Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

FinTech: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni għal suq finanzjarju aktar kompetittiv u innovattiv

Brussell, it-8ta' marzu 2018

Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet Pjan ta' Azzjoni dwar kif għandhom jintużaw l-opportunitajiet ippreżentati bit-teknoloġija l-innovazzjoni fis-servizzi finanzjarji (FinTech).

L-Ewropa għandha ssir ċentru globali għall-FinTech, bin-negozji u l-investituri tal-UE jkunu f'pożizzjoni li jagħmlu l-aħjar użu mill-vantaġġi offruti mis-Suq Uniku f'dan is-settur li qed jevolvi malajr. Bħala l-ewwel riżultat, il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll regoli ġodda li se jgħinu biex jikbru l-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv madwar is-suq uniku tal-UE.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-lum jipprevedi li jpoġġi lis-settur finanzjarju f'pożizzjoni li juża l-avvanzi rapidi fit-teknoloġiji l-ġodda, bħall-blockchain, l-intelliġenza artifiċjali u s-servizzi tal-cloud computing. Fl-istess ħin, ifittex li jagħmel is-swieq aktar sikuri u li jkollhom aċċess aktar faċli għal atturi ġodda. Dan se jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi, l-investituri, il-banek u l-atturi l-ġodda fis-suq bl-istess mod. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi tikketta pan-Ewropea għall-pjattaformi, sabiex pjattaforma liċenzjata f'pajjiż wieħed tkun tista' topera madwar l-UE.

Il-Pjan ta' Azzjoni huwa parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tinbena Unjoni tas-Swieq Kapitali (Capital Markets Union, CMU) u suq uniku ta' veru għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Huwa wkoll parti mill-isforzi tagħha biex toħloq Suq Uniku Diġitali. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel ir-regoli tal-UE iktar orjentati lejn il-futur u allineati mal-progress mgħaġġel tal-iżvilupp teknoloġiku.

Il-Viċi President Valdis Dombrovkis, responsabbli mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “Biex jikkompetu globalment, il-kumpaniji innovattivi Ewropej jeħtieġ li jkollhom aċċess għall-kapital, l-ispazju biex jesperimentaw u l-iskala biex jikbru. Din hija l-premessa għal Pjan ta' Azzjoni għall-FinTech. Liċenzja tal-UE tal-iffinanzjar kollettiv tgħin lill-pjattaformi tal-iffinanzjar kollettiv biex jikbru fl-Ewropa. Se tgħinhom isiru robusti biżżejjed għall-investituri u l-kumpaniji minn madwar l-UE kollha, u tagħti lid-ditti u l-intraprendituri aktar opportunitajiet biex ibigħu l-ideat tagħhom lil bażi usa' ta' finanzjaturi.”

Jyrki Katainen, il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “It-teknoloġiji l-ġodda qed jittrasformaw l-industrija finanzjarja billi jibdlu l-mod kif in-nies jaċċessaw is-servizzi finanzjarji. Sorsi alternattivi ta' finanzjament, bħall-finanzjament kollettiv jew is-self bejn il-pari, jgħaqqdu direttament it-tfaddil u l-investimenti. Huma jagħmlu s-suq aktar aċċessibbli għal intraprendituri innovattivi, impriżi ġodda u kumpaniji żgħar. Dan l-għan huwa fil-qalba tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.”

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qalet: “It-teknoloġiji diġitali jħallu impatt fuq l-ekonomija kollha tagħna — kemm fuq iċ-ċittadini u bl-istess mod fuq in-negozji. It-teknoloġiji bħall-blockchain jistgħu jġibu bidla radikali għal servizzi finanzjarji u lil hinn. Jeħtieġ li nibnu qafas li jagħti s-setgħa lill-innovazzjoni biex tiffjorixxi, filwaqt li jiġu ġestiti r-riskji u jiġu protetti l-konsumaturi.” 

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-FinTech: 

Is-settur finanzjarju huwa l-akbar utent tat-teknoloġiji diġitali u l-mutur ewlieni fit-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-lum jistabbilixxi 19* pass biex il-mudelli kummerċjali innovattivi jkunu f'pożizzjoni li jikbru, biex jingħata l-appoġġ għall-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda, tiżdied iċ-ċibersigurtà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, fost affarijiet oħra:

 

  • Il-Kummissjoni se tospita Laboratorju UE tal-FinTech fejn l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali jimpenjaw ruħhom flimkien mal-fornituri tat-teknoloġija fi spazju newtrali u mhux kummerċjali;

  • Il-Kummissjoni diġà ħolqot Osservatorju u Forum tal-UE dwar il-Blockchain. Se tirrapporta dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-assi kripto aktar tard fl-2018 u qed taħdem fuq strateġija komprensiva fuq it-teknoloġija ta' reġistru distribwit u l-blockchain li tindirizza s-setturi kollha tal-ekonomija. Reġistru distribwit huwa bażi tad-data bl-informazzjoni li tkun kondiviża madwar netwerk. L-aktar tip magħruf ta' reġistru distribwit huwa l-blockchain.

  • Il-Kummissjoni se tikkonsulta dwar kif l-aħjar tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni ppubblikata minn kumpaniji kkwotati fil-borża fl-Ewropa, inkluż bl-użu ta' teknoloġiji innovattivi biex il-bażijiet tad-data nazzjonali jiġu interkonnessi. Dan se jagħti lill-investituri aċċess ferm aktar faċli għall-informazzjoni essenzjali sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment.

  • Il-Kummissjoni se tmexxi workshops biex jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni meta niġu għaċ-ċibersigurtà;

  • Il-Kummissjoni se tippreżenta pjan bl-aqwa prattiki dwar sandboxes regolatorji, ibbażat fuq il-gwida tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Sandbox regolatorja hija qafas stabbilit minn regolaturi li jippermetti lin-negozji l-ġodda tal-FinTech u l-innovaturi l-oħrajn biex iwettqu esperimenti ħajjin f'ambjent ikkontrollat, taħt is-superviżjoni tar-regolaturi. Oqfsa bħal dawn qed jiksbu aktar popolarità, l-aktar fi swieq finanzjarji żviluppati.

Ir-Regolament dwar il-finanzjament kollettiv:

Il-finanzjament kollettiv itejjeb l-aċċess għall-finanzjament b'mod partikolari għal intrapriżi ġodda u intrapriżi żgħar oħra. Intrapriża ġdida tista' tippreżenta l-proġett tagħha fuq pjattaforma onlajn u titlob għal appoġġ f'forma ta' self (“is-self bejn il-pari”) jew ekwità. L-investituri jirċievu r-ritorn finanzjarju għall-investiment tagħhom. Bħalissa huwa diffiċli għal ħafna pjattaformi li jespandu lejn pajjiżi oħra tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex il-finanzjament kollettiv fl-UE huwa sottożviluppat meta mqabbel ma' ekonomiji dinjija kbar oħra u li s-suq tal-UE huwa frammentat. Wieħed mill-akbar ostakli huwa n-nuqqas ta' regoli komuni madwar l-UE. Dan iżid b'mod konsiderevoli l-ispejjeż tal-konformità u dawk operazzjonali u jipprevjeni l-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv milli jespandu lil hinn mill-fruntieri.

Il-proposta tal-lum se tagħmilha aktar faċli għal dawn il-pjattaformi li joffru s-servizzi tagħhom fl-UE kollha u jitjieb l-aċċess għal din il-forma ta' finanzjament għan-negozji innovattivi li jeħtieġu finanzjament. Ladarba jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, ir-Regolament propost se jippermetti li l-pjattaformi japplikaw għal tikketta tal-UE bbażata fuq sett uniku ta' regoli. Dan se jippermettilhom li joffru s-servizzi tagħhom madwar l-UE. L-investituri fuq il-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv se jkunu protetti minn regoli ċari dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni, regoli dwar il-governanza u l-ġestjoni tar-riskju u approċċ koerenti dwar is-superviżjoni.

Kuntest

Ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Pjan ta' Azzjoni tas-CMU ta' Ġunju 2017 enfasizza l-potenzjal tal-FinTech li jittrasforma s-swieq tal-kapital billi jġib atturi ġodda tas-suq u soluzzjonijiet aktar effiċjenti, iżid il-kompetizzjoni, u jnaqqas l-ispejjeż għan-negozji u l-investituri. Ħabbar li l-Kummissjoni se tistabbilixxi approċċ komprensiv li jawtorizza lill-FinTech u japprofondixxi u jwessa' s-swieq kapitali tal-UE billi jintegra l-potenzjal tad-diġitizzazzjoni.

Sabiex iħejju Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika f'Marzu tal-2017 biex tiġbor il-fehmiet tal-partijiet interessati dwar l-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq is-servizzi finanzjarji. Bi tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika, ħafna minn dawk li wieġbu enfasizzaw li l-FinTech, u l-innovazzjoni teknoloġika b'mod ġenerali, kienu l-muturi għall-iżvilupp tas-settur finanzjarju, b'opportunitajiet kbar f'termini ta' aċċess għal finanzi, l-effiċjenza operattiva, iffrankar tal-ispejjeż u għall-kompetizzjoni.

Il-kontribut għall-proposta dwar il-finanzjament kollettiv inġabar matul il-ħidma preparatorja, inkluż b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tas-CMU ta' 2015, il-konsultazzjoni pubblika tar-rieżami ta' nofs it-terminu tas-CMU u l-konsultazzjoni tal-FinTech ta' Marzu 2017.

*[Figure corrected 19/03/2018 at 16:45]

IP/18/1403

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar