Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Pakkett ta' Tkabbir: Il-Kummissjoni tippubblika rapporti dwar il-pajjiżi sħab fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija

Brussell, is-17ta' april 2018

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pakkett ta' Tkabbir annwali tagħha, li jinkludi seba' rapporti individwali, li jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-politika tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea li hija bbażata fuq kriterji stabbiliti u kondizzjonalità ġusta u rigoruża.

Il-progress fit-triq Ewropea huwa proċess objettiv u bbażat fuq il-meritu li jiddependi fuq riżultati konkreti miksuba minn kull pajjiż individwali, bl-istat tad-dritt, il-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali li huma prijorità assoluta. Perspettiva ta' tkabbir kredibbli teħtieġ sforzi sostnuti u irriversibbli tar-riformi. It-tkabbir tal-UE huwa investiment fil-paċi, is-sigurtà u l-istabbilità fl-Ewropa: il-possibiltà tas-sħubija fl-UE għandha effett trasformattiv qawwi fuq il-pajjiżi sħab fil-proċess, fejn il-bidla pożittiva demokratika, politika, ekonomika u soċjali tpoġġi l-għeruq.

Illum il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill jiddeċiedi li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Albanija, fid-dawl tal-progress miksub, sabiex jinżamm u jitwessa' il-momentum attwali tar-riforma. B'mod iktar speċifiku, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li twassal fuq prijoritajiet urġenti ta' riforma se jkun deċisiv għall-progress futur tal-pajjiż. Għall-Albanija, il-progress se jkun kruċjali fil-qasam ewlieni tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari madwar il-ħames prijoritajiet ewlenin tar-riforma, u tkompli twassal riżultati konkreti u tanġibbli, fil-valutazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin u l-prosekuturi (skrutinju). Biex tappoġġa dan, il-Kummissjoni tapplika approċċ imsaħħaħ għal kapitoli ta' negozjati dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Dan il-pass' il quddiem fi proċess twil huwa bbażat fuq approċċ meritokratiku u l-kundizzjonalità stretta, reċentement ikkonfermata mill-istrateġija tal-Balkani tal-Punent. Kif iddikjarat fl-Istrateġija għall-Balkani tal-Punent, l-UE stess teħtieġ li tkun lesta għal membri ġodda — ladarba jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet — inkluż minn perspettiva istituzzjonali u finanzjarja. L-Unjoni għandha tkun aktar b'saħħitha, iktar solida u iktar effiċjenti qabel ma tkun tista' tkun ikbar.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini, qalet: “Pass ‘'i quddiem illum għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Albanija huwa pass' il quddiem għar-reġjun kollu. L-attenzjoni u impenn strateġiku tagħna qed iwettqu progress u benefiċċji prattiċi għan-nies tar-reġjun Il-ħidma fuq riformi u modernizzazzjoni madankollu jenħtieġ li jkomplu, fl-interess tas-sħab u tal-Unjoni Ewropea.”

Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, qal: “Il-politika tat-tkabbir tagħna tkompli tkun mutur ewleni tar-riformi fil-Balkani tal-Punent. Qed timmodernizza l-ekonomiji u s-soċjetajiet tar-reġjun, u tagħmlu bil-mod 'il mod post iktar prosperuż u stabbli li huwa wkoll fl-interess ġenwin tal-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet għall-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Albanija li ħriġna llum jirrikonoxxu l-progress li sar. Huwa pass importanti 'l quddiem, iżda huwa ċar - u dan jgħodd għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent: ma hemm l-ebda triq iqsar għat-triq lejn l-UE. Għad fadal diskrepanzi importanti. Hemm bżonn naraw li r-riformi, b'mod speċjali fl-istat tad-dritt, jiġu implimentati b'mod iktar vigoruż u jipproduċu riżultati sostenibbli. Dawn ir-riformi mhumiex “għal Brussell” — ġudikatura effettiva, ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, amministrazzjoni pubblika effiċjenti, ekonomija aktar b'saħħitha — dan kollu se jkun ta' benefiċċju għar-reġjun u ċ-ċittadini tiegħu, kif ukoll għall-Ewropa kollha.”

Il-valutazzjoni tal-progress li nkiseb kif ukoll l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet jipprovdu inċentivi u gwida għall-pajjiżi biex isegwu r-riformi estensivi meħtieġa. Sabiex il-perspettiva ta' adeżjoni ssir realtà, il-pajjiżi għandhom jagħtu prijorità lir-riformi fl-oqsma fundamentali tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività, kollha oqsma fejn in-nuqqasijiet strutturali għadhom jippersistu. Il-pajjiżi għandhom jiżguraw li r-riformi jiġu implimentati sew u li juru rekord ta' riżultati konkreti. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa dawn l-isforzi ta' riforma permezz ta' appoġġ ta' politika u għajnuna finanzjarja ffokata.

Programmi ta' Riforma Ekonomika

Għall-ewwel darba flimkien mal-Pakkett ta' Tkabbir, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll il-valutazzjonijiet annwali tagħha dwar il-Programmi ta' Riforma Ekonomika għall-Balkani tal-Punent u t-Turkija. Il-valutazzjonijiet annwali tal-Programmi ta' Riforma Ekonomika [żid link għall-iskeda informattiva] għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija juru tkabbir ekonomiku sostnut u sforzi biex tissaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika u fiskali fid-dawl ta' vulnerabbiltajiet attwali. Għandhom jinżammu u jissaħħu politiki sodi u r-riformi għandhom iżidu l-momentum biex jitnaqqsu r-riskji makroekonomiċi li għadhom qed jippersistu, u biex jingħata aċċess għas-sorsi għal tkabbir sostenibbli kif ukoll biex tiżdied il-konverġenza mal-UE.

Il-Programmi ta' Riforma Ekonomika (ERPs) għandhom rwol ewlieni fit-titjib tal-ippjanar u l-iggwidar ta' politika ekonomika mmirata għal żieda fil-kompetittività u t-titjib tal-kundizzjonijiet għal tkabbir u ħolqien tal-impjiegi. Dawn jgħinu lill-pajjiżi sħab jilħqu l-kriterji ekonomiċi għall-adeżjoni u jħejju ruħhom għall-parteċipazzjoni fis-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomiċi fl-UE wara l-adeżjoni. Għall-ewwel darba din is-sena ż-żewġ pakketti ġew sinkronizzati, li jenfasizza l-importanza ta' ekonomija li tiffunzjona sabiex tavvanza fit-triq lejn l-UE.

SFOND

Proċess ta' Tkabbir

L-aġenda attwali tat-tkabbir tkopri s-sħab tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija. Negozjati tal-adeżjoni nfetħu mal-pajjiżi kandidati: il-Montenegro (2012), is-Serbja (2014), it-Turkija (2005). L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huwa pajjiż kandidat mill-2005 u l-Albanija kisbet stat kandidat fl-2014. Il-Bożnija-Ħerzegovina (applikazzjoni biex tissieħeb mal-UE ppreżentata fi Frar 2016) u l-Kosovo (Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li daħal fis-seħħ f'April 2016) huma kandidati potenzjali.

Għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kull pajjiż ara:

Dokument ta' Strateġija: https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/20180417_strategy_paper_en.pdf

Il-Montenegro: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-18-3409_en.htm

Is-Serbja: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-18-3406_en.htm

It-Turkija: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-18-3407_en.htm

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-18-3405_en.htm

L-Albanija: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-18-3403_en.htm

Il-Bożnija-Ħerzegovina: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-18-3408_en.htm

Il-Kosovo: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-18-3404_en.htm

IP/18/3342

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar