Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Il-Kummissjoni tipproponi Kodiċi ta' Prattika fl-UE kollha

Brussell, is-26ta' april 2018

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi miżuri biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni online, li jinkludu Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni fl-UE kollha, appoġġ għal netwerk indipendenti ta' verifikaturi tal-fatti, u sensiela ta' azzjonijiet biex jiġi stimolat il-ġurnaliżmu ta' kwalità u promoss il-litteriżmu medjatiku.

Ir-rivelazzjonijiet ta' Facebook / Cambridge Analytica wrew eżattament kif id-dejta personali tista' tiġi sfruttata fil-kuntesti elettorali u jservu ta' tfakkira f'waqtha li hemm bżonn li jsir aktar għas-sigurtà tal-proċessi demokratiċi reżiljenti. Illum, il-Kummissjoni qed tieħu passi 'l quddiem fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-valuri Ewropej u s-sigurtà.

Il-Viċi President, Ansip, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali, qal: “Id-diżinformazzjoni mhijiex għodda ġdida bħala strument ta' influwenza politika. Teknoloġiji ġodda, speċjalment dawk diġitali, firxu l-kisba tagħha permezz tal-ambjent online biex iddgħajjef id-demokrazija u s-soċjetà tagħna. Peress li l-fiduċja online faċli tintilef iżda hija diffiċli biex terġa' tinkiseb, l-industrija teħtieġ li taħdem magħna dwar din il-kwistjoni. Il-pjattaformi online għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni organizzati minn individwi u pajjiżi bl-għan li jheddu d-demokrazija tagħna.”

Il-Kummissarju Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qalet: “Qed nitlob lill-atturi kollha, b'mod partikolari l-pjattaformi u n-netwerks soċjali li għandhom responsabbiltà ċara, biex jaġixxu abbażi ta' pjan ta' azzjoni li jimmira għal approċċ Ewropew komuni biex iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa u jiġu protetti b'mod effiċjenti kontra d-diżinformazzjoni. Se nimmonitorjaw mill-qrib il-progress li sar u jaf nipproponu iktar azzjonijiet sa Diċembru, inkluż miżuri ta' natura regolatorja jekk ir-riżultati ma jkunux sodisfaċenti.”

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Sir Julian King, qal: “L-użu tal-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni online bħala arma huwa theddida serja għas-sigurtà tas-soċjetajiet tagħna. Is-sovverżjoni ta' kanali fdati biex jippruvaw jikkonvinċu dwar kontenut distruttiv u li jifred teħtieġ rispons ċar ibbażat fuq iż-żieda fit-trasparenza, it-traċċabbiltà u l-kontabbiltà. Il-pjattaformi online għandhom rwol importanti ħafna fil-ġlieda kontra l-abbuż tal-infrastruttura tagħhom mill-atturi ostili u s-sikurezza tal-utenti tagħhom u s-soċjetà.”

Abbażi tar-rapport indipendenti li ġie ppubblikat f'Marzu 2018 mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Aħbarijiet Foloz u d-Diżinformazzjoni Online, kif ukoll abbażi ta' konsultazzjonijiet mifruxa li twettqu tul dawn l-aħħar sitt xhur, il-Kummissjoni tiddefinixxi d-diżinformazzjoni bħala “informazzjoni verifikata li tkun falza jew qarrieqa li tinħoloq, tiġi ppreżentata u mxerrda għall-benefiċċju ekonomiku jew biex tqarraq bil-pubbliku b'mod intenzjonat, u li tista' toħloq dannu pubbliku”.

Fl-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru, 83 % ta' dawk li wieġbu qalu li l-aħbarijiet foloz huma ta' periklu għad-demokrazija. Dawk li wieġbu kienu partikolarment imħassba dwar id-diżinformazzjoni intenzjonali bl-għan li tinfluwenza l-elezzjonijiet u l-politiki tal-immigrazzjoni. L-istħarriġ enfasizza wkoll l-importanza tal-midja ta' kwalità: dawk li wieġbu jħossu li l-midja tradizzjonali hija l-iktar sors tal-aħbarijiet affidabbli (ir-radju 70 %, it-TV 66%, l-istampa 63 %). Is-sorsi tal-aħbarijiet online u s-siti web tal-hosting ta' vidjows huma l-inqas sorsi ta' aħbarijiet fdati, b'rati ta' fiduċja ta' 26 % u 27 % rispettivament.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea ppubblika studju dwar l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni. Dan jenfasizza li żewġ terzi tal-konsumaturi tal-aħbarijiet online jippreferu li jkollhom aċċess għalihom permezz ta' pjattaformi xprunati mill-algoritmi, bħal magni tat-tiftix u aggregaturi tal-aħbarijiet, u siti web tal-midja soċjali. L-istudju jgħid ukoll li s-saħħa tas-suq u l-flussi tad-dħul imxew mill-pubblikaturi tal-aħbarijiet għall-operaturi tal-pjattaformi li għandhom id-dejta biex iqabblu l-qarrejja, l-artikli u r-reklami.

Miżuri biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni online

Sabiex jiġu indirizzati dan it-tħassib u dawn ix-xejriet, il-Kummissjoni qed tipproponi sensiela ta' miżuri biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni online. Dawn jinkludu:

  • Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni: Bħala l-ewwel pass, sa Lulju l-pjattaformi online għandhom jiżviluppaw u jsegwu Kodiċi ta' Prattika komuni bl-għan li:

    • Jiżguraw it-trasparenza dwar il-kontenut sponsorizzat, b'mod partikolari r-reklamar politiku, kif ukoll jitnaqqsu l-għażliet ta' mmirar għar-reklamar politiku u jitnaqqas id-dħul tal-promoturi tad-diżinformazzjoni;

    • Tiġi pprovduta iktar ċarezza dwar il-funzjonament tal-algoritmi u tiġi permessa l-verifika minn partijiet terzi;

    • Ikun iktar faċli għall-utenti li jiskopru u jaċċessaw sorsi differenti ta' aħbarijiet li jirrappreżentaw perspettivi alternattivi;

    • Jiġu introdotti miżuri biex il-kontijiet foloz jiġu identifikati u jingħalqu u biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-bots awtomatiċi;

    • Il-verifikaturi tal-fatti, ir-riċerkaturi u l-awtoritajiet pubbliċi jitħallew ikomplu jimmonitorjaw id-diżinformazzjoni online;

  • Netwerk Ewropew indipendenti ta' verifikaturi tal-fatti: dan se jistabbilixxi metodi ta' ħidma komuni, skambju tal-aħjar prattiki, u se jaħdem biex tinkiseb l-iktar kopertura mifruxa possibbli ta' korrezzjonijiet fattwali fl-UE; se jintgħażlu minn fost il-membri tal-UE tan-Netwerk Internazzjonali tal-Verifikazzjoni tal-Fatti li jsegwi strettament Kodiċi ta' Prinċipji tan-Netwerk ta' Verifikazzjoni tal-Fatti;

  • Pjattaforma sikura online Ewropea dwar id-diżinformazzjoni biex tappoġġa n-netwerk tal-verifikaturi tal-fatti u r-riċerkaturi akkademiċi rilevanti għall-ġbir tad-dejta u l-analiżi transfruntiera, kif ukoll bħala aċċess għad-dejta fl-UE kollha;

  • Tisħiħ tal-litteriżmu medjatiku: Il-litteriżmu medjatiku ta' livell ogħla se jgħin lill-Ewropej biex jidentifikaw id-diżinformazzjoni online u jħarsu lejn il-kontenut online b'mod kritiku. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-verifikaturi tal-fatti u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipprovdu l-materjal edukattiv lill-iskejjel u lill-edukaturi u jorganizzaw Ġimgħa Ewropea tal-Litteriżmu Medjatiku;

  • Appoġġ lill-Istati Membri biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-elezzjonijiet kontra t-theddid ċibernetiku li kulma jmur qiegħed ikun iktar kumpless, inkluż id-diżinformazzjoni online u l-attakki ċibernetiċi;

  • Promozzjoni tas-sistemi volontarji ta' identifikazzjoni online biex titjieb it-traċċabbiltà u l-identifikazzjoni tal-fornituri tal-informazzjoni u jiġu promossi iktar il-fiduċja u l-affidabbiltà fl-interazzjonijiet online u fl-informazzjoni u s-sorsi tagħha;

  • Appoġġ għal informazzjoni diversifikata u ta' kwalità: Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ġurnaliżmu ta' kwalità sabiex jiġi żgurat ambjent medjatiku pluralistiku, divers u sostenibbli. Fl-2018, il-Kummissjoni se tniedi sejħa għall-proposti għall-produzzjoni u t-tixrid ta' kontenut tal-aħbarijiet ta' kwalità dwar l-affarijiet tal-UE permezz ta' mezzi tal-aħbarijiet xprunati mid-dejta;

  • Il-Politika ta' Komunikazzjoni Strateġika Koordinata, abbozzata mis-servizzi tal-Kummissjoni, li tikkombina l-inizjattivi kurrenti u futuri tal-UE dwar id-diżinformazzjoni online, kif ukoll ma' dawk tal-Istati Membri dwar id-diżinformazzjoni online, se tistabbilixxi attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni bl-għan li jiġu miġġielda n-narrattivi foloz dwar l-Ewropa u tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni dalwaqt se ssejjaħ forum ta' bosta partijiet ikkonċernati biex jiġi pprovdut qafas għal kooperazzjoni effiċjenti fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-pjattaformi online, l-industrija tar-reklamar u l-entitajiet li jirreklamaw ewlenin, u sabiex jiġi żgurat l-impenn għall-koordinazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-isforzi biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni. L-ewwel kontribut tal-forum jeħtieġ li jkun Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni fl-UE kollha li jrid jiġi ppubblikat sa Lulju 2018 bl-għan li jkollu impatt li jista' jitkejjel sa Ottubru 2018. 

Sa Diċembru 2018, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress li jkun sar. Ir-rapport se jeżamina wkoll il-ħtieġa għal iktar azzjoni biex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-valutazzjoni kontinwi tal-azzjonijiet deskritti.

Informazzjoni ta' sfond

Fl-ittra ta' missjoni tiegħu ta' Mejju 2017, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, inkariga lill-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, biex tiddeskrivi l-isfidi li l-pjattaformi online joħolqu lid-demokraziji tagħna fir-rigward tad-diżinformazzjoni u biex tagħti bidu għal rispons mill-UE għal dawn l-isfidi.

Fi Frar 2018, il-Kummissjoni adottat lista ta' rakkomandazzjonijiet bi stennija tal-elezzjonijiet tal-2019 tal-Parlament Ewropew li tistieden: “lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti […] biex abbażi tal-esperjenzi tal-Istati Membri, jidentifikaw l-aħjar prattiki fl-identifikazzjoni, il-mitigazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għall-proċess elettorali minn attakki ċibernetiċi u diżinformazzjoni”.

Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Aħbarijiet Foloz (HLEG) ta pariri lill-Kummissjoni dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni online. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ġew ippubblikati fit-12 ta' Marzu 2018.

Qabel dawn l-inizjattivi, l-Unjoni Ewropea kienet diġà attiva fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni: fl-2015, it-Task Force East StratCom, taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President Mogherini, twaqqfet wara deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2015 sabiex “ jiġu sfidati l-kampanji ta' diżinformazzjoni għaddejjin fir-Russja”. It-Task Force ilha taħdem fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna minn Settembru 2015, u tikkomunika b'mod effettiv il-politiki tal-UE lill-viċinat tal-Lvant tagħha; issaħħaħ l-ambjent tal-midja globali fil-viċinat tal-Lvant, inkluż l-għotja tal-appoġġ għal-libertà tal-midja u ssaħħaħ il-midja internazzjonali; u ttejjeb il-kapaċità tal-UE biex tipprevedi, tindirizza u tqajjem kuxjenza dwar l-attivitajiet ta' diżinformazzjoni favur il-Kremlin.

Għal aktar tagħrif

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva: L-indirizzar tat-tixrid tad-diżinformazzjoni online

Konsultazzjoni Pubblika (rapport ta' sinteżi)

Ewrobarometru (rapport sħiħ)

Rapport tal-JRC

Rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Aħbarijiet Foloz u d-Diżinformazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar l-azzjonijiet tal-UE biex jiġu indirizzati l-aħbarijiet foloz

Skeda informattiva dwar it-Task Force East StratCom

Sit web EUvsDisinfo

Komunikazzjoni u links oħra utli

IP/18/3370

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar