Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

Brussell, it-12ta' april 2018

Il-Kummissjoni għandha fil-mira l-iktar prattiki kummerċjali inġusti li jagħmlu l-ħsara, sabiex tagħti aktar ċertezza lill-bdiewa u lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u sabiex dawn ikollhom inqas bżonn li jimmaniġġjaw riskji li ftit li xejn ikollhom kontroll fuqhom, jew kontroll ta' xejn.

Illum il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li jiġu pprojbiti l-iktar prattiki kummerċjali inġusti li jagħmlu l-ħsara fil-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex jiġi żgurat trattament aktar ġust għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-qasam tal-ikel u tal-biedja. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet ta' infurzar effettiv: fejn isibu każijiet ta' ksur, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jimponu sanzjonijiet.

L-iżgħar operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, inkluż il-bdiewa, huma vulnerabbli għall-prattiki kummerċjali inġusti mħaddma minn sħab fil-katina. Ta' sikwit ikunu neqsin mis-saħħa tan-negozjar u minn alternattivi biex iwasslu l-prodotti tagħhom lill-konsumaturi.

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, stqarr: Jeżistu żbilanċi fis-saħħa tan-negozjar tul il-katina tal-provvista tal-ikel, u b'din il-proposta l-Kummissjoni qiegħda taqbad il-prattiki kummerċjali inġusti minn qrunhom. Qegħdin nieħdu azzjoni għaliex l-imġiba kummerċjali inġusta tipperikola l-vjabbiltà ekonomika tal-operaturi tul il-katina. Billi tistabbilixxi standards minimi u ssaħħaħ l-infurzar, il-proposta għandha tiżgura li dawn l-operaturi jkunu jistgħu jikkompetu b'kundizzjonijiet ġusti, u b'hekk tikkontribwixxi lejn l-effiċjenza ġenerali tal-katina. Din hija dikjarazzjoni ċara favur imġiba kummerċjali aktar ġusta.”

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Phil Hogan, qal: “Katina ma tkunx iktar soda mill-iktar ħolqa dgħajfa tagħha. Biex tkun effiċjenti u effettiva, katina tal-provvista tal-ikel trid tkun waħda ġusta. Il-proposta tal-lum iddur essenzjalment mal-ġustizzja, billi tagħti leħen lil min m'għandux. Ġustizzja għal min isib ruħu, mingħajr ma jrid, il-vittma ta' pożizzjoni dgħajfa ta' negozjar. L-inizjattiva tal-lum li tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali inġusti għandha l-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi u tal-SMEs fil-katina tal-provvista tal-ikel. L-inizjattiva hija daqstant ieħor favur infurzar qawwi u effettiv. Qegħdin nimmiraw li nneħħu l-"fattur tal-biża' " fil-katina tal-provvista tal-ikel, permezz ta' proċedura għat-tressiq ta' lmenti kunfidenzjali.”

Il-prattiki kummerċjali inġusti li se jiġu pprojbiti huma l-ħlasijiet tardivi għall-prodotti tal-ikel li jmorru, it-tħassir tal-ordnijiet fl-aħħar minuta, il-bidliet unilaterali jew retroattivi għall-kuntratti, u l-pressjoni biex il-fornitur iħallas għall-prodotti moħlija. Prattiki oħra se jkunu permessi biss jekk ikunu soġġetti għal ftehim minn qabel, li jkun ċar u mhux ambigwu, bejn il-partijiet: xerrej irodd prodotti tal-ikel mhux mibjugħa lura lil fornitur; xerrej jitlob ħlas minn fornitur biex jiggarantixxi jew iżomm ftehim tal-provvista ta' prodotti tal-ikel; fornitur iħallas għall-promozzjoni jew għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tal-ikel mibjugħa mix-xerrej.

Il-proposta tal-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jaħtru awtorità pubblika li tkun responsabbli biex tinforza r-regoli l-ġodda. F'każ ta' ksur bil-provi, l-entità responsabbli għandu jkollha l-kompetenza biex timponi sanzjoni proporzjonata u dissważiva. Din l-awtorità ta' infurzar għandha tkun kapaċi tibda investigazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess, jew abbażi ta' lment. F'dan il-każ, il-partijiet li jressqu lment ikunu jistgħu jitolbu l-kunfidenzjalità u l-anonimità biex jipproteġu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tas-sieħeb kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni se toħloq mekkaniżmu ta' koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' infurzar li jiżgura l-iskambju tal-aħjar prattiki.

Il-miżuri proposti jikkumplimentaw miżuri eżistenti fl-Istati Membri, kif ukoll il-kodiċi tal-kondotta tal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista volontarja. L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ulterjuri kif iqisu li jkun xieraq.

Il-proposta tal-Kummissjoni se tieħu l-forma ta' liġi Ewropea (direttiva), u issa se titressaq, flimkien ma' valutazzjoni tal-impatt, liż-żewġ koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fejn il-gvernijiet tal-Istati Membri huma rrappreżentati.

Kuntest

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 jgħid li “l-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex jitjieb it-tħaddim tal-katina tal-provvista tal-ikel biex tgħin lill-bdiewa jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq u tgħinhom biex ikunu protetti minn xokkijiet futuri”.

L-inizjattiva ssegwi r-referenzi li l-President Juncker kien għamel għall-katina tal-ikel fid-diskorsi tiegħu tal-Istat tal-Unjoni tal-2015 u l-2016, u hija risposta politika għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew adottata f'Ġunju 2016, li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta għal qafas fil-livell tal-UE dwar il-prattiki kummerċjali inġusti. Barra minn hekk, f'Diċembru 2016, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-impatt bil-għan li tipproponi qafas leġiżlattiv tal-UE jew miżuri oħra mhux leġiżlattivi sabiex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti.

Il-Kummissjoni ilha mill-bidu tal-mandat tagħha tħabrek favur katina tal-provvista tal-ikel iktar ġusta u iktar ibbilanċjata. Fl-2016, il-Kummissjoni waqqfet it-Task Force għas-Swieq Agrikoli (AMTF) sabiex tivvaluta r-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel b'mod wiesa', u sabiex toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar kif dak ir-rwol jista' jissaħħaħ. Abbażi ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, fl-2017 il-Kummissjoni varat valutazzjoni tal-impatt tal-bidu u konsultazzjoni pubblika dwar it-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel , li min-naħa tagħhom għenu biex ġew identifikati l-prattiki kummerċjali inġusti (UTPs) koperti mid-Direttiva. Stħarriġ tal-opinjoni riċenti mal-UE kollha ippubblikat fi Frar 2018 juri li l-maġġoranza l-kbira ta' dawk li wieġbu (88 %) iqisu li huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel. 96 % minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-2017 dwar il-modernizzazzjoni tal-PAK qablu mal-proposta li t-titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur, inkluż billi jiġu indirizzati l-UTPs, għandu jkun għan tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE.

Il-proposti jibnu fuq kodiċi volontarju eżistenti tal-aħjar prattiki fil-katina tal-provvista, magħruf bħala l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (SCI). L-SCI twaqqfet fl-2013 minn seba' għaqdiet fil-livell tal-UE li jkopru l-industrija tal-ikel u tax-xorb, il-manifatturi tal-prodotti tad-ditta, is-settur tal-bejgħ bl-imnut, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u n-negozjanti agrikoli. L-SCI ġiet żviluppata b'riżultat tal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, immexxi mill-Kummissjoni u mwaqqaf fl-2010 sabiex jgħin fit-tfassil tal-politika fis-settur tal-ikel u tax-xorb, kif ukoll biex jikkontribwixxi lejn katina tal-provvista tal-ikel li taħdem aħjar.

Għal aktar tagħrif

Proposta tal-Kummissjoni kontra l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

MEMO: Niġġieldu l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

IP/18/2702

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar