Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni Bankarja: L-ewwel Rapport ta' Progress dwar li jiġi indirizzat is-self improduttiv sabiex tiġi sostnuta l-aġenda għat-tnaqqis tar-riskju

Brussell, it-18ta' jannar 2018

Il-Kummissjoni Ewropea wriet is-sodisfazzjon tagħha għall-progress li sar biex jiġi indirizzat is-self improduttiv (non-performing loans, NPLs) fl-UE bħala parti minn ħidma kontinwa fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jitnaqqsu r-riskji li fadal f'xi partijiet tas-settur bankarju Ewropew.

Fl-Ewwel Rapport ta' Progress tagħha minn meta l-Ministri tal-Finanzi qablu dwar il-Pjan ta' Azzjoni sabiex jitnaqqas is-self improduttiv (NPLs), il-Kummissjoni tagħmel enfasi fuq aktar titjib fil-proporzjonijiet tas-self improduttiv u miżuri futuri biex ikomplu jonqsu l-istokkijiet tas-self improduttiv.

It-tnaqqis tas-self improduttiv huwa importanti għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u għal sistema finanzjarja stabbli u integrata fl-UE. Huwa essenzjali li jiġu indirizzati l-istokks kbar ta' self improduttiv u li tiġi evitata l-akkumulazzjoni futura possibbli tagħhom sabiex it-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa jissaħħaħ u jkollu sisien. Sabiex jiksbu finanzjament, l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji jiddependu fuq settur finanzjarju b'saħħtu u reżistenti għall-kriżijiet. Filwaqt li banek individwali u Stati Membri huma f'pożizzjoni ta' tmexxija meta jiġu biex jindirizzaw il-ħażniet tagħhom ta' self improduttiv, hemm dimensjoni ċara tal-UE minħabba l-effetti konsegwenzjali potenzjali għall-ekonomija tal-UE kollha.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President responsabbli mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “Huwa essenzjali li jitnaqqas il-livell ta' self improduttiv sabiex jitnaqqsu r-riskji fis-settur bankarju u sabiex titlesta l-Unjoni Bankarja. L-isforzi konġunti mill-banek, mis-superviżuri, mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni diġà taw il-frott tagħhom. Iżda għandna bżonn inkomplu navvanzaw biex innaqqsu aktar il-livelli tas-self improduttiv. Aħna rridu li l-banek fil-pajjiżi kollha tal-UE jerġgħu jiksbu l-kapaċità sħiħa tagħhom li jsellfu lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi filwaqt li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' self mitluf ġdid.”

Sejbiet ewlenin

L-Ewwel Rapport ta' Progress tal-lum, li jieħu l-forma ta' Komunikazzjoni u ta' Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha, jenfasizza l-iżviluppi reċenti fis-self improduttiv, kemm fl-UE kollha kif ukoll fl-Istati Membri individwali. Juri li x-xejra pożittiva ta' tnaqqis fil-proporzjonijiet tas-self improduttiv (NPL) u t-tkabbir fil-proporzjonijiet ta' kopertura ssaħħu u komplew fit-tieni nofs tal-2017.

Barra minn hekk:

  • Il-proporzjonijiet ta' self improduttiv kienu qed jonqsu kważi fl-Istati Membri kollha, għalkemm is-sitwazzjoni tvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Il-proporzjon ġenerali tas-self improduttiv fl-UE naqas għal 4,6 % (it-tieni trimestru tal-2017), fejn niżel b'madwar punt perċentwali fis-sena, u b'terz sa mir-raba' trimestru tal-2014.

  • Id-dejta turi li t-tnaqqis tar-riskju qed jirnexxi fis-sistema bankarja Ewropea, u qed isostni l-progress sabiex titlesta l-Unjoni Bankarja, li għandha sseħħ permezz tat-tnaqqis tar-riskju u b'mod parallel tal-kondiviżjoni tar-riskju.

  • Ir-rapport juri wkoll li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill.

Fir-rebbiegħa l-Kummissjoni se tipproponi pakkett komprensiv ta' miżuri biex jitnaqqas il-livell ta' self improduttiv eżistenti u biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' self improduttiv fil-futur. Il-pakkett jiffoka fuq erba' oqsma: (i) l-azzjonijiet superviżorji, (ii) ir-riforma fl-oqfsa ta' ristrutturar, ta' insolvenza u tal-irkupru tad-dejn, (iii) l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għal assi f'diffikultà, u (iv) it-trawwim tar-ristrutturar tas-sistema bankarja. L-azzjoni f'dawn l-oqsma għandha tkun fil-livell nazzjonali u fil-livell ta' Unjoni fejn ikun xieraq.

Il-Kummissjoni qiegħda titlob ukoll lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew biex jaqblu malajr dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-insolvenza tan-negozji. Din il-miżura, proposta f'Novembru 2016, tgħin lill-kumpaniji f'diffikultà finanzjarja biex jirristrutturaw fi stadju bikri sabiex jiġi evitat il-falliment, u dan iwassal għal proċeduri ta' insolvenza aktar effiċjenti fl-UE.

Kuntest

Peress li s-self improduttiv huwa wieħed mir-riskji ta' legat ewlenin li fadal fis-sistema bankarja tal-Ewropa, il-Kummissjoni f'Ottubru 2017 pproponiet li tagħmel il-miżuri ta' tnaqqis għas-self improduttiv parti aktar prominenti mill-proċedura ta' tlestija tal-Unjoni Bankarja permezz tal-kondiviżjoni u b'mod parallel, tat-tnaqqis tar-riskju, li ntlaqgħu b'idejn miftuħin waqt id-diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill f'dawn l-aħħar xhur.

Filwaqt li l-proporzjon medju ta' self improduttiv naqas b'terz mill-2014 u qabad xejra 'l isfel kostanti, ħażniet kbar ta' self improduttiv li fadal jistgħu jkunu ta' piż fuq it-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżi kkonċernati peress li jnaqqsu il-profitabbiltà tal-banek u l-kapaċità ta' self lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji. Ir-responsabbiltà ewlenija sabiex jiġu indirizzati l-proporzjonijiet ta' self improduttiv qiegħda fuq il-banek affettwati u l-Istati Membri. Madankollu, f'unjoni monetarja fejn l-ekonomiji tal-pajjiżi membri huma interkonnessi u jistgħu joħolqu konsegwenzi, jidher ukoll li hemm interess ċar tal-UE biex jitnaqqsu l-proporzjonijiet tas-self improduttiv attwali. Il-Kummissjoni b'mod konsistenti qajmet din il-kwistjoni mal-pajjiżi kkonċernati fil-kuntest taċ-ċiklu ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE - is-Semestru Ewropew.

F'Lulju 2017 il-Kunsill adotta "Pjan ta' Azzjoni biex Jiġi Indirizzat is-Self Improduttiv fl-Ewropa". Dan il-Pjan ta' Azzjoni jistieden lil diversi istituzzjonijiet - inkluża l-Kummissjoni - biex jieħdu l-miżuri xierqa sabiex ikomplu jindirizzaw l-isfidi tal-proporzjonijiet għoljin ta' self improduttiv fl-Ewropa. Il-Kunsill qabel li jieħu kont ta' kif qed jevolvi s-self improduttiv fl-Unjoni abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ħabbret, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-Tlestija tal-Unjoni Bankarja tal-11 ta' Ottubru 2017, li se taħdem għal pakkett komprensiv biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-pakkett tal-UEM tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2017 ippreżenta pjan direzzjonali u proposti konkreti għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa.

Aktar informazzjoni:

MEMO

Skeda informattiva

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal u l-Komunikazzjoni

IP/18/266

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar