Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: it-tneħħija tal-ostakli għall-investimenti transfruntiera u l-aċċellerazzjoni tat-twettiq

Brussell, it-12ta' marzu 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu pass kbir lejn l-iżvilupp ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) billi tippromwovi sorsi alternattivi ta' finanzjament u tneħħi ostakli għall-investimenti transfruntiera.

Filwaqt li l-Istati Membri kollha se jibbenefikaw mill-USK, hija se ssaħħaħ b'mod partikolari l-Unjoni Ekonomika u Monetarja billi tippromwovi l-kondiviżjoni tar-riskju privat.

Il-proposti tal-lum, li jibnu fuq il-progress li diġà sar mit-tnedija tal-USK fl-2015, se jixprunaw is-suq transfruntier għal fondi ta' investiment, jippromwovu s-suq tal-UE għal bonds koperti bħala sors ta' finanzjament fit-tul u jiżguraw aktar ċertezza għall-investituri fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet transfruntiera ta' titoli u pretensjonijiet. L-USK hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni ta' Juncker biex issaħħaħ l-ekonomija tal-Ewropa u tistimola l-investimenti biex toħloq l-impjiegi. Għandha l-għan li timmobilizza u timmira l-kapital lejn in-negozji kollha fl-UE, partikolarment l-impriżi żgħar u medji (SMEs) li jeħtieġu riżorsi biex jespandu u jagħmlu suċċess.

L-adozzjoni rapida ta' dawn il-proposti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill se tippermetti li n-negozji u l-investituri jibbenefikaw b'mod aktar sħiħ mill-opportunitajiet tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni titlob ukoll li l-koleġiżlaturi jiżguraw l-adozzjoni rapida ta' riformi ewlenin pendenti għat-tlestija tal-USK, bħal proposti biex tissaħħaħ is-superviżjoni tas-suq tal-kapital, ir-ristrutturar tan-negozji u jkun hemm opportunitajiet ġodda ta' tfaddil għall-konsumaturi. Mit-tnax-il proposta ppreżentati mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-elementi importanti tal-USK, intlaħaq qbil dwar tlieta biss mill-koleġiżlaturi f'dan l-istadju. 

Il-Viċi President Valdis Dombrovkis, responsabbli mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: "Il-proposti tal-lum huma parti minn strateġija usa' biex jissaħħu s-swieq tal-kapital u jitħeġġu l-investimenti fl-UE. Sabiex ikun hemm Unjoni tas-Swieq Kapitali fl-Ewropa sal-2019, jeħtieġ li nimxu ‘' quddiem fi tliet direzzjonijiet: tikketti u passaporti Ewropej għal prodotti finanzjarji, regoli armonizzati u simplifikati biex jiġu approfonditi swieq tal-kapital u superviżjoni aktar konsistenti u effiċjenti.” 

Jyrki Katainen, il-Viċi President inkarigat mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: "Irridu nagħmluha aktar faċli u irħas għall-kumpaniji, speċjalment dawk żgħar u medji, biex jirċievu l-finanzjament li jeħtieġu.” Suq uniku aktar profond se jgħin lill-kumpaniji biex jagħmlu dan u se jippermetti li dawn jikbru. Il-Kummissjoni qed ikollha riżultati fuq l-impenn tagħha biex tpoġġi fis-seħħ l-elementi importanti tal-USK. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill issa jridu jagħmlu l-parti tagħhom. Il-Kummissjoni hija lesta taħdem magħhom biex jadottaw il-proposti leġiżlattivi kollha sal-2019." 

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, qalet: "Ir-regoli l-ġodda se jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu u jippromwovu l-investiment transfruntier. Irridu nipprovdu ċertezza tad-dritt u nneħħu r-riskji legali f'assenjazzjonijiet transfruntiera ta' pretensjonijiet kif ukoll fi tranżazzjonijiet li huma importanti għall-finanzjament tal-SMEs.”  

Il-proposti tal-lum fid-dettall 

  • Il-bonds koperti Ewropej

Illum, il-Kummissjoni qed tipproponi regoli komuni – li jikkonsistu f'Direttiva u Regolament – għal bonds koperti. B'EUR 2.1 triljun f'ammonti pendenti, attwalment dawn huma fost l-akbar swieq tad-dejn fl-UE. Il-banek Ewropej huma mexxejja globali f'dan is-suq, li jirrappreżenta sors importanti ta' finanzjament fit-tul f'ħafna mill-Istati Membri tal-UE. 

Il-bonds koperti huma strumenti finanzjarji appoġġjati minn grupp segregat ta' ammonti misulfa. Huma meqjusa benefiċi mhux biss minħabba li jiffinanzjaw self kosteffiċjenti, iżda anke minħabba li huma partikolarment sikuri. Madankollu, attwalment is-suq tal-UE huwa frammentat skont linji nazzjonali b'differenzi fost l-Istati Membri. 

Ir-regoli proposti huma bbażati fuq standards ta' kwalità għolja u l-aħjar prattiki. Għandhom l-għan li jtejbu l-użu tal-bonds koperti bħala sors stabbli u kosteffettiv ta' finanzjament għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, speċjalment fejn is-swieq huma inqas żviluppati. L-investituri se jkollhom ukoll firxa usa' u aktar sikura ta' opportunitajiet ta' investiment. 

Fl-istess ħin, il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tas-self għall-ekonomija kollha kemm hi. Il-Kummissjoni tqis li t-tfaddil annwali totali potenzjali għall-mutwatarji tal-UE jkun bejn EUR 1.5 biljun u EUR 1.9 biljun. 

  • Distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment 

Il-fondi ta' investiment huma għodda importanti biex it-tfaddil privat jiġi mmirat lejn l-ekonomija u jżid il-possibbiltajiet ta' finanzjament għall-kumpaniji. Is-suq tal-fondi ta' investiment tal-UE jammonta għal total ta' EUR 14.3-il triljun. Madankollu, dan is-suq għadu ma kisibx il-potenzjal sħiħ tiegħu. Ftit iktar minn terz (37%) tal-fondi UCITS u madwar 3% tal-fondi ta' investiment alternattiv (alternative investment funds, AIFs) huma rreġistrati għal bejgħ f'aktar minn tliet Stati Membri. Dan huwa wkoll minħabba ostakli regolatorji li attwalment ifixklu d-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi ta' investiment. 

Il-proposta tal-lum għandha l-għan li tneħħi dwan l-ostakli għat-tipi kollha ta' fondi ta' investiment u tagħmel id-distribuzzjoni transfruntiera aktar sempliċi, aktar rapida u irħas. Żieda fil-kompetizzjoni se tagħti aktar għażla u valur aħjar lill-investituri, filwaqt li tissalvagwardja livell għoli ta' protezzjoni tal-investituri. 

  • Liġi applikabbli għal tranżazzjonijiet transfruntiera f'titoli u pretensjonijiet* [aġġornata fl-15/03/2018 fis-16:15]

Iċ-ċessjoni ta' titolu tirreferi għal sitwazzjoni fejn kreditur jittrasferixxi fuq persuna oħra d-dritt li jitlob lura dejn. Din is-sistema tintuża minn kumpaniji biex jiksbu likwidità u jaċċessaw krediti. Bħalissa m'hemm l-ebda ċertezza tad-dritt dwar liema liġi nazzjonali tapplika meta jiġi determinat min għandu sjieda ta' titolu wara ċessjoni f'każijiet transfruntiera. Ir-regoli ġodda proposti llum jiċċaraw skont liema liġi dan it-tilwim jiġi solvut: bħala regola ġenerali, il-liġi tal-pajjiż fejn iċ-ċedenti jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom, irrispettivament minn liema qorti jew awtorità ta' Stat Membru teżamina l-każ. Din il-proposta se tippromwovi l-investiment transfruntier, l-aċċess għal kreditu irħas u tipprevjeni riskji sistemiċi. 

Il-Kummissjoni adottat ukoll Kommunikazzjoni biex tiċċara l-liġi ta' liema pajjiż tapplika meta jiġi determinat min għandu s-sjieda ta' pretensjoni fi tranżazzjoni transfruntiera. Ċertezza tad-dritt imtejba se tippromwovi investiment transfruntier, aċċess għal kreditu irħas u integrazzjoni tas-suq. 

F'Ġunju 2017 sar rapport dwar Ir-rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali dwar il-progress li sar s'issa biex il-Pjan ta' Azzjoni jitressaq ‘il quddiem u tiġi stabbilita l-kronoloġija għal azzjoni ġdida. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħabbret li, fl-ewwel trimestru tal-2018, hija tippubblika diversi proposti leġiżlattivi, speċjalment fl-oqsma tal-fondi ta' investiment, bonds koperti u soluzzjonijiet ta' tilwim. Il-pakket tal-lum fih dawn il-proposti.

Sfond 

Il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Pjan ta' Azzjoni għal Unjoni tas-Swieq Kapitali tagħha biex tgħin fil-bini ta' suq uniku awtentiku għall-kapital fl-UE fl-2015. Il-Pjan ta' Azzjoni huwa pilastru ewlieni tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, l-hekk imsejjaħ “Pjan ta' Juncker”. L-Istati Membri kollha tal-UE se jibbenefikaw minn suq tal-kapital uniku, iżda dan se jsaħħaħ b'mod partikolari l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, billi jrawwem il-kondiviżjoni transfuntiera ta' riskji fis-settur privat fiż-żona tal-euro. Dan huwa kruċjali biex jiġu assorbiti skossijiet ekonomiċi sistemiċi. 

Huwa mibni madwar dawn il-prinċipji ewlenin: 

  • L-approfondiment tal-integrazzjoni finanzjarja u ż-żieda tal-kompetizzjoni

  • Il-ħolqien ta' aktar opportunitajiet għall-investituri

  • L-ikkollegar tal-finanzi mal-ekonomija reali bit-trawwim ta' sorsi ta' finanzjament mhux bankarji

  • L-iżgurar ta' sistema finanzjarja aktar b'saħħitha u aktar reżiljenti.

Aktar Informazzjoni 

MEMO

Skeda informattiva

Aktar informazzjoni dwar il-proposta

IP/18/1364

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar