-progress miksub u bbażat fuq l-għarfien miksub mill-Osservatorju tal-UE, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali fi żmien tliet snin.

Kuntest

Ir-Regolament tal-lum propost mill-Kummissjoni, isegwi l-impenn tal-Kummissjoni fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali biex jitħejjew azzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' klawsoli kuntrattwali u prattiki kummerċjali inġusti identifikati fir-relazzjonijiet bejn il-pjattaformi u n-negozji, billi jiġu esplorati s-soluzzjonijiet għat-tilwim, il-kriterji dwar prattiki ġusti u t-trasparenza. 

Il-proposta hija l-frott ta' eżerċizzju ta' ġbir ta' informazzjoni li ilu għaddej sentejn u li kien jinvolvi firxa wiesgħa ta' konsultazzjonijiet, riċerka ekonomika, tfassil ta' politika u għadd ta' workshops. 

Il-Kummissjoni qed tuża wkoll is-setgħat ta' infurzar tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni biex tippermetti l-kompetizzjoni ġusta fl-ekonomija tal-pjattaforma. Pereżempju, f'Mejju tal-2017 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrendi legalment vinkolanti l-impenji offruti minn Amazon fir-rigward tat-tħassib preliminari dwar il-kompetizzjoni marbut ma' għadd ta' klawsoli fil-ftehimiet ta' distribuzzjoni ta' Amazon mal-pubblikaturi elettroniċi. F'Ġunju tal-2017 adottat deċiżjoni ta' projbizzjoni li kkonkludiet li Google abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu billi ta vantaġġi illegali lis-servizzi ta' tqabbil tal-prezzijiet tiegħu fir-riżultati tat-tiftix ġenerali tiegħu. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni se tkompli tinforza r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fis-settur diġitali.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Komunikazzjoni u links utli oħra

IP/18/3372

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar