Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Rapport: Skemi kummerċjali tal-UE jippromwovu żvilupp ekonomiku u d-drittijiet tal-bniedem

Brussell, id-19ta' jannar 2018

Ir-rapport ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna b'mod konġunt juri l-impatt pożittiv tal-iskemi tar-ribass tad-dazji tal-Unjoni Ewropea fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw.

Il-kummerċ jaħdem bħala mutur għat-tkabbir u jgħin fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-governanza tajba u l-prinċipji ta' żvilupp sostenibbli.

Minn meta daħlet fis-seħħ l-inizjattiva rriformata tal-UE magħrufa bħala l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (Generalised Scheme of Preferences, GSP) fl-2014, l-esportazzjonijiet mill-pajjiżi lejn l-UE li jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis fit-tariffi żdiedu bi kważi kwart għal ammont annwali ta' €63 biljun. Il-pajjiżi l-anqas żviluppati huma l-aktar li bbenefikaw: l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE żdiedu bi kważi 40 % u laħqu €23.5 biljun fl-2016.

Apparti l-benefiċċji ekonomiċi tal-iskema, ir-rapport tal-lum jenfasizza l-progress li sar fi kwistjonijiet bħalma huma l-emanċipazzjoni tan-nisa, it-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat, it-tortura, it-traffikar ta' drogi illeċiti u t-tibdil fil-klima. Il-monitoraġġ tal-UE juri ħafna tibdil pożittiv minħabba l-involviment tal-UE b'rabta mal-iskema. Fost ħafna eżempji oħra, dan jinkludi l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Pakistan kontra l-qtil tal-unur u l-istupru, jew l-inklużjoni tal-Paragwaj fil-lista ta' pajjiżi bl-ikbar impenn għall-protezzjoni tal-ispeċi mhedda skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu. Madankollu, ir-rapport jenfasizza wkoll oqsma li jirrikjedu aktar titjib sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-iskema, pereżempju fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti mill-pajjiżi benefiċjarji.

Dokument separat li jakkumpanja r-rapport tal-lum jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-progress u n-nuqqasijiet li għad baqa', speċifikament fil-pajjiżi li jipparteċipaw fl-Arranġament ta' Inċentiv Speċjali għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba, magħruf bħala GSP+.

Ir-rapport juri wkoll iż-żieda fl-involviment tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-iskema: fl-2016 u fl-2017 kien hemm 16-il djalogu mas-soċjetà ċivili; dak iddedikat għat-tħejjija ta' dan ir-rapport kien jinvolvi 20 organizzazzjoni mhux governattiva.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini, qalet: "Meta d-demokrazija u l-libertajiet fundamentali jkunu garantiti, l-ekonomiji tagħna jkunu b'saħħithom, is-soċjetajiet tagħna jkunu reżiljenti, is-sigurtà tagħna tkun sostenibbli u l-iżvilupp tagħna jkun mibni fuq fondazzjonijiet aktar solidi. L-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tikkomplementa l-involviment politiku tal-Unjoni Ewropea mas-sħab tagħha. B'riżultat ta' dan, ikkontribwejna għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u tal-ilħna indipendenti u għall-ħarsien aħjar tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali fil-pajjiżi sħab. U se nkomplu naħdmu flimkien ma' sħabna, ninvestu fid-drittijiet tal-bniedem, ninvestu fil-ħidma tas-soċjetà ċivili, ninvestu fis-soċjetajiet miftuħa – biex niggarantixxu sigurtà sostenibbli għal kulħadd.”

Il-Kummissarju għall-Kummerċ, Cecilia Malmström, qalet: "Il-politiki tagħna joffru aċċess ġeneruż għas-suq tal-UE, flimkien ma' impenn b'saħħtu mal-awtoritajiet nazzjonali. Issa qed naraw tibdil pożittiv f'ħafna postijiet madwar id-dinja – tisħiħ fil-valuri fundamentali tal-politika kummerċjali tal-UE bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli. Istituzzjonijiet domestiċi u liġijiet aktar b'saħħithom qed jgħinu biex jidħlu fis-seħħ konvenzjonijiet internazzjonali kruċjali. F'xi pajjiżi, għad hemm oqsma ta' tħassib serju fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u s-sostenibbiltà. Hawnhekk, l-iskemi kummerċjali tagħna jipprovdu ingranaġġ biex nagħmlu pressjoni u neffettwaw bidla, u jeħtieġ li nsaħħu l-isforzi konġunti tagħna.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema,Marianne Thyssen, qalet: "Id-dimensjoni internazzjonali tal-impjiegi u tal-politika soċjali hija strateġika biex jintlaħaq tkabbir li joħloq l-impjiegi, inklużiv u sostenibbli. L-iskema tal-GSP hija għodda unika biex jitressqu kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti u jiġu rispettati standards internazzjonali ta' xogħol. Aħna mħeġġa naraw l-iżviluppi pożittivi u jkollna djalogu miftuħ dwar kwistjonijiet importanti dwar drittijiet tax-xogħol, bħalma hi l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal. Billi għad baqa' sfidi sinifikanti, għadu aktar u aktar importanti li nżidu l-isforzi tagħna. Aħna impenjati li nippromwovu prinċipji u drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol u niksbu tkabbir b'benefiċċji għal kulħadd.”

Matul is-sentejn li ġejjin, l-UE se tkompli tinvolvi ruħha ma' kull pajjiż benefiċjarju tal-GSP rigward l-azzjonijiet prijoritarji meħtieġa u torganizza l-missjonijiet ta' monitoraġġ tal-GSP li huma mmirati speċifikament għal dawk il-pajjiżi fejn huma meħtieġa sforzi aktar b'saħħithom minħabba nuqqasijiet aktar serji. L-UE se tkompli tappoġġja wkoll l-isforzi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Organisation, ILO) biex ittejjeb il-konformità tal-pajjiżi tal-GSP+ mar-rappurtar tal-Organizzazzjoni u mal-obbligi ta' implimentazzjoni. L-UE se tkompli taħdem ukoll biex tagħti s-setgħa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jikkontribwixxu b'mod aktar effettiv għall-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali, permezz ta' proġett ta' tliet snin iffinanzjat mill-UE ta' €4.5 miljun.

Sfond

L-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP) hija l-istrument kummerċjali ewlieni tal-UE li jappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jikkonsisti fi tliet arranġamenti differenti li jagħtu aċċess privileġġat għas-suq tal-UE, u hija mfassla biex tqis il-ħtiġijiet differenti tal-pajjiżi benefiċjarji:

  • L-iskema standard tal-GSP tnaqqas id-dazji tal-importazzjoni tal-UE għal madwar 66 % tal-kategoriji kollha tal-prodott fi 23 pajjiż.
  • Il-GSP+, jew l-Arranġament ta' Inċentiv Speċjali għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba, ineħħi d-dazji doganali għal żewġ terzi mill-prodotti li ġejjin minn 10 pajjiżi vulnerabbli oħra (l-Armenja, il-Bolivja, Cape Verde, il-Georgia, il-Kirgiżistan, il-Mongolja, il-Pakistan, il-Paragwaj, il-Filippini u s-Sri Lanka) li impenjaw ruħhom li japplikaw 27 konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba.
  • "Kollox Ħlief Armi" (Everything But Arms, EBA) tneħħi d-dazji doganali għal kważi l-prodotti kollha li ġejjin minn 49 pajjiż l-anqas żviluppati.

Ir-Regolament attwali tal-GSP, li ilu fis-seħħ minn Jannar 2014, jirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sentejn, dwar l-effetti tas-sistema tal-GSP. Ir-rappurtar ukoll jikkonsisti regolarment f'"Dokument ta' Ħidma tal-Persunal” li jakkumpanja r-rapport ewlieni, u jiffoka fuq il-benefiċjarji tal-GSP+. Jenfasizza l-iżviluppi leġiżlattivi u prattiċi fil-pajjiżi benefiċjarji tal-GSP+ rigward l-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni internazzjonali li huma impenjati fihom. Il-monitoraġġ tal-UE jseħħ kemm permezz ta' missjonijiet ta' monitoraġġ, djalogi mal-pajjiżi benefiċjarji kif ukoll kwestjonarji bil-miktub.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Punti ewlenin tar-rapport

Rapport

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja r-rapport

Aktar informazzjoni dwar il-GSP

IP/18/301

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar