Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE EL

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-jottijiet: Il-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra Ċipru, il-Greċja u Malta

Brussell, it-8ta' marzu 2018

Il-Kummissjoni llum iddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil Ċipru, il-Greċja u Malta billi dawn ma ġabrux l-ammont korrett ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) fuq il-provvediment ta' jottijiet.

Din il-kwistjoni tista' tiġġenera distorsjonijiet kbar tal-kompetizzjoni u dehret ħafna fil-kopertura tal-iżvelar tal-”Paradise Papers” tas-sena li għaddiet.

Il-Paradise Papers żvelaw evażjoni mifruxa tal-VAT fis-settur tal-jottijiet, iffaċilitatata minn regoli nazzjonali li ma jikkonformawx mal-liġi tal-UE. Flimkien mal-proċeduri ta' ksur imnedija llum mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew reċentement indika li l-kumitat il-ġdid tiegħu biex isegwi l-Paradise Papers se jħares ukoll lejn din il-kwistjoni.

Pierre Moscovici, Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Tassazzjoni u Unjoni Doganali, qal: "Sabiex tinkiseb tassazzjoni ġusta għandna bżonn nieħdu azzjoni kull meta jkun meħtieġ biex tiġi miġġielda l-evażjoni tal-VAT. Ma nistgħux inħallu dan it-tip ta' trattament fiskali favorevoli mogħti lil dgħajjes privati, li jfixkel ukoll il-kompetizzjoni fis-settur marittimu. Prattiki bħal dawn jiksru l-liġi tal-UE u għandhom jintemmu. "

Sa mill-bidu tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni Juncker kienet fuq quddiem fl-isforzi Ewropej u internazzjonali biex tiġġieled l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Fir-rigward tal-VAT, l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni jfittxu li jistabbilixxu żona unika tal-VAT fl-UE li hija inqas suxxettibbli għall-frodi u li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-problema tal-frodi tal-VAT ma tafx fruntieri u tista' tiġi solvuta biss b'mod effettiv permezz ta' sforz konġunt miftiehem min-naħa tal-Istati Membri.

Fid-dettall, il-proċeduri ta' ksur imnedija llum jikkonċernaw:

  • Bażi tal-VAT imnaqqsa għall-kiri ta' jottijiet - skema tal-VAT ġenerali pprovduta minn Ċipru, mill-Greċja u minn Malta. Waqt li r-regoli kurrenti tal-VAT tal-UE jippermettu lill-Istati Membri li ma jimponux taxxa fuq il-provvista ta' servizz meta l-użu u t-tgawdija effettiva tal-prodott huma barra mill-UE, ma jippermettux tnaqqis ġenerali b'rata fissa mingħajr prova tal-post tal-użu attwali. Malta, Ċipru u l-Greċja stabbilixxew linji gwida li skonthom iktar ma tkun kbira d-dgħajsa, inqas il-kirja tkun stmata li sseħħ fl-ibħra tal-UE, regola li tnaqqas ħafna r-rata applikabbli tal-VAT.

  • It-tassazzjoni żbaljata f'Ċipru u f'Malta tax-xiri ta' jottijiet permezz ta' dak li hu magħruf bħala "kiri-xiri". Il-liġijiet Ċiprijotti u Maltin bħalissa jikklassifikaw il-kiri ta' jott bħala provvista ta' servizz aktar milli ta' prodott. Dan jirriżulta f'li l-VAT tiġi imposta biss bir-rata standard fuq ammont żgħir tal-prezz tal-ispiża reali tal-inġenju meta jkun finalment inxtara l-jott, u l-bqija jiġi ntaxxat bħala provvista ta' servizz u b'rata mnaqqsa ħafna.

It-tliet Stati Membri issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Jekk ma jaġixxux f'dawn ix-xahrejn, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet tagħhom.

Għal Aktar Informazzjoni

- Dwar id-deċiżjonijiet ewlenin tal-pakkett ta' ksur ta' Marzu, jekk jogħġbok irreferi għall-MEMO/18/1444 sħiħ

- Dwar il-proċedura ġenerali ta' ksur, ara MEMO/12/12 (tabella ta' informazzjoni).

- Dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE.

IP/18/1451


Side Bar