Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-evidenza elettronika

Brussell, is-17ta' april 2018

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi regoli ġodda li bihom l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji jkunu jistgħu jakkwistaw l-evidenza elettronika, bħal ma huma posta elettronika jew dokumenti li jkunu maħżuna fl-internet, li jkollhom bżonn biex jinvestigaw, itellgħu il-qorti u jikkundannaw lil kriminali u terroristi.

Ir-regoli l-ġodda se jippermettu li l-forzi tal-infurzar fl-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jintraċċaw aħjar indizji fuq l-internet u lil hinn mill-fruntiera nazzjonali, filwaqt li jkun hemm salvagwardji biżżejjed għad-drittijiet u l-libertajiet ta' dawk kollha kkonċernati.

L-Ewwel Viċi President Frans Timmermans, qal: “Aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-evidenza elettronika qiegħda ssir dejjem aktar importanti fil-proċedimenti kontra l-kriminali. Ma nistgħux inħallu lill-kriminali u lit-terroristi jisfruttaw it-teknoloġiji moderni u elettroniċi biex jostru l-azzjonijiet kriminali tagħhom u jiżgiċċaw mill-ġustizzja. Ma għandu jkun hemm l-ebda moħba għall-kriminali u t-terroristi fl-Ewropa, la fuq l-internet u lanqas barra minnu. Il-proposti tal-lum se jistabbilixxu strumenti li qatt ma kien hawn bħalhom biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu mhux biss jiġbru evidenza elettronika malajr u b'mod effiċjenti lil hinn mill-fruntiera nazzjonali, iżda wkoll li jaraw li jkun hemm salvagwardji qawwija għad-drittijiet u l-libertajiet ta' dawk kollha milquta.”

“Věra Jourová, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, żiedet tgħid: “Filwaqt li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għadhom jaħdmu b'metodi kkumplikati, il-kriminali jużaw l-aktar teknoloġija avvanzata u rapida biex joperaw. Hemm bżonn li lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ntuhom metodi tas-seklu 21 fil-ġlieda kontra l-kriminalità, hekk kif il-kriminali jużaw metodi tas-seklu 21 biex iwettqu atti kriminali.”

Il-kriminali u t-terroristi kollha jużaw messaġġi testwali, emails u apps biex jikkomunikaw. Aktar minn nofs l-investigazzjonijiet kriminali kollha llum ikunu jinkludu xi talba transfruntiera għal evidenza elettronika miżmuma mill-fornituri tas-servizzi bbażat f'xi Stat Membru ieħor, jew barra l-UE. Sabiex tinkiseb tali dejta, hija meħtieġa kooperazzjoni ġudizzjarja u assistenza legali reċiproka, madankollu, bħalissa l-proċess huwa wisq kajman u kkumplikat. Illum, kważi żewġ terzi tar-reati li fihom l-evidenza elettronika tkun miżmuma f'pajjiż ieħor ma jkunux jistgħu jiġu investigati jew miġjuba quddiem qorti kif imiss, l-aktar minħabba ż-żmien meħtieġ biex tinġabar tali evidenza jew minħabba l-frammentazzjoni tal-qafas legali. Il-proposti tal-lum se jkunu ta' għajnuna biex tingħalaq din il-lakuna billi jġibu l-proċess tal-kisba tal-evidenza elettronika aktar rapidu u aktar effiċjenti.

Il-proposti sejrin:

  • joħolqu Ordni Ewropew ta' Produzzjoni: Dan se jippermetti li awtorità ġudizzjarja fi Stat Membru wieħed titlob evidenza elettronika (bħal ma hi posta elettronika, messaġġi testwali jew apps) direttament minn fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni u li jkun stabbilit jew rappreżentat fi Stat Membru ieħor, tkun fejn tkun maħżuna d-dejta, li jkun obbligat iwieġeb fi żmien 10t ijiem, u fi żmien sitt sigħat f'każijiet ta' emerġenza (meta mqabbel ma' 120 jum fil-każ ta' Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea eżistenti jew 10 xhur fil-każ ta' proċedura ta' Assistenza Legali Reċiproka);
  • jevitaw, bis-saħħa tal-Ordni Ewropew għall-Preservazzjoni, li titħassar dejta: Dan se jippermetti li awtorità ġudizzjarja fi Stat Membru wieħed tobbliga lil xi fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni u li jkun stabbilit jew rappreżentat fi Stat Membru ieħor biex jippreserva xi dejta speċifika sabiex l-awtorità tkun tista' titlob din l-informazzjoni f'xi mument aktar tard permezz ta' assistenza legali reċiproka, Ordni Ewropew ta' Investigazzjoni jew Ordni Ewropew ta' Produzzjoni;
  • jinkludu salvagwardji u rimedji qawwija: Iż-żewġ ordnijiet jistgħu jinħarġu biss fil-qafas ta' proċedimenti kriminali u jiġu applikati s-salvagwardji kollha proċedurali marbuta mal-liġi kriminali. Ir-regoli l-ġodda jiggarantixxu protezzjoni qawwija tad-drittijiet fundamentali, bħal ma hu l-involviment tal-awtoritajiet ġudizzjarji u rekwiżiti addizzjonali għall-kisba ta' ċerti kategoriji ta' dejta. Jinkludu wkoll salvagwardji għad-dritt tal-protezzjoni tad-dejta personali. Il-fornituri tas-servizzi u l-persuni li d-dejta tagħhom tkun qiegħda titfittex se jibbenefikaw minn diversi salvagwardji, bħal ma hi l-possibbiltà li l-fornitur tas-servizzi jitlob reviżjoni jekk pereżempju, l-Ordni jikser b'mod manifest il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
  • jobbligaw lill-fornituri tas-servizz biex jaħtru rappreżentant legali fl-Unjoni: sabiex ikun żgurat li l-fornituri tas-servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni Ewropea jkunu suġġetti għall-istess obbligi, anki jekk il-kwartieri ġenerali tagħhom ikunu jinsabu f'pajjiż terz, huma obbligati li jaħtru rappreżentant legali fl-Unjoni biex jirċievi u jinforza deċiżjonijiet u ordnijiet, kif ukoll biex jikkonforma magħhom, li jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-iskopijiet tal-ġbir ta' evidenza fi proċedimenti kriminali;
  • jipprovdu ċertezza legali għan-negozji u l-fornituri tas-servizzi: filwaqt li llum, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi spiss jiddependu fuq ir-rieda tajba tal-fornituri tas-servizzi biex dawn jagħtuhom l-evidenza li jkollhom bżonn, fil-futur, l-applikazzjoni tal-istess regoli biex tinħareġ ordni biex tingħata l-evidenza elettronika se ttejjeb iċ-ċertezza legali għall-awtoritajiet u għall-fornituri tas-servizzi.

Il-kuntest

Is-sigurtà ilha prijorità politika sa mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker — mil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker ta' Lulju 2014, sal-aħħar Indirizz dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta' Settembru 2017.

Fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà ta' April 2015, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrevedi l-ostakli quddiem l-investigazzjonijiet kriminali. Wara l-avvenimenti traġiċi fi Brussell fit-22 ta' Marzu 2016, il-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni poġġew prijorità fuq li jgħaddu miżuri għas-sigurtà u l-kisba ta' evidenza diġitali b'mod aktar effiċjenti u effettiv. Minn dak iż-żmien lil hawn il-kwistjoni ġiet diskussa diversi drabi bejn il-Ministri u kompliet tiġi esplorata mill-mexxejja Ewropej fil-Konklużjonijiet dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju ta' Ġunju 2016..

Il-proposta ppreżentata llum hija ta' kontribut għall-isforzi tal-Kummissjoni biex tikseb riżultati fl-impenn magħmul taħt id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2019-2018, għal protezzjoni aħjar taċ-ċittadini Ewropej.

Għal aktar tagħrif

 

IP/18/3343

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar