Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-integrazzjoni tal-migranti: il-Kummissjoni u l-OECD ippubblikaw lista ta' kontroll bħala appoġġ lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali

Brussell, it-18ta' april 2018

Illum il-Kummissjoni Ewropea u l-OECD qed jippubblikaw rapport li jidentifika l-isfidi ewlenin għall-integrazzjoni tal-migranti u b'reazzjoni għal dan jistipula rakkomandazzjonijiet ta' politika konkreti.

Bil-ġbir tal-aħjar prattiki minn bliet kbar Ewropej inklużi Amsterdam, Ateni, Berlin, Pariġi u Ruma, ir-rapport jenfasizza 12-il punt ewlieni għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali, reġjonali u lokali u lill-prattikanti biex jitqiesu huma u jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta' integrazzjoni lokali. Ir-rakkomandazzjonijiet jikkonċentraw fuq setturi ta' politika bħas-saħħa, ix-xogħol, id-djar u l-edukazzjoni, u jvarjaw minn tqabbil aħjar tal-ħiliet tal-migranti mal-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol lokali biex jinħolqu spazji komuni għall-komunitajiet biex jiltaqgħu u jsiru jafu lil xulxin aħjar.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Wara ż-żieda qawwija riċenti fl-għadd ta' wasliet ta' refuġjati fl-Ewropa fl-2015 u fl-2016 u l-isforzi b'suċċess għat-tnaqqis ta' wasliet irregolari, wasal iż-żmien li jkun hemm tibdil fl-attenzjoni kollettiva tagħna lejn integrazzjoni effettiva ta' dawk li rċevew protezzjoni fis-soċjetajiet tagħna. Huwa fl-interess ta' kulħadd li dawk li għandhom id-dritt li jibqgħu jiġu appoġġjati biex jintegraw. Dan se jkun ta' benefiċċju kemm għall-koeżjoni soċjali kif ukoll għall-kompetittività ekonomika.

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Corina Crețu kkummentat: “Il-migrazzjoni hija fil-biċċa l-kbira tagħha realtà lokali u urbana. Dan huwa rapport ta' kontroll reali għal azzjoni pubblika; huwa maħsub biex jgħin lill-awtoritajiet lokali jwittu t-triq għal suċċess tfl-integrazzjoni tal-migranti, bl-appoġġ tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni. Nistenna li l-politika ta' koeżjoni jkollha rwol aktar importanti f'dan ir-rigward fil-futur.”

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-OECD, Mari Kiviniemi qalet: “L-isforzi biex jiġu integrati l-migranti jeħtieġ li jibdew hekk kif jaslu u jitkomplew maż-żmien. Il-mexxejja lokali jafu fejn jinsabu l-aħjar opportunitajiet għall-persuni l-ġodda, u jafu kif il-migranti jistgħu jikkontribwixxu, minn mili tan-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol sa ħolqien ta' kultura aktar diversifikata li jibbenefikaw minnha r-residenti kollha. Il-gvernijiet nazzjonali jeħtieġ li jaħdmu ma' mexxejja lokali mill-ewwel ġurnata biex jiġi żgurat suċċess fl-integrazzjoni tal-migranti.”

Ir-rapport janalizza s-sitwazzjoni tal-migranti fil-pajjiżi tal-OECD; fejn stabbilew ruħhom, l-effettività tal-proċess tagħhom għall-integrazzjoni u l-isfidi li ħabbtu wiċċhom magħhom, biex ikollhom aċċess għal swieq tax-xogħol lokali, pereżempju. Jipproponi wkoll soluzzjonijiet biex tiġi miġġielda l-frammentazzjoni f'politiki nazzjonali tal-integrazzjoni u għat-trawwim ta' iżjed koordinazzjoni fil-livelli kollha nazzjonali, reġjonali u lokali. Ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi ta' monitoraġġ aħjar u jikkonkludi li l-aħjar mod kif dan jista' jintlaħaq huwa billi jiġu involuti NGOs, sħab fin-negozju u l-migranti nfushom permezz ta' valutazzjonijiet parteċipatorji u stħarriġ. Fl-aħħar nett, ir-rapport jiddeskrivi titjib għal aċċess aħjar ta' riżorsi finanzjarji, bħal fondi tal-UE, għall-iżvilupp ta' programmi ta' integrazzjoni.

L-isfond

Aktar minn ħames miljun persuna emigraw b'mod permanenti f'pajjiżi tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fl-2016. Għalkemm l-integrazzjoni tal-migranti tibqa' primarjament responsabbiltà nazzjonali, fid-deċennji li ġejjin, ser tkun waħda mill-isfidi ewlenin li ser ikollna nindirizzaw bħala Unjoni. Il-bliet Ewropej ser jaqdu rwol kruċjali sabiex l-integrazzjoni tkun suċċess fuq il-post. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat f'April 2018, 69 % tal-Ewropej jemmnu li l-miżuri ta' integrazzjoni huma investiment neċessarju fuq perjodu twil u proporzjon simili jqis l-integrazzjoni bħala proċess minn żewġ naħat kemm għall-migranti kif ukoll għas-soċjetajiet ospitanti.

Dan ir-rapport, li ġie kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, hu parti minn sforz usa' biex jiġu appoġġati l-inklużjoni soċjali u professjonali tal-migranti fis-soċjetajiet tal-UE. Disat ibliet Ewropej kbar (Amsterdam, Ateni, Barċellona, Berlin, Glasgow, Gothenburg, Pariġi, Ruma u Vjenna) u l-belt iżgħar ta' Altena fil-Ġermanja ġew studjati mill-OECD biex jiġi vvalutat kemm fil-fatt ittrattataw dik l-isfida — x'sar, x'ħadem u x'seta' sar aħjar. L-OECD stħarġġet 61 belt oħra, kif ukoll assoċjazzjonijiet ta' bliet bħal Eurocities, u stabbiliet bażi tad-dejta dwar il-karatteristiċi ta' migrazzjoni riċenti fil-pajjiżi tal-OECD, fil-livell subnazzjonali.

Il-Komunikazzjoni tal-2015 dwar Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea enfasizzat li l-politika ta' migrazzjoni se tirnexxi biss jekk tkun sostnuta minn politika effettiva ta' integrazzjoni. Fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni tal-2016 l-UE stabbiliet miżuri biex jingħataw inċentivi u appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiż terz. Dan jinkludi finanzjament u strumenti ddedikati li jindirizzaw il-koeżjoni soċjali u ekonomika fl-Istati Membri. Dan l-aħħar il-Kummissjoni ppreżentat sett ta' għodod biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jidentifikaw ir-riżorsi disponibbli tal-UE u jfasslu strateġiji u proġetti għall-integrazzjoni ta' migranti.

Aktar informazzjoni:

Naħdmu flimkien għal integrazzjoni lokali ta' migranti u refuġjati — ir-rapport tal-OECD

Skeda informattiva dwar ir-rapport

@CorinaCretuEU@EU_Regional

@Avramopoulos @EUHomeAffairs

@OECD

IP/18/3321

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Documents


OECD_Factsheet.pdf