Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tadotta proposti għal Awtorità Ewropea tax-Xogħol u għall-aċċess għall-protezzjoni soċjali

Strasburgu, it-13ta' marzu 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu inizjattivi konkreti ġodda oħra sabiex tkompli twettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

B'mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni qed tressaq il-proposta tagħha għal Awtorità Ewropea tax-Xogħol, kif ħabbar il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2017, kif ukoll inizjattiva biex jiġi żgurat l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom kollha. Dawn l-inizjattivi huma akkumpanjati minn Komunikazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li se jkun marbut mill-qrib mas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika.

Il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali, Valdis Dombrovskis, qal: “Bħalissa l-Ewropa qed tikber b'mod stabbli u l-impjiegi qed jiżdiedu, iżda jeħtieġ li niżguraw li t-tkabbir ikun aktar inklużiv għall-benefiċċju ta' kulħadd. Dan il-pakkett jippreżenta għadd ta' passi biex dan iseħħ: billi niżguraw li r-regoli għan-nies li jgħixu u jaħdmu fl-Unjoni Ewropea jkunu magħrufa u infurzati, billi nsegwu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fejn jingħata impetu usa' lid-drittijiet soċjali, u billi niffokaw fuq l-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Ewropa soċjali aktar b'saħħitha hija Ewropa aktar sostenibbli.”

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, żiedet tgħid: "Il-ħidma tagħna biex niżguraw mobbiltà tal-forza tax-xogħol ġusta tilħaq il-qofol tagħha fil-proposta tal-lum għal Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Dan huwa essenzjali biex ikollna suq tax-xogħol Ewropew li jiffunzjona sew. L-Awtorità se tgħin liċ-ċittadini u lin-negozji mobbli biex isibu l-informazzjoni t-tajba u se ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jinfurzaw regoli ġusti u effettivi. Barra minn hekk, bil-proposta tagħna dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, qed naħdmu mal-Istati Membri biex niżguraw li ħadd ma jibqa' lura. L-għan tagħna huwa li niżguraw li n-nies ikollhom aċċess għal benefiċċji adegwati irrispettivament minn kif tevolvi d-dinja ġdida tax-xogħol."

F'dawn l-aħħar għaxar snin, l-għadd taċ-ċittadini mobbli, jiġifieri n-nies li jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru ieħor, kważi rdoppja u tela' għal 17-il miljun fl-2017. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol se tgħin lill-individwi, lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jibbenifikaw kemm jista' jkun mill-opportunitajiet li joffri l-moviment liberu u biex tiżgura mobbiltà tal-forza tax-xogħol ġusta. L-objettiv huwa maqsum fi tlieta.

L-ewwel nett, l-Awtorità se tipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini u lin-negozji dwar l-opportunitajiet ta' impjiegi, l-apprendistati, l-iskemi tal-mobbiltà, ir-reklutaġġ u t-taħriġ, kif ukoll gwida dwar id-drittijiet u l-obbligi biex jgħixu, jaħdmu u/jew joperaw fi Stat Membru ieħor tal-UE.

It-tieni nett, l-Awtorità se tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali f'sitwazzjonijiet transfruntiera, billi tgħinhom jiżguraw li r-regoli tal-UE li jipproteġu u jirregolaw il-mobbiltà jiġu segwiti b'mod faċli u effettiv. Illum, kwantità kbira ta' leġiżlazzjoni tal-UE tirregola l-moviment liberu tal-ħaddiema u għadd minn dawn ir-regoli qed jiġu emendati u modernizzati, pereżempju bħal dawk għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-UE kollha u kwistjonijiet bħall-istazzjonar tal-ħaddiema fil-kuntest tal-provvediment ta' servizzi. Il-prijorità mhix biss li r-regoli jsiru aktar ġusti u adatti, iżda li jiġi żgurat li dawn jistgħu jiġu applikati b'mod korrett u infurzati b'mod ġust, sempliċi u effettiv fis-setturi ekonomiċi kollha. Pereżempju, l-Awtorità se tgħin biex jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni, tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità fost l-awtoritajiet nazzjonali u tassistihom fit-twettiq ta' ispezzjonijiet armonizzati u konġunti. Dan għandu jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn il-partijiet, itejjeb ir-rutini ta' kooperazzjoni ta' kuljum u jippreveni l-frodi u l-abbuż possibbli tar-regoli.

It-tielet nett, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol se tkun tista' tipprovdi medjazzjoni u tiffaċilita soluzzjonijiet f'każijiet ta' tilwim transfruntiera, bħal fil-każ ta' ristrutturar ta' kumpanija li jinvolvi diversi Stati Membri.

L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol se tiġi stabbilita bħala aġenzija deċentralizzata ġdida tal-UE u, wara t-tlestija tal-proċess leġiżlattiv tal-UE, għandha tibda tiffunzjona mill-2019. Sabiex tiffaċilita l-istabbiliment tal-Awtorità u tiżgura li din tibda tiffunzjona malajr wara li tiġi stabbilita, il-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi wkoll grupp konsultattiv magħmul minn partijiet ikkonċernati ewlenin biex jikkunsidra l-aspetti prattiċi tal-funzjonament tal-Awtorità fil-ġejjieni.

Illum, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta wkoll proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom. Aktar ma d-dinja tax-xogħol tevolvi, minħabba stili ta' ħajja u prattiki tan-negozju ġodda, u minħabba d-diġitalizzazzjoni, aktar ikun meħtieġ li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jiġu allinjati kontinwament mar-realtajiet il-ġodda. Illum, madwar 40% tal-persuni impjegati jinsabu f'sitwazzjoni ta' impjieg atipiku - jiġifieri mhumiex jaħdmu b'kuntratt full-time u indefinit - jew huma persuni li jaħdmu għal rashom. Dawn il-persuni mhux dejjem ikunu koperti tajjeb f'termini ta' sigurtà soċjali, u ma jkollhomx assigurazzjoni tal-qgħad jew aċċess għal drittijiet għall-pensjoni. F'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi direzzjoni lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, b'mod partikolari għal dawk li, minħabba l-istatus fl-impjieg tagħhom, ma jkunux koperti biżżejjed minn skemi tas-sigurtà soċjali.

Ir-Rakkomandazzjoni tipprevedi:

  • li telimina n-nuqqasijiet ta' kopertura formali billi tiżgura li l-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom li jkollhom kundizzjonijiet komparabbli jkunu jistgħu jaderixxu ma' sistemi tas-sigurtà soċjali korrispondenti;
  • li toffrilhom kopertura effettiva adegwata, sabiex ikunu jistgħu jiġġeneraw u jitolbu għal intitolamenti adegwati;
  • li tiffaċilita t-trasferiment ta' intitolamenti tas-sigurtà soċjali minn xogħol għall-ieħor;
  • li tipprovdi lill-ħaddiema b'informazzjoni trasparenti dwar l-intitolamenti u l-obbligi tas-sigurtà soċjali tagħhom.

Fl-aħħar nett, b'mod komplementari għall-inizjattivi li diġà ttieħdu u li għad iridu jittieħdu fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tesponi l-kunsiderazzjonijiet tagħha għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan se jsir billi l-prijoritajiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġu riflessi fiċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika, li jinkludi analiżi tal-miżuri li jittieħdu u tal-progress li jkun sar fil-livell nazzjonali; il-provvediment ta' assistenza teknika, eżerċizzji ta' valutazzjoni komparattiva u l-iskambju ta' prattiki tajba; u l-iskrinjar tal-prestazzjonijiet soċjali u tal-impjiegi, anke bl-għajnuna tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali l-ġdida, li ssegwi x-xejriet u l-prestazzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE kollha fit-tliet oqsma tal-prinċipji skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Illum, il-Kummissjoni qiegħda tippubblika wkoll dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jfakkar fil-qafas legali għal kull prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kompetenzi rispettivi tal-UE u tal-Istati Membri, inkluż ir-rwol tas-sħab soċjali u l-attivitajiet riċenti fil-livell tal-UE f'kull qasam.

Il-passi li jmiss

Awtorità Ewropea tax-Xogħol: F'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, din il-proposta għal Regolament issa se tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-ambizzjoni tal-Kummissjoni hija li l-Awtorità tkun qed tiffunzjona fl-2019.

Aċċess għall-protezzjoni soċjali: Dan il-punt issa se jiġi eżaminat mill-Kunsill, li jista' jadotta rakkomandazzjonijiet abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni fl-oqsma ta' kompetenza tal-UE.

Il-Kummissjoni se tippreżenta l-pakkett ta' inizjattivi tal-lum lill-Ministri nazzjonali tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-laqgħa tal-Kunsill, fi Brussell fil-15 ta' Marzu. Fil-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Marzu 2018, il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern se jerġgħu jindirizzaw l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

L-isfond

L-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tħabbret mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta' Settembru 2017. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol se tikkomplementa u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-inizjattivi li għaddejjin bħalissa biex tiġi żgurata l-mobbiltà ġusta, inkluż ir-riforma tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, il-Lex Specialis fis-settur tat-trasport internazzjonali bit-triq u l-modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

Iż-żieda fil-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol u ż-żieda fid-diversità tal-forom tax-xogħol ħolqu impjiegi ġodda u ppermettew li aktar nies isiru attivi professjonalment, kif ġie mfakkar waqt il-konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fid-Dokument ta' Riflessjoni dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Ewropa. Madankollu dawn wasslu wkoll għal xi nuqqasijiet fil-kopertura ta' protezzjoni soċjali li jeħtieġ li jiġu eliminati. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali hija rispons għal dawn ir-realtajiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu, b'mod partikolari l-forom ġodda ta' impjieg li żviluppaw tul l-aħħar snin. L-inizjattiva tħabbret f'April 2017 flimkien mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Hija parti mill-Programmi ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2018 u ssegwi konsultazzjoni f'żewġ stadji tas-sħab soċjali tal-UE.

Dawn l-inizjattivi huma parti mill-introduzzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li kien ipproklamat b'mod konġunt waqt is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f'Gothenburg f'Novembru 2017. It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa impenn politiku u responsabbiltà komuni, u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu huwa essenzjali biex jiġi żgurat li jseħħ progress tanġibbli b'mod konkret. Dan huwa għaliex fil-Komunikazzjoni tal-lum, il-Kummissjoni tagħti rendikont tal-inizjattivi li ħadet biex tintroduċi l-Pilastru, inkluż inizjattiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u proposta għal kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea.

Aktar informazzjoni

Komunikazzjoni: Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Skeda informattiva: Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Memo Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol

Skeda informattiva: Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: Lejn mobbiltà tal-forza tax-xogħol ġusta: It-twaqqif ta' Awtorità Ewropea tax-Xogħol

Memo Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jittejjeb l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom kollha.

Skeda informattiva: Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: Aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom

Aħbar b'links għal dokumenti legali fuq is-sit web tad-DĠ Impjiegi

IP/18/1624

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar