Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Jum Diġitali 2018: Il-pajjiżi tal-UE se jimpenjaw ruħhom biex iwettqu aktar flimkien fil-qasam diġitali

Brussell, id-9ta' april 2018

Għada l-Kummissjoni se tiġbor flimkien ministri, kif ukoll rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE, tal-industrija, tas-soċjetà ċivili u persuni akkademiċi, biex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fl-intelliġenza artifiċjali, fil-blockchain, fis-saħħa elettronika u fl-innovazzjoni.

Id-diskussjonijiet se jkunu ffukati fuq kif l-iżviluppi teknoloġiċi se jsawru l-ġejjieni, u fuq kemm hu kruċjali li jinbena Suq Uniku Diġitali b'saħħtu permezz ta' investimenti akbar u b'aktar kompetenzi diġitali. 

Wara l-Jum Diġitali li sar is-sena l-oħra f'Ruma u li wassal għal kooperazzjoni b'suċċess f'oqsma bħalma huma l-informatika ta' prestazzjoni għolja, il-mobbiltà konnessa u d-diġitalizzazzjoni tal-industrija, il-Kummissjoni qed terġa' ttella' l-inizjattiva bl-għan li tinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni b'rabta ma' kwistjonijiet relatati mal-qasam diġitali.

Fi żmien sena, inkiseb progress kbir lejn Suq Uniku Diġitali. It-tmiem tat-tariffi tar-roaming u l-portabbiltà tal-kontenut online issa huma parti mill-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. F'Mejju 2018 se jinħarġu regoli aktar b'saħħithom dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, u l-ewwel regoli dwar iċ-ċibersigurtà li se jkopru l-UE kollha.

Bosta proposti għad iridu jiġu maqbula. L-Ewropa għandha timxi 'l quddiem u, filwaqt li tibni fuq is-Suq Uniku Diġitali, għandha żżid l-investimenti u trawwem il-kooperazzjoni f'għadd ta' oqsma ewlenin bħalma huma l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, is-saħħa elettronika u l-innovazzjoni.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, stqarr: “Iċ-ċittadini Ewropej qed jibdew igawdu l-benefiċċji tas-Suq Uniku Diġitali f'livell prattiku. Issa jistgħu jivvjaġġaw u jaqsmu l-fruntieri waqt li jużaw is-servizzi favoriti tagħhom ta' streaming ta' vidjos u mużika - mingħajr ma jħallsu tariffi tar-roaming. Dalwaqt, il-geoblocking waqt ix-xiri online se jkun ħaġa tal-passat. Mill-25 ta' Mejju ‘l quddiem, id-dejta personali tagħna se tkun protetta aħjar minn qatt qabel. Il-Jum Diġitali ta' din is-sena huwa l-ħin perfett biex nagħrfu dak kollu li ksibna u biex inħeġġu lill-Istati Membri tal-UE jipproċedu kemm jista' jkun malajr bil-proposti leġiżlattivi li qed jiġu diskussi. Irridu nħejju l-futur diġitali tagħhna flimkien; irridu naħdmu aktar, u rridu ningħaqdu flimkien bejnietna u niġbru flimkien ir-riżorsi biex inkunu nistgħu naħtfu l-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji bħall-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain.” (Id-diskors tal-ftuħ se jkun disponibbli hawn għada, għall-ħabta tad-9:30 CET).

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, stqarret: “Id-diġitalizzazzjoni qed tittrasforma s-soċjetà tagħna, u għandna bżonn ta' kooperazzjoni mill-qrib u siewja jekk verament irridu ngawdu mill-benefiċċji kollha tagħha. Hemm bżonn qawwi ta' impenn u ta' investimenti koordinati fil-livell tal-UE, jekk irridu nindirizzaw l-isfidi tal-ġejjieni. Nistenna li l-Jum Diġitali 2018 se jkompli jeleva l-kooperazzjoni diġitali fl-Ewropa għal livell ġdid b'rabta mal-intelliġenza artifiċjali u s-saħħa elettronika. Inħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkontribwixxu lejn l-isforzi tagħna biex inżommu l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala attur globali anki fl-era diġitali.”

Fost l-elementi ewlenin tal-Jum Diġitali 2018 se jkun hemm dikjarazzjonijiet immirati lejn:

  • Alleanza ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali (IA): L-IA tista' ġġib benefiċċji kbar lis-soċjetà u lill-ekonomija tagħna, bħal pereżempju kura tas-saħħa aħjar, trasport aktar sikur u industrija aktar kompetittiva. Sabiex igawdu bl-aħjar mod mill-opportunitajiet li toffri l-AI, il-pajjiżi Ewropej iridu jaħdmu flimkien, inkluż għall-użu tal-ogħla standards ta' protezzjoni tad-dejta. Il-Kummissjoni se tadotta Komunikazzjoni dwar l-IA fil-ġimgħat li ġejjin. Għada, għall-ħabta tas-13:00 CET, se tittella' aktar informazzjoni rigward id-dikjarazzjoni dwar l-IA hawn.

  • Il-bini ta' sħubija Ewropea fit-teknoloġiji tal-blockchain: Dan l-aħħar, fi Frar 2018, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain, u se tinvesti madwar EUR 300 miljun fi proġetti li jappoġġaw l-użu tal-blockchain. Fl-istess ħin, l-Istati Membri appoġġaw b'mod attiv ħafna l-ekosistemi tal-blockchain, filwaqt li nedew esperimenti u ħabbru azzjonijiet fil-livell tal-gvern. Sabiex jiġu sfruttati l-bosta opportunitajiet tal-blockchain u biex jiġi evitat approċċ frammentat, għada l-Kummissjoni se tibda twitti t-triq għat-twaqqif ta' Soċjetà Ewropea tal-Blockchain għall-promozzjoni ta' infrastrutturi interoperabbli li se jtejbu s-servizzi diġitali fdati. Għada, għall-ħabta tat-15:30 CET, se tittella' aktar informazzjoni rigward id-dikjarazzjoni dwar it-teknoloġiji tal-blockchain hawn.

  • Il-qsim ta' dejta għall-personalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa: Il-bżonnijiet taċ-ċittadini jinsabu fiċ-ċentru tal-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa bbażata fuq id-dejta, u għandu jkollhom rwol attiv fil-kura personalizzata tagħhom. Id-dikjarazzjoni tas-saħħa elettronika għandha l-għan li tgħaqqad l-aċċess għall-bażijiet tad-dejta ġenomiċi eżistenti u futuri fl-Unjoni Ewropea kollha, li se jgħin biex jinkiseb progress fir-riċerka fl-oqsma tal-mard rari, tal-kanċer, tal-farmakoġenomika, tal-prevenzjoni tal-mard, tal-mard relatat mal-moħħ u kundizzjonijiet oħra. Kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri se tgħin biex jingħelbu n-nuqqas ta' interoperabbiltà u l-frammentazzjoni tal-inizjattivi fl-UE, filwaqt li tiggarantixxi l-ogħla standards Ewropej għall-protezzjoni ta' dejta personali. Dan kollu se jgħin ukoll biex l-UE tinżamm f'pożizzjoni globali minn ta' quddiem nett fil-mediċina personalizzata, billi jrawwem l-output xjentifiku u l-kompetittività industrijali. Għada, għall-ħabta tal-17:00 CET, se tittella' aktar informazzjoni rigward il-banek tad-dejta ġenomiċi hawn.

  • It-tħeġġiġ tal-innovazzjoni bl-għajnuna ta' għodda online ġdida: Ir-Radar tal-Innovazzjoni jista' jgħin biex l-innovaturi jiġu mlaqqa' ma' persuni li jistgħu jgħinuhom jintroduċu l-innovazzjonijiet tagħhom fis-suq. Matul il-Jum Diġitali 2018, il-Kummissjoni se tkun qed tħeġġeġ il-kooperazzjoni għall-għoti ta' appoġġ għal innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fl-Ewropa. L-inizjattiva għandha wkoll l-għan li tkompli tiżviluppa l-għodda online u li tkompli tkabbarha billi żżid magħha proġetti nazzjonali ewlenin ta' innovazzjoni. Għada, għall-ħabta tal-17:30 CET, hawn se tittella' aktar informazzjoni rigward id-dikjarazzjoni dwar ir-Radar tal-Innovazzjoni.

  • Kurituri ta' ttestjar transfruntiera tal-5G għall-appoġġ tal-mobbiltà konnessa u awtomatizzata: F'Settembru 2017 tħabbar l-ewwel sett ta' kurituri ta' ttestjar fuq skala kbira. Għada, Spajna u l-Portugall se jiffirmaw Memorandum ta' Qbil bħala bidu għall-kooperazzjoni tagħhom. Għada, għall-ħabta tal-11:30 CET, se tittella' aktar informazzjoni rigward il-Memorandum ta' Qbil hawn.

Sfond

Il-Jum Diġitali 2017 kien iffoka fuq 5 inizjattivi:

Għal Aktar Informazzjoni

Livestream tal-Jum Diġitali 2018

Il-Jum Diġitali 2017 f'Ruma

Kooperazzjoni għall-bini ta' superkompjuters Ewropej

Kronoloġija: Is-Suq Uniku Diġitali – Azzjonijiet tal-Kummissjoni mill-2015 'l quddiem

#DigitalDay18

@DSMeu @Ansip_EU @GabrielMariya

 

IP/18/2902

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar