Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ewropa li tipproteġi: Il-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rispons tal-UE għal kontenut illegali online

Brussell, I-1ta' marzu 2018

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Settembru 2017 dwar l-indirizzar ta' kontenut illegali online, il-Kummissjoni Ewropea wiegħdet li tissorvelja l-progress fl-indirizzar ta' kontenut illegali online u tevalwa jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali biex tkun żgurata detezzjoni rapida u proattiva u t-tneħħija ta' kontenut illegali online, inklużi miżuri leġiżlattivi possibbli biex jikkumplimentaw il-qafas regolatorju eżistenti.

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Settembru 2017 dwar l-indirizzar ta' kontenut illegali online, il-Kummissjoni Ewropea wiegħdet li tissorvelja l-progress fl-indirizzar ta' kontenut illegali online u tevalwa jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali biex tkun żgurata detezzjoni rapida u proattiva u t-tneħħija ta' kontenut illegali online, inklużi miżuri leġiżlattivi possibbli biex jikkumplimentaw il-qafas regolatorju eżistenti.

Bħala segwitu, il-Kummissjoni llum qed tirrakkomanda sett ta' miżuri operazzjonali – akkumpanjati mis-salvagwardji neċessarji – li għandhom jittieħdu mill-Kumpaniji u l-Istati Membri biex ikomplu jintensifikaw din il-ħidma qabel ma hi tiddetermina jekk huwiex neċessarju li tiġi proposta l-leġiżlazzjoni. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet japplikaw għall-forom kollha ta' kontenut illegali li jvarja minn kontenut terroristiku, l-inċitament għall-mibegħda u l-vjolenza, il-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, il-prodotti ffalsifikati u l-ksur tad-drittijiet tal-awtur.

Ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq il-ħidma li għaddejja mal-industrija permezz ta' diversi inizjattivi volontarji biex jiġi żgurat li l-internet ikun ħieles minn kontenut illegali u ssaħħaħ l-azzjonijiet meħuda fil-kuntest ta' inizjattivi differenti.

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip qal: “Il-pjattaformi online qed isiru l-mezz prinċipali għall-informazzjoni tan-nies, għalhekk għandhom ir-responsabbiltà li jipprovdu ambjent sikur għall-utenti tagħhom. Dak li huwa illegali offline huwa wkoll illegali online. Filwaqt li diversi pjattaformi qed ineħħu l-kontenut illegali aktar minn qatt qabel, li juri li l-awtoregolamentazzjoni tista' taħdem, għad għandna bżonn nirreaġġixxu aktar malajr kontra l-propaganda terroristika u tipi oħra ta' kontenut illegali, li huwa theddid serju għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali.”

It-tixrid ta' kontenut illegali online jimmina l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Internet u joħloq theddid għas-sigurtà. Filwaqt li sar progress fil-protezzjoni tal-Ewropej online, jenħtieġ li l-pjattaformi jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex ineħħu kontenut illegali minn fuq l-internet aktar malajr u b'aktar effiċjenza. Il-miżuri volontarji mill-industrija, inkoraġġuti mill-Kummissjoni permezz tal-Forum tal-UE dwar l-Internet rigward il-kontenut terroristiku online, il-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-Diskors Illegali ta' Mibegħda Online u l-Memorandum ta' Qbil dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti Ffalsifikati kisbu riżultati. Madankollu hemm lok sinifikanti għal aktar azzjoni effettiva, partikolarment rigward il-kwistjoni l-aktar urġenti ta' kontenut terroristiku, li jippreżenta riskji ta' sigurtà serji.

Proċeduri aktar b'saħħithom għal tneħħija aktar effiċjenti ta' kontenut illegali

Ir-Rakkomandazzjoni tal-lum tistipula miżuri operazzjonali biex jiġu żgurati d-detezzjoni u t-tneħħija aktar rapidi ta' kontenut illegali online, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji, is-sinjalaturi fdati u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u biex tiżdied it-trasparenza u s-salvagwardji għaċ-ċittadini:

  • Proċeduri ta' “avviż u azzjoni” aktar ċari: Il-kumpaniji għandhom jistabbilixxu regoli trasparenti u faċli biex jinnotifikaw kontenut illegali, inklużi proċeduri rapidi għal “sinjalaturi fdati”. Biex jevitaw it-tneħħija mhux intenzjonata ta' kontenut li mhuwiex illegali, il-fornituri tal-kontenut għandhom jiġu infurmati dwar dawn id-deċiżjonijiet u jkollhom l-opportunità li jikkontestawhom.

  • Għodod aktar effiċjenti u teknoloġiji proattivi: Il-kumpaniji għandhom jistabbilixxu sistemi ta' notifika ċari għall-utenti. Dawn għandu jkollhom għodod proattivi biex jaqbdu u jneħħu kontenut illegali, b'mod partikolari għall-kontenut marbut mat-terroriżmu u għal kontenut li ma jeħtieġx il-kuntest biex jiġi meqjus illegali, bħal pereżempju l-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal jew prodotti ffalsifikati.

  • Salvagwardji msaħħa biex ikunu żgurati d-drittijiet fundamentali Biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet biex jitneħħa l-kontenut ikunu preċiżi u fondati, speċjalment meta jintużaw għodod awtomatizzati, il-kumpaniji għandhom jistabbilixxu salvagwardji adegwati u effettivi, inkluż sorveljanza u verifika umana, b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, il-libertà tal-espressjoni u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

  • Attenzjoni speċjali lil kumpaniji żgħar: Permezz ta' arranġamenti volontarji, l-industrija għandha tikkoopera u taqsam l-esperjenzi, l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet teknoloġiċi, inkluż għodod għad-detezzjoni awtomatika. Din ir-responsabbiltà kondiviża għandha tibbenefika b'mod partikolari lill-pjattaformi iżgħar li r-riżorsi u l-għarfien espert tagħhom huma aktar limitati.

  • Kooperazzjoni eqreb mal-awtoritajiet: Jekk ikun hemm evidenza ta' reat kriminali serju jew suspett li l-kontenut illegali qed joħloq theddida għall-ħajja jew is-sikurezza, il-kumpaniji għandhom minnufih jgħarrfu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu l-obbligi legali xierqa.

Dawn il-miżuri jistgħu jvarjaw skont in-natura tal-kontenut illegali, u r-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-kumpaniji biex meta jneħħu l-kontenut illegali jsegwu l-prinċipju ta' proporzjonalità.

 

Aktar protezzjoni kontra l-kontenut terroristiku online

Il-kontenut terroristiku online joħloq riskju kbir partikolarment għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej, u l-proliferazzjoni tiegħu trid tiġi ttrattata bħala kwistjoni ta' urġenza kbira. Din hija r-raġuni għaliex illum il-Kummissjoni qed tirrakkomanda wkoll dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex tkompli trażżan il-kontenut terroristiku online :

  • Ir-regola ta' intervent fl-ewwel siegħa: Meta wieħed iqis li l-kontenut terroristiku huwa l-aktar ta' ħsara fl-ewwel siegħa li jkun tfaċċa online, bħala regola ġenerali l-kumpaniji kollha għandhom ineħħu dan il-kontenut fi żmien siegħa minn xħin jiġi indikat.

  • Detezzjoni u tneħħija effettiva aktar malajr: Minbarra l-indikazzjonijiet, il-kumpaniji tal-internet għandhom jimplimentaw miżuri proattivi, inkluża d-detezzjoni awtomatizzata, biex ineħħu jew jiddiżattivaw il-kontenut terroristiku b'mod effettiv u rapidu u jwaqqfuh milli jerġa' jitfaċċa, ladarba jkun tneħħa. Biex jassistu pjattaformi iżgħar, il-kumpaniji għandhom jaqsmu u jottimizzaw l-għodod teknoloġiċi xierqa u jħejju arranġamenti ta' ħidma għal kooperazzjoni aħjar mal-awtoritajiet rilevanti, inkluż l-Europol.

  • Sistema ta' indikazzjoni mtejba: Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri rapidi sabiex l-indikazzjonijiet ikunu ipproċessati malajr kemm jista' jkun, filwaqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkollhom il-kompetenzi u r-riżorsi meħtieġa biex jaqbdu, jidentifikaw u jirrappurtaw il-kontenut terroristiku.

  • Komunikazzjoni regolari: L-Istati Membri għandhom fuq bażi regolari, preferibbilment kull tliet xhur, jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-indikazzjonijiet u s-segwitu tagħhom kif ukoll dwar il-kooperazzjoni ġenerali ma' kumpaniji li jrażżnu kontenut online marbut mat-terroriżmu.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-azzjonijiet meħuda bħala segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni u tiddetermina jekk il-passi addizzjonali, inkluż, jekk meħtieġ, il-leġiżlazzjoni humiex meħtieġa.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-ħidma analitika tagħha, billi taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, u f'dan il-kuntest se tniedi konsultazzjoni pubblika dwar din il-kwistjoni fil-ġimgħat li ġejjin.

Sabiex isir monitoraġġ tal-effetti tar-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri u l-kumpaniji se jkunu meħtieġa jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti dwar il-kontenut marbut mat-terroriżmu fi żmien tliet xhur, u tipi oħra ta' kontenut illegali fi żmien sitt xhur.

 

Kuntest

L-Unjoni Ewropea indirizzat l-isfida ta' kontenut illegali online permezz ta' miżuri kemm vinkolanti kif ukoll mhux vinkolanti, f'inizjattivi orizzontali u settorjali. Il-ħidma li għaddejja bħalissa permezz ta' djalogi settorjali ma' kumpaniji qed turi riżultati pożittivi. Pereżempju, skont il-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-Diskors Illegali ta' Mibegħda Online, il-kumpaniji tal-internet issa jneħħu medja ta' 70 % ta' diskors ta' mibegħda illegali notifikat lilhom u f'aktar minn 80 % tal-każijiet, it-tneħħijiet saru fi żmien 24 siegħa. Madankollu, il-kontenut illegali online għadu problema serja b'konsegwenzi kbar għas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini u tal-kumpaniji, li jimminaw il-fiduċja fl-ekonomija diġitali. 

Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2017 u filwaqt li tibni fuq id-diversi djalogi mal-industrija, f'Settembru 2017, il-Kummissjoni pprovdiet gwida u għodod komuni biex taqbad, tneħħi u tipprevjeni d-dehra mill-ġdid ta' kontenut illegali li jinċita l-mibegħda, il-vjolenza u t-terroriżmu fuq l-internet. Il-Kummissjoni indikat ukoll li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri oħra biex jitneħħa kontenut illegali mill-internet, inklużi miżuri leġiżlattivi. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-pjattaformi online biex iżidu u jħaffu l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu, jaqbdu u jneħħu kontenut illegali online, b'mod partikolari marbut mat-terroriżmu, malajr kemm jista' jkun.

 

Għal Aktar Informazzjoni

Memo: Mistoqsijiet Frekwenti: Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar miżuri biex jiġi indirizzat b'mod effettiv il-kontenut illegali online

Skeda informattiva dwar il-Kontenut Illegali Online

Stqarrija għall-istampa: Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni ssegwi r-radikalizzazzjoni terroristika

Stqarrija: It-tneħħija ta' kontenut illegali online: Il-Kummissjoni tappella għal aktar sforzi u progress aktar mgħaġġel minn kull naħa

Stqarrija għall-istampa: Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni żżid l-isforzi biex tindirizza l-kontenut illegali online

Komunikazzjoni: Nindirizzaw il-kontenut illegali online. Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online

Stqarrija għall-istampa: Hemm bżonn li l-kumpaniji tal-midja soċjali jagħmlu aktar sforz biex ikunu kompletament konformi mar-regoli tal-konsumatur tal-UE

Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar miżuri biex jiġi indirizzat b'mod effettiv il-kontenut illegali online

IP/18/1169

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar