Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-tassazzjoni diġitali: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda biex tiżgura li fl-UE kull kumpanija tħallas taxxa ġusta

Brussell, il-21ta' marzu 2018

It-tassazzjoni diġitali: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda biex tiżgura li fl-UE kull kumpanija tħallas taxxa ġusta

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi regoli ġodda biex tiżgura li fl-UE, l-attivitajiet tan-negozji diġitali jiġu intaxxati b'mod ġust u favur it-tkabbir. Il-miżuri jagħmlu lill-UE mexxejja dinjija fejn jidħol it-tfassil ta' liġijiet dwar it-taxxa li jkunu adattati għall-ekonomija moderna u għall-era diġitali.

Iż-żieda qawwija riċenti fin-negozji diġitali, fosthom il-kumpaniji tal-midja soċjali, il-pjattaformi kollaborattivi u l-fornituri tal-kontenut fuq l-internet, ikkontribwiet ferm għat-tkabbir ekonomiku fl-UE. Iżda r-regoli attwali dwar it-taxxa ma kinux tfasslu biex ikopru lill-kumpaniji li huma mifruxin madwar id-dinja, lil dawk virtwali jew lil dawk li ftit li xejn għandhom preżenza fiżika. Il-bidla kienet drammatika: disa' mill-aqwa 20 kumpanija dinjija issa saru diġitali permezz tal-kapitalizzazzjoni tas-suq, u dan meta mqabbel ma' waħda minn 20 għaxar snin ilu. L-isfida hi li din ix-xejra tiġi sfruttata bis-sħiħ, filwaqt li jkun żgurat li l-kumpaniji diġitali jikkontribwixxu wkoll b'mod ġust is-sehem tat-taxxa tagħhom. Jekk le, dan joħloq riskju reali għad-dħul pubbliku tal-Istati Membri: bħalissa r-rata tat-taxxa effettiva medja tal-kumpaniji diġitali hi nofs ir-rata tal-ekonomija tradizzjonali fl-UE.

Il-proposti tal-lum saru għax l-Istati Membri qed jippruvaw isibu soluzzjonijiet permanenti u dejjiema li jiżguraw sehem ġust ta' dħul mit-taxxi mill-attivitajiet fuq l-internet, bħalma kienu appellaw b'urġenza il-mexxejja tal-UE f'Ottubru 2017. Ir-regoli tal-lum dwar it-taxxa ma jaħsbux għall-qligħ li jsir minn ċertu attivitajiet li jagħmlu kemxa ġmielha, bħall-bejgħ tad-dejta u tal-kontenut iġġenerati mill-utenti. L-Istati Membri issa qed jibdew ifittxu soluzzjonijiet mgħaġġla u unilaterali biex jintaxxaw l-attivitajiet diġitali u dan qed jikkawża ċertu ambjent legalment diffikultuż u ċertu inċertezza għan-negozji fejn tidħol it-taxxa. L-uniku mod li jiżgura li l-ekonomija diġitali tiġi intaxxata b'mod ġust, favur it-tkabbir u sostenibbli hu billi jinħoloq approċċ ikkoordinat.

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi żewġ proposti leġiżlattivi distinti li se jwasslu għal tassazzjoni aktar ġusta tal-attivitajiet diġitali fl-UE:

  • L-ewwel inizjattiva għandha l-għan li tirriforma r-regoli dwar it-taxxa korporattiva biex il-qligħ jiġi rreġistrat u intaxxat meta n-negozji jkollhom ċertu interazzjoni sinifikanti mal-utenti permezz tal-mezzi diġitali. Din hija s-soluzzjoni fit-tul li tippreferi l-Kummissjoni.
  • It-tieni proposta twieġeb is-sejħiet ta' bosta Stati Membri għal taxxa provviżorja li tkopri l-attivitajiet diġitali ewlenin li bħalissa qed jiskappaw it-taxxa fl-UE.

Dan il-pakkett joħloq approċċ koerenti tal-UE għas-sistema tat-tassazzjoni diġitali, li jappoġġa lis-Suq Uniku Diġitali u li se jservi ta' sors għad-diskussjonijiet internazzjonali biex il-kwistjoni tissolva fil-livell dinji.

Valdis Dombrovskis, Viċi President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali qal: "Id-diġitalizzazzjoni tiftaħ bibien beraħ ta' benefiċċji u opportunitajiet. Madankollu jeħtiġilna wkoll naġġustaw ir-regoli u s-sistemi tradizzjonali tagħna. Aħna nippreferu li jinstab ftehim dwar ir-regoli fuq livell dinji, inkluż fl-OECD. Iżda l-ammont ta' qligħ li bħalissa mhux qed jiġi intaxxat, mhuwiex aċċettabbli. Ir-regoli tagħna dwar it-taxxa rridu naġġornawhom mingħajr dewmien ħalli jkunu adattati għas-seklu 21 billi nwettqu soluzzjoni komprensiva ġdida li tkun xierqa għall-futur.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana żied jgħid: “L-ekonomija diġitali hi baħar ta' opportunitajiet kbar għall-Ewropa, u l-Ewropa hi sors kbir ta' introjtu għall-kumpaniji diġitali. Iżda din is-sitwazzjoni ta' gwadann għaż-żewġ naħat iġġib magħha tħassib legali u fiskali. Bir-regoli eżistenti, li tfasslu qabel l-internet, l-Istati Membri ma jistgħux jintaxxaw lill-kumpaniji diġitali fl-Ewropa li ftit li xejn għandhom preżenza fiżika. Dan ifisser diffikultajiet ferm akbar għall-Istati Membri għax is-sisien tat-taxxa qed jiddgħajfu. U minħabba f'hekk, illum qed nippreżentaw standard legali ġdid u taxxa provviżorja għall-attivitajiet diġitali.”

Il-proposta 1: Riforma komuni fir-regoli dwar it-taxxa korporattiva tal-UE għall-attivitajiet diġitali

Din il-proposta se tippermetti lill-Istati Membri jintaxxaw il-qligħ li jsir fit-territorju tagħhom, anke jekk il-kumpanija ma jkollhiex preżenza fiżika hemmhekk. Ir-regoli l-ġodda jiżguraw li n-negozji onlajn jikkontribiwxxu għall-finanzi pubbliċi fl-istess livell tal-kumpaniji tradizzjonali.

Il-pjattaformi diġitali se jitqiesu li għandhom “preżenza diġitali” taxxabbli jew stabbiliment permanenti virtwali fi Stat Membru, diment li dawn ikunu jissodisfaw xi wieħed minn dawn il-kriterji:

- Id-dħul annwali tagħha jkun iżjed minn €7 miljun f'xi Stat Membru,

- L-għadd ta' utenti tagħha jaqbeż il-100,000 f'xi Stat Membru matul sena taxxabbli,

- Jinħolqu aktar minn 3000 kuntratt kummerċjali għal servizzi diġitali bejn il-kumpanija u l-utenti kummerċjali matul sena taxxabbli.

Ir-regoli l-ġodda se jbiddlu wkoll il-mod kif jiġi allokat il-qligħ lill-Istati Membri ħalli dan ikun jirrifletti aħjar kif il-kumpaniji jistgħu joħolqu l-valur fuq l-internet: ngħidu aħna, skont fejn ikun jinsab l-utent waqt il-konsum.

Fl-aħħar mill-aħħar, is-sistema l-ġdida tiżgura rabta reali bejn fejn isir il-qligħ diġitali u fejn jiġi intaxxat. Eventwalment, il-miżura tista' ssir parti integrali mill-ambitu tal-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) – il-Kummissjoni diġà qed tipproponi inizjattiva li talloka l-qligħ ta' gruppi multinazzjonali kbar b'mod li jkun jirrifletti aħjar fejn ikun inħoloq il-valur.

Il-proposta 2: Taxxa provviżorja fuq ċertu dħul mill-attivitajiet diġitali

Din it-taxxa provviżorja tiżgura li dawk l-attivitajiet li bħalissa mhumiex intaxxati b'mod effettiv jibdew jiġġeneraw dħul immedjat għall-Istati Membri. Din se tgħin ukoll biex ikunu evitati miżuri unilaterali li jintaxxaw l-attivitajiet diġitali f'ċertu Stati Membri li jistgħu jwasslu għal traqqigħ fir-risponsi nazzjonali li jagħmel ħsara lis-Suq Uniku tagħna.

B'differenza mir-riforma komuni tal-UE fir-regoli dwar it-taxxa sottostanti, din it-taxxa indiretta tapplika għad-dħul iġġenerat minn ċertu attivitajiet diġitali li jiskappaw għalkollox il-qafas tat-taxxa attwali. Din is-sistema se tapplika biss bħala miżura provviżorja, sakemm titwettaq ir-riforma komprensiva u jkollha mekkaniżmi li jnaqqsu l-possibbiltà ta' tassazzjoni doppja.

It-taxxa se tapplika għad-dħul iġġenerat mill-attivitajiet li fihom l-utenti jkollhom rwol maġġuri biex jinħoloq il-valur, u għal dak li hu diffiċli ferm jinqabad mir-regoli attwali dwar it-taxxa. Dan jinkludi dak iġġenerat:

- mill-bejgħ tal-ispazju tar-riklamar fuq l-internet,

- mill-attivitajiet intermedjarji diġitali li bihom l-utenti jkunu jistgħu jinteraġixxu ma' utenti oħrajn u li jistgħu jiffaċilitaw il-bejgħ ta' prodotti u servizzi bejniethom,

- mill-bejgħ ta' dejta ġġenerata mill-informazzjoni mogħtija mill-utenti.

Id-dħul mit-taxxa jiġbruh l-Istati Membri fejn ikunu jinsabu l-utenti, u dan se japplika biss għall-kumpaniji li għandhom €750 miljun bħala dħul dinji annwali totali u €50 miljun bħala dħul fl-UE. Dan se jgħin biex jiżgura li ma jinxteħitx piż fuq in-negozji żgħar ġodda u dawk li qed ikabbru. Hu stmat li l-Istati Membri jistgħu jiġġeneraw dħul ta' €5 biljun kull sena jekk it-taxxa tiġi applikata bir-rata ta' 3 %.

Il-passi li jmiss

Il-proposti leġiżlattivi se jintbagħtu lill-Kunsill għall-adozzjoni u lill-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni. Minbarra dan, l-UE se tibqa' tikkontribwixxi b'mod attiv fid-diskussjonijiet dinjin dwar it-tassazzjoni diġitali fi ħdan il-G20/OECD, u tħeġġeġ għal soluzzjonijiet internazzjonali ambizzjużi.

Għal aktar tagħrif

MEMO fuq it-tassazzjoni diġitali

Is-sit web tad-DĠ TAXUD dwar it-tassazzjoni diġitali

Skeda informattiva dwar il-proposti tal-lum

VIDEO: Do digital activities need to be taxed?

IP/18/2041

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar