Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-indirizzar tad-diżinformazzjoni fuq l-internet: Grupp ta' Esperti jirrakkomanda iktar trasparenza fost il-pjattaformi online

Strasburgu, it-12ta' marzu 2018

F'rapport li tressaq illum lill-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Aħbarijiet Foloz u d-Diżinformazzjoni mxerrda fuq l-internet jipproponi definizzjoni tal-fenomenu u jagħti sensiela ta' rakkomandazzjonijiet.

L-esperti indipendenti jirrakkomandaw Kodiċi tal-Prinċipji li l-pjattaformi online u n-netwerks soċjali jeħtieġu jimpenjaw ruħhom li jsegwu. Ir-rapport jikkomplementa l-ewwel dettalji minn konsultazzjoni pubblika u stħarriġ tal-Ewrobarometru li ġew ippubblikati wkoll illum. Dawn il-kontributi se jintużaw fit-tħejjija ta' Komunikazzjoni dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni fuq l-internet li l-Kummissjoni se tippubblika fir-rebbiegħa.

Il-Kummissarju Gabriel qalet: “Nirringrazzja lill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli u lill-Professur Madeleine de Cock Buning għax-xogħol siewi fit-tmexxija tal-grupp biex jintlaqħu l-iskadenzi qosra. Bl-opinjonijiet kollha miġbura u l-għarfien espert kollettiv estensiv, issa għandna f'idejna firxa wiesgħa ta' materjal li se jgħinna nressqu għadd ta' għażliet konkreti biex jiġu indirizzati aħjar ir-riskji li jinħolqu mid-diżinformazzjoni li tixxerred fuq l-internet.”

Il-President tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli, il-Professur Madeleine de Cock Buning, qalet: “Kuntenta ħafna bir-riżultati tagħna, speċjalment bl-impenn tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-pjattaformi online, dwar il-passi li qed nirrakkomandaw li jittieħdu mill-Kummissjoni. Hija qabża kbira 'l quddiem fir-rigward tal-kwistjoni dwar it-tixrid tad-diżinformazzjoni: ħloqna punt tat-tluq robust għal Kodiċi ta' Prattiki, appoġġati minn Koalizzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati.

Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli jiddefinixxi l-problema

Ir-rapport mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli jiffoka b'mod speċifiku iktar fuq il-problemi marbuta mad-diżinformazzjoni fuq l-internet milli fuq l-aħbarijiet foloz. L-esperti evitaw apposta t-terminu “aħbarijiet foloz” minħabba li qalu li mhuwiex adattat biex jirriffletti l-problemi kumplessi tad-diżinformazzjoni, li tinkludi wkoll kontenut li jħallat l-informazzjoni fabbrikata mal-fatti.

Ir-rapport jiddefinixxi d-diżinformazzjoni bħala informazzjoni falza, mhux eżatta, jew qarrieqa, imfassla, ippreżentata u promossa għall-profitt jew li biex b'mod intenzjonat toħloq dannu pubbliku. Dan jista' jhedded lill-proċessi demokratiċi u l-valuri, u jista' jkun immirat b'mod speċifiku għal diversi setturi, bħas-saħħa, ix-xjenza, l-edukazzjoni u l-finanzi. Ir-rapport jenfasizza l-bżonn li jiġu involuti l-partijiet rilevanti kollha fi kwalunkwe azzjoni possibbli, u l-ewwel u qabel kollox jirrakkomanda approċċ awtoregolatorju.

Il-grupp jirrakkomanda li jiġi promoss il-litteriżmu medjatiku biex tiġi kkontrollata d-diżinformazzjoni; jiġu żviluppati għodod biex jagħtu s-setgħa lill-utenti u lill-ġurnalisti biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni; jiġu salvagwardjati d-diversità u s-sostenibbiltà tal-midja tal-aħbarijiet Ewropej; titkompla r-riċerka dwar l-impatt tad-diżinformazzjoni fl-Ewropa.

Jirrakkomanda wkoll li jkun hemm Kodiċi tal-Prinċipji li l-pjattaformi online u n-netwerks soċjali jeħtieġu jimpenjaw ruħhom li jsegwu. Fost l-10 prinċipji ewlenin deskritti fir-rapport, il-pjattaformi online jeħtieġu, pereżempju, li jiżguraw it-trasparenza billi jispjegaw kif l-algoritmi jagħżlu l-aħbarijiet li jippreżentaw. Flimkien mal-midja tal-aħbarijiet Ewropej, huma mħeġġa wkoll biex japplikaw miżuri effettivi sabiex itejbu l-viżibilità tal-aħbarijiet kredibbli u affiddabbli u jiffaċilitaw l-aċċess għalihom lill-utenti.

Dawn il-miżuri huma partikolarment importanti fid-dawl tal-perjodi elettorali li ġejjin. Fl-aħħar nett, il-Grupp jirrakkomanda li tiġi stabbilita koalizzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rieżami regolari tal-miżuri miftiehma.

Stħarriġ jenfasizza r-rwol tal-midja ta' kwalità

Il-Kummissjoni rċeviet kważi 3000 risposta għall-konsultazzjoni pubblika li tnediet f'Novembru 2017. Id-diżinformazzjoni intenzjonali mmirata biex jiġu influwenzati l-elezzjonijiet u l-politiki dwar il-migrazzjoni kienu l-ogħla żewġ kategoriji, fejn il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu jaħsbu li l-aħbarijiet foloz probabilment joħolqu dannu lis-soċjetà.

Skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru (ġew intervistati madwar 26,000 ċittadin), in-nies iħossu li madwar l-UE hemm ħafna aħbarijiet foloz, bi 83 % ta' dawk li wieġbu jgħidu li dan il-fenomenu huwa ta' periklu għad-demokrazija. Dan l-istħarriġ jenfasizza wkoll l-importanza tal-midja ta' kwalità: dawk li wieġbu iħossu li l-midja tradizzjonali bħala l-iktar sors tal-aħbarijiet affidabbli (ir-radju 70 %, it-TV 66%, l-istampa 63 %). Is-sorsi tal-aħbarijiet online u s-siti web tal-hosting ta' vidjows huma l-inqas sorsi ta' aħbarijiet fdati, b'rata ta' affidabbiltà medja ta' 26 % u 27% rispettivament.

Dawn ir-riżultati huma kkonfermati fil-konsultazzjoni pubblika, fejn il-midja soċjali, l-aggregaturi tal-aħbarijiet online u l-blogs online u s-siti web huma l-inqas fdati, filwaqt li l-aktar fdati huma l-gazzetti u r-rivisti tradizzjonali, is-siti web u l-pubblikazzjonijiet online speċjalizzati, l-aġenziji tal-aħbarijiet u l-aġenziji pubbliċi (globalment iktar minn 70 %).

Skont il-konsultazzjoni pubblika, il-perċezzjoni ġenerali hija li t-tixrid tad-diżinformazzjoni permezz tal-midja soċjali isir eħfef minħabba li l-aħbarijiet foloz jappellaw għall-emozzjonijiet tal-qarrejja (88 %), jixxerdu biex jorjentaw id-dibattitu pubbliku (84 %) u huma maħsuba biex jiġġeneraw id-dħul (65 %). Nofs dawk li wieġbu jemmnu li l-verifikar tal-fatti wara li d-diżinformazzjoni tkun ġiet ippubblikata mhuwiex is-soluzzjoni għaliex ma jilħaqx lill-persuni li jkunu raw l-informazzjoni fil-bidu nett.

Sfond

Fl-ittra ta' missjoni tiegħu lill-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, il-President Juncker talab lill-Kummissarju biex tindaga dwar l-isfidi li l-pjattaformi online joħolqu għad-demokraziji tagħna fir-rigward tat-tixrid tal-informazzjoni falza u tniedi riflessjoni dwar x'ikun meħtieġ fil-livell tal-UE biex nipproteġu ċ-ċittadini tagħna.

Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli twaqqaf biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-fenomenu tal-aħbarijiet foloz. It-39 esperti maħtura laqqgħu rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tal-pjattaformi tal-midja soċjali, tal-organizzazzjonijiet tal-midja tal-aħbarijiet, tal-ġurnalisti u tal-akkademiċi.

L-Unjoni Ewropea hija diġà attiva fil-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz: fl-2015, taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President, Mogherini, twaqqfet it-Task Force East StratCom b'segwitu tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2015, sabiex tiġi kkontrollata d-diżinformazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant tal-UE. Barra minn hekk, il-proposti riċenti tal-Kummissjoni biex jiġu mmodernizzati r-regolamenti dwar id-drittijiet tal-awtur tal-UE jinkludu dispożizzjoni biex jiġi protett il-ġurnaliżmu ta' kwalità għolja billi jingħataw drittijiet online ġodda lill-pubblikaturi sabiex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-ambjent diġitali li qed jinbidel. Fil-livell tal-UE, il-Grupp Espert tal-UE dwar il-Litteriżmu Medjatiku jipprovdi wkoll pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiċi dwar il-litteriżmu medjatiku, inkluż għodda liċ-ċittadini biex tinkixef id-diżinformazzjoni.

 

Għal Aktar Informazzjoni

Ir-Rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-aħbarijiet Foloz u d-Diżinformazzjoni

L-ewwel riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

Il-preżentazzjoni tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru

IP/18/1746

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar