Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Jum Internazzjonali tal-Mara 2018: L-emanċipazzjoni tan-nisa hija importanti għall-ġejjieni tal-Ewropa.

Brussell, it-8ta' marzu 2018

Il-Kummissjoni qed timmarka l-Jum Internazzjonali tal-Mara bir-rilaxx tar-rapport tal-2018 tagħha dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll preżentazzjoni ta' rapport dwar in-nisa fit-teknoloġija. Għad baqagħlna x'naqdfu.

Il-Kummissjoni aġixxiet biex tixpruna l-bidla. Ressqet proposta biex ittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-familji li jaħdmu, Pjan ta' azzjoni biex tindirizza d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u talbet biex ittemm il-vjolenza kontra n-nisa permezz ta' finanzjament u azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni.

Ir-rapport tal-2018 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi juri li l-progress waqaf f'ċerti oqsma: in-nisa għadhom jieħdu l-parti l-kbira tar-responsabbiltajiet ta' kura fil-familji, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ilha s-snin staġnata għal 16 % u l-vjolenza kontra n-nisa għadha problema.

Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President, illum qal: “Il-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għadha għolja fl-aġenda, iżda l-progress għadu kajman fil-prattika. Sabiex nagħmlu bidla reali għan-nisa jeħtieġ li nibdlu l-għarfien u l-intenzjonijiet f'azzjoni. Dan ifisser li nadottaw il-leġiżlazzjoni l-ġdida li l-Kummissjoni pproponiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, nissieħbu fil-Konvenzjoni ta' Istanbul u nimplimentaw il-politiki li diġà qbilna dwarhom biex nindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u niġġieldu kontra l-vjolenza kontra n-nisa.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, żiedet: "L-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex biss dwar in-nisa. Hija dwar is-soċjetà tagħna, l-ekonomija tagħna u d-demografika tagħna. Irridu niggarantixxu li n-nisa jkunu tassew ugwali għall-irġiel quddiem il-liġi. Se nkomplu naħdmu wkoll biex nagħtu s-setgħa lin-nisa biex ikunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom fir-rigward tal-karrieri tagħhom u l-familji tagħhom.”

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjeta Diġitali, qalet:"Il-futur tal-Ewropa se jkun wieħed diġitali u f'idejna biex nagħmluh inklużiv. In-nisa u l-bniet ma jistgħux jitħallew barra mit-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tagħna u tas-soċjetà tagħna. L-“Aġenda dwar in-nisa fis-settur diġitali” tagħna se tkun tirrigwarda l-għoti ta' setgħa, it-tħeġġiġ u l-motivazzjoni lin-nisa u lill-bniet biex jagħlqu l-qasma diġitali bejn is-sessi.”

Dan ir-rapport juri li n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma' sfidi f'diversi oqsma:

  • Filwaqt li n-nisa Ewropej għandhom edukazzjoni aħjar minn tal-irġiel (fl-2016, 44% tan-nisa fl-età ta' bejn 30 u 34 meta mqabbel ma' 34% tal-irġiel kellhom lawrja universitarja), dawn fil-parti l-kbira tagħhom għadhom mhux rappreżentati biżżejjed f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'kumpaniji u bħala medja għadhom jaqilgħu 16% inqas mill-irġiel madwar l-UE.
  • Barra minn hekk, in-nisa għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fil-politika. F'sitt pajjiżi (il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija u Malta) in-nisa jirrappreżentaw inqas minn 20% tal-membri parlamentari.
  • Fl-impjiegi, id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa weħlet għal madwar 11-il punt perċentwali għal dawn l-aħħar ftit snin. Ma kien hemm l-ebda rkupru notevoli bejn l-Istati Membri bi prestazzjoni baxxa u dawk bi prestazzjoni għolja.
  • Medja ta' 44% tal-Ewropej jaħsbu li n-nisa għandhom jieħdu ħsieb id-djar u l-familji tagħhom. F'terz mill-Istati Membri tal-UE, xejn inqas minn 70% tal-Ewropej jaħsbu hekk.
  • Il-vjolenza għadha mifruxa wisq: Mara minn kull tlieta fl-Ewropa esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali mill-età ta' 15-il sena. Barra minn hekk, 55 % tan-nisa fl-UE esperjenzaw fastidju sesswali.

Għoti tas-setgħa lin-nisa fl-era diġitali

Is-settur teknoloġiku se joħloq 500,000 impjieg ġdid sal-2020. Sfortunatament, in-nisa Ewropej jaf jitilfu dawn l-opportunitajiet, u daqstant ieħor titlef l-ekonomija tal-Ewropa. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ICT u fis-settur diġitali ma żdiditx ħafna matul dawn l-aħħar snin. Illum, il-Kummissjoni ppubblikat studju addizzjonali dwar in-nisa fl-era diġitali li juri li aktar nisa f'impjiegi diġitali jistgħu joħolqu żieda ta' €16-il biljun fis-sena fil-PDG fl-UE. Madankollu, huma biss 24.9% tan-nisa b'edukazzjoni għolja li jiggradwaw f'oqsma relatati mat-teknoloġija. Fir-rigward tal-intraprenditorija fit-teknoloġija, l-istudju sab li aktarx li negozji ġodda mmexxija minn nisa jkollhom aktar suċċess, iżda 14.8 % biss mill-fundaturi ta' negozji ġodda huma nisa.

Sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur diġitali, il-Kummissarju Gabriel illum spjegat pjanijiet biex tippromwovi mudelli eżemplari fis-settur tal-IT, tisfida l-istereotipi, tippromwovi ħiliet u edukazzjoni diġitali u tistinka għal aktar intraprendituri nisa. L-inizjattiva għan-nisa fis-settur diġitali se tkompli matul l-2018 u l-2019.

Sfond

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ġie mnaqqax fit-Trattat sa mill-bidu nett, peress li t-Trattat ta' Ruma inkluda dispożizzjoni dwar il-pagi ndaqs.

Il-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija bbażata fuq l-“Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019", li jiffoka fuq ħames oqsma prijoritarji:

  • żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel;
  • tnaqqis fid-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, fil-qligħ u fil-pensjonijiet u għaldaqstant il-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa;
  • promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet;
  • ħidma kontra l-vjolenza abbażi ta' sess u l-ħarsien u l-appoġġ tal-vittmi; u
  • promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja.

Għal aktar informazzjoni:

Ir-rapport tal-2018 dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

Studju “Nisa fl-era diġitali”

Inizjattiva biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur diġitali

Stqarrija għall-istampa tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwar in-nisa fis-settur teknoloġiku

Il-Kollokwju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali dwar id-Drittijiet tan-Nisa fi Żminijiet Turbolenti indirizza l-vjolenza u l-fastidju fil-konfront tan-nisa kif ukoll l-inugwaljanza ekonomika u politika bejn in-nisa u l-irġiel, b'enfasi partikolari fuq id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

It-tnedija tal-Inizjattiva Spotlight mill-Kummissjoni Ewropea flimkien man-Nazzjonijiet Uniti tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-livell globali.

L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2017

Video li jqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza kontra n-nisa

 

 

 

 

IP/18/1507

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar