Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tassazzjoni Ġusta: Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi l-ewwel kontromiżuri fuq dawk il-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx elenkati

Brussell, il-21ta' marzu 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed twettaq il-wegħda tagħha li tiżgura li l-lista komuni tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx tkun imsaħħa b'kontromiżuri effettivi.

Il-linji gwida adottati llum huma l-ewwel pass biex jintemm it-tranżitu ta' fondi tal-UE minn ġo ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx. Dawn il-miżuri se jiżguraw li l-fondi tal-UE ma jikkontribwixxux involontarjament biex tiġi evitata t-taxxa fuq livell dinji.

Il-linji gwida tal-lum għandhom jiggarantixxu b'mod partikolari li l-fondi tal-UE għall-iżvilupp estern u ta' investiment ma jkunux jistgħu jiġu direzzjonati jew mgħoddija minn entitajiet f'pajjiżi fuq il-lista komuni tal-UE. L-ewwel lista ġiet miftiehma u pubblikati f'Diċembru 2017 u qed tiġi aġġornata l-ħin kollu.

Ir-rekwiżiti l-ġodda għandhom l-għan li jallinjaw l-objettiv tal-UE li tindirizza l-evitar tat-taxxa fil-livell dinji permezz ta' regoli dwar l-użu tal-fondi tal-UE minn Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs), bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-iżvilupp (DFIs) — inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) — u kontropartijiet eliġibbli oħra.

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “Il-lista s-sewda tal-UE tar-rifuġji fiskali hija dokument ħaj u se jiżdiedu aktar pajjiżi jekk ma jonorawx l-impenji li ħadu biex itejbu s-sistemi tat-taxxa tagħhom. Il-Kummissjoni mhux se tippermetti li l-fondi tal-UE jikkontribwixxu biex tkun evitata t-taxxa fuq livell dinji. Dawn il-kontromiżuri fil-livell tal-UE għandhom iservu bħala twissija għal dawk il-ġurisdizzjonijiet peress li dawn juru li l-UE tieħu l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa fuq skala dinjija bis-serjità.

Il-linji gwida stabbiliti llum jippreżentaw il-leġislazzjoni applikabbli dwar kif il-fondi tal-UE għandhom jiġu ttrattati f'dak li għandu x'jaqsam mal-evitar tat-taxxa u l-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx. Dawn jipprovdu informazzjoni dwar kif is-sħab tagħha għandhom jivvalutaw il-proġetti li jinvolvu entitajiet f'ġurisdizzjonijiet elenkati mill-UE bħala mhux kooperattivi fejn tidħol it-taxxa. Din il-valutazzjoni tinkludi sensiela ta' kontrolli li għandhom jindikaw li entità kummerċjali ġġorr riskju ta' evitar tat-taxxa. Pereżempju, qabel ma jiġu direzzjonati fondi permezz ta' entità, għandu jiġi stabbilit li hemm raġunijiet kummerċjali sodi għal mod kif il-proġett huwa strutturat, li ma jiħux vantaġġ mit-teknikalitajiet ta' sistema tat-taxxa jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali, jew aktar, bl-iskop li titħallas anqas taxxa.

Il-linji gwida l-ġodda se jiżguraw li r-regoli jiġu interpretati u applikati b'mod konsistenti. Sabiex tkun salvagwardjata l-politika tal-iżvilupp tal-UE, issir eċċezzjoni għall-finanzjament dirett, meta proġett ikun implimentat fiżikament f'ġurisdizzjoni tat-taxxa mhux kooperattiva u ma jkunx marbut mal-ħasil tal-flus, l-iffinanzjar tat-terroriżmu, frodi tat-taxxa jew evażjoni tat-taxxa.

Il-Kummissjoni qed titlob ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u lil entitajiet oħra involuti fil-ġestjoni tal-baġit tal-UE biex matul l-2018 jirrieżaminaw il-politiki interni tagħhom dwar il-ġurisduzzjonijiet li ma jikkooperawx Dan biex ikun żgurat li dawn il-politiki jirriflettu l-isforzi li ilha tagħmel l-UE biex tindirizza l-evitar tat-taxxa, kemm fl-Unjoni kif ukoll lil hinn.

Il-kuntest

Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva f'Jannar 2016, erba' atti legali, dwar l-użu ta' fondi tal-UE minn sħab ta' implimentazzjoni, bħalissa fihom jew se jkun fihom fil-futur qrib, ir-rekwiżit li l-fondi tal-UE ma jgħinux proġetti li jikkontribwixxu biex tiġi evitata t-taxxa. Is-sħab ta' implimentazzjoni, bħalma huma l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs), l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-iżvilupp (DFIs), jew tipi oħra ta' kontropartijiet eliġibbli involuti fil-ġestjoni indiretta tal-baġit tal-UE, huma meħtieġa jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti meta jużaw fondi tal-UE fl-operazzjonijiet ta' investiment tagħhom. Dawn jipprovdu qafas b'saħħtu biex jiżgura li l-finanzjament mill-UE jasal għand il-benefiċjarji skont standards ta' governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni; b'mod partikolari meta jkun flimkien mal-projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ġurisdizzjonijiet li ma' jikkooperawx u l-pubblikazzjoni tal-lista komuni tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx f'dak li għandu x'jaqsam mat-taxxa.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tgħin lil dawn l-organizzazzjonijiet jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda filwaqt li tipprovdi wkoll aktar rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu vvalutati l-kwistjonijiet tal-evitar tat-taxxa.

Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-UE, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jaqblu dwar sanzjonijiet koordinati biex japplikaw fil-livell nazzjonali kontra l-ġurisdizzjonijiet elenkati. L-Istati Membri diġà qablu dwar sett ta' kontromiżuri li jistgħu jagħżlu li japplikaw kontra l-pajjiżi elenkati, inkluż żieda fil-monitoraġġ u l-awditjar, taxxi minn ras il-għajn, u rekwiżiti speċjali ta' dokumentazzjoni u dispożizzjonijiet kontra l-abbuż. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-ħidma tal-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ aktar vinkolanti u definittiv għas-sanzjonijiet għall-lista tal-UE fl-2018. 

Għal Aktar Informazzjoni

Il-paġna Web tad-DĠ ECFIN u t-testi legali

Il-lista komuni tal-UE tal-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx fejn tidħol it-taxxa

Komunikazzjoni dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva

IP/18/2245

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar