Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Finanzi Sostenibbli: Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal ekonomija aktar ekoloġika u aktar nadifa

Brussell, it-8ta' marzu 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tiżvela l-istrateġija tagħha għal sistema finanzjarja li tappoġġa l-aġenda tal-UE għall-klima u għall-iżvilupp sostenibbli.

Hekk kif il-pjaneta tagħna qed tiffaċċja dejjem aktar il-konsegwenzi imprevedibbli tat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riżorsi, jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti biex nadattaw għal mudell aktar sostenibbli. Madwar €180 biljun ta' investimenti addizzjonali fis-sena huma meħtieġa biex jinkisbu l-miri tal-UE sal-2030 li sar qbil dwarhom f'Pariġi, inkluż tnaqqis ta' 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Din hija r-raġuni għaliex, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti minn Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli (HLEG), il-Kummissjoni llum qed tistabbilixxi pjan direzzjonali biex issaħħaħ ir-rwol tal-finanzi fil-kisba ta' ekonomija li tiffunzjona tajjeb li twettaq miri amjentali u wkoll soċjali.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-lum dwar il-finanzi sostenibbli huwa parti mill-isforzi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) biex torbot il-finanzi mal-ħtiġijiet speċifiċi tal-ekonomija Ewropea għall-benefiċċju tal-planeta u tas-soċjetà tagħna. Huwa wkoll wieħed mill-passi ewlenin lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim storiku ta' Pariġi u l-aġenda tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Li nimxu lejn ekonomija aktar ekoloġika u aktar sostenibbli huwa tajjeb għall-ħolqien tal-impjiegi, tajjeb għan-nies u tajjeb għall-pjaneta. Illum, qed niżguraw li s-sistema finanzjarja taħdem lejn din il-mira. Il-proposti tagħna se jippermettu lill-investituri u liċ-ċittadini individwali jagħmlu għażla pożittiva sabiex il-flus tagħhom jintużaw b'mod aktar responsabbli u għall-benefiċċju tas-sostenibbiltà."

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President inkarigat mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “Ispirati mill-ħidma tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli, illum qed nippreżentaw il-pjanijiet tagħna għal riforma komprensiva li tista' tistabbilixxi l-parametru referenzjarju globali għal finanzi sostenibbli. Huwa biss bl-għajnuna tas-settur finanzjarju li nistgħu nkopru l-ħtiġijiet ta' finanzjament ta' €180 biljun fis-sena sabiex nilħqu l-miri tagħna tal-klima u tal-enerġija. Dan se jgħin biex jappoġġja futur sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.”

Jyrki Katainen, il-Viċi President inkarigat mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: "L-UE diġà tinsab fuq quddiem nett meta niġu għall-investiment fl-effiċjenza fir-riżorsi u fl-infrastruttura soċjali permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Tal-anqas 40 % tal-investimenti fl-infrastruttura tal-FEIS se jiġu diretti lejn proġetti li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fl-istess waqt, li jinħolqu kundizzjonijiet għall-investituri privati biex jinvestu b'mod sostenibbli huwa kruċjali sabiex tinkiseb tranżizzjoni fid-direzzjoni ta' ekonomija ċirkolari aktar nadifa u aktar effiċjenti fir-riżorsi.”

Miguel Arias Cañete, il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, qal: L-investimenti globali huma kruċjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fejn diġà ġew investiti triljuni f'soluzzjonijiet bħal enerġiji rinovabbli u effiċjenza enerġetika. Il-Ftehim ta' Pariġi huwa opportunità ta' investiment massiva. Kif nistgħu nisfruttawha? Illum, il-pjan ta' azzjoni se jgħin lis-settur finanzjarju tal-Ewropa jieħu pożizzjoni bħala destinazzjoni globali ewlenija għall-investimenti fit-teknoloġiji ekoloġiċi.”

Karatteristiċi ewlenin tal-Pjan ta' Azzjoni

Sena ilu, il-Kummissjoni ħatret Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-finanzi sostenibbli biex jelabora sett komprensiv ta' rakkomandazzjonijiet għas-settur finanzjarju biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Ispirata mir-rapport finali tagħhom, il-Kummissjoni llum qed tipproponi strateġija tal-UE dwar finanzi sostenibbli li tistabbilixxi pjan direzzjonali għal ħidma ulterjuri u azzjonijiet futuri li jkopru kull attur rilevanti fis-sistema finanzjarja. Dawn jinkludu:

  • Li tiġi stabbilita lingwa komuni għal finanzi sostenibbli, jiġifieri sistema ta' klassifikazzjoni tal-UE – jew tassonomija – biex tiddefinixxi x'inhu sostenibbli u tidentifika l-oqsma fejn l-investiment sostenibbli jista' jagħmel l-akbar impatt.

  • Li jinħolqu tikketti tal-UE għal prodotti finanzjarji ekoloġiċi fuq il-bażi ta' din is-sistema ta' klassifikazzjoni tal-UE: dan se jippermetti li l-investimenti konformi mal-kriterji ekoloġiċi jew b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju jiġu identifikati faċilment.

  • Li jiġi ċċarat l-obbligu tal-maniġers tal-assi u tal-investituri istituzzjonali li jikkunsidraw is-sostenibbiltà fil-proċess ta' investiment u li jtejbu r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni.

  • Li d-ditti tal-assigurazzjoni u tal-investiment jiġu obbligati jagħtu pariri lil klijenti fuq il-bażi tal-preferenzi tagħhom dwar is-sostenibbiltà.

  • Li tiġi inkorporata s-sostenibbiltà fir-rekwiżiti prudenzjali: il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni huma sors importanti ta' finanzi esterni għall-ekonomija Ewropea. Il-Kummissjoni se tesplora l-fattibbiltà tal-ikkalibrar mill-ġdid tar-rekwiżiti kapitali għall-banek (l-hekk magħruf fattur ta' sostenn ekoloġiku) għal investimenti sostenibbli, meta jkun iġġustifikat mill-perspettiva ta' riskju, filwaqt li jiġi żgurat li l-istabbiltà finanzjarja tiġi salvagwardjata.

  • Li tittejjeb it-trasparenza fir-rapportar korporattiv: nipproponu li l-linji gwida dwar informazzjoni mhux finanzjarja jiġu riveduti biex inkomplu nallinjawhom mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (TCFD - Task Force on Climate-related Financial Disclosures).

Kuntest

L-UE u l-gvernijiet madwar id-dinja impenjaw ruħhom għall-objettiv ta' ekonomija u soċjetà aktar sostenibbli meta adottaw il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-UE diġà qed tagħmel differenza grazzi għall-Qafas tal-Enerġija u tal-Klima tal-UE għall-2030, l-Unjoni tal-Enerġija, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari, u l-implimentazzjoni tal-UE tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Sabiex jinkiseb aktar tkabbir sostenibbli, kulħadd fis-soċjetà irid jaqdi rwol. Is-sistema finanzjarja mhijiex eċċezzjoni. L-orjentazzjoni mill-ġdid tal-kapital privat lejn investimenti aktar sostenibbli teħtieġ reviżjoni komprensiva ta' kif taħdem is-sistema finanzjarja tagħna. Dan huwa meħtieġ jekk l-UE trid tiżviluppa tkabbir ekonomiku sostenibbli; tiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u trawwem aktar trasparenza u perspettiva għal żmien twil fl-ekonomija. Dan il-ħsieb huwa wkoll fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni stabbiliet Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-finanzi sostenibbli fl-2016. Dan kien magħmul minn 20 espert ta' livell għoli mis-soċjetà ċivili, mis-settur finanzjarju, mill-isfera akkademika u minn osservaturi mill-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali. Il-grupp ippubblika r-rapport finali tiegħu f'Jannar 2018. Huwa ppreżenta tmien azzjonijiet prijoritarji, li huwa kkunsidra li huma elementi meħtieġa għal kwalunkwe azzjoni sinifikanti li tirrigwarda l-finanzi sostenibbli. Il-pjan ta' azzjoni tal-lum jibbaża fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli.

Il-ħidma fuq għadd ta' rakkomandazzjonijiet ewlenin li jinsabu fir-rapport ġiet diskussa fir-rapport interim tal-grupp tat-13 ta' Lulju 2017. B'reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni diġà pproponiet li fil-mandati tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jiddaħħlu l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza (il-fatturi ESG). Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni pubblika dwar id-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi fir-rigward tas-sostenibbiltà.

Il-Kummissjoni qed torganizza konferenza ta' livell għoli għat-22 ta' Marzu 2018 biex tiddiskuti l-Pjan ta' Azzjoni ppreżentat illum.

Għal Aktar Tagħrif

Stqarrija għall-istampa

MEMORANDUM

Skeda informattiva

Aktar tagħrif dwar it-tkabbir sostenibbli

IP/18/1404

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar