Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-President Juncker jorganizza mill-ġdid it-tim li jaħdem mill-qrib tiegħu; Il-Kummissjoni Ewropea taħtar Segretarju Ġenerali ġdid

Brussell, il-21ta' frar 2018

Wara li s-Segretarju Ġenerali Alexander Italianer wera x-xewqa li jirtira, il-Kummissjoni Ewropea ħatret lil Martin Selmayr bħala s-Segretarju Ġenerali ġdid tagħha, filwaqt li l-President Juncker ħatar lil Clara Martinez Alberola bħala l-Kap il-ġdid tiegħu tal-Kabinett u Richard Szostak bħala d-Deputat Kap il-ġdid tiegħu tal-Kabinett.

Wara iktar minn 32 sena fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea, is-Segretarju Ġenerali attwali Alexander Italianer iddeċieda li jirtira mill-Kummissjoni Ewropea. B'riżultat ta' dan, u fuq proposta tal-President Jean-Claude Juncker, il-Kulleġġ iddeċieda li jaħtar lil Martin Selmayr, il-Kap tal-Kabinett attwali tal-President, bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ nhar l-1 ta' Marzu. Fl-istess ħin, il-President Juncker iddeċieda li d-Deputat Kap attwali tal-Kabinett, Clara Martinez Alberola, se ssir il-Kap il-ġdid tiegħu tal-Kabinett - l-ewwel mara li qatt saret Kap ta' Kabinett tal-President tal-Kummissjoni. Il-Konsulent Diplomatiku attwali tal-President Juncker, Richard Szostak, se jsir id-Deputat Kap ġdid tiegħu tal-Kabinett.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: Dalgħodu, Alexander Italianer ikkonfermali x-xewqa tiegħu li jirtira minn Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni sa mill-1 ta' Marzu. Nixtieq nesprimi l-gratitudni profonda tiegħi lilu għal għexieren ta' snin ta' servizz leali lill-Kummissjoni Ewropea u f'dawn l-aħħar tliet snin lili bħala l-President tagħha. Tassew napprezza naħdem ma' Segretarju Ġenerali daqstant esperjenzat u mgħarraf, u nixtieq nirringrazzjah għat-tmexxija abbli tiegħu tal-amministrazzjoni tagħna, kif ukoll talli qabel li jibqa' magħna għal xahar ieħor biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel. Kuntent ukoll li qabel li jkompli jagħtini pariri, wara l-1 ta' April, bħala Konsulent Speċjali dwar kwistjonijiet strateġiċi fuq l-aġenda tal-UE, b'mod partikolari l-Qafas Finanzjarju Pluriennali u t-Tħejjija għal Brexit.”

Alexander Italianer, ċittadin Olandiż, ingħaqad mal-Kummissjoni Ewropea fl-1985 fid-dipartiment tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Huwa serva ħames Presidenti tal-Kummissjoni, inklużi l-Kabinetti tal-Presidenti Jacques Santer u José Manuel Barroso, fejn kien Deputat Kap tal-Kabinett. Ikkontribwixxa għal studji ekonomiċi influwenti li ġew użati mill-eks President tal-Kummissjoni Jacques Delors biex jippromwovi l-pjanijiet tiegħu għas-Suq Uniku Ewropew u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Wara li pparteċipa fit-tim tal-Kummissjoni li nnegozja t-Trattat ta' Maastricht, Alexander Italianer sar responsabbli għall-introduzzjoni tal-euro fil-Kabinett tal-President Santer u kkontribwixxa għall-Aġenda 2000 li wittiet it-triq għall-adeżjoni ta' għaxar Stati Membri ġodda fl-2004. Fl-2010, sar Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fejn fetaħ kawżi kontra ġganti tal-internet bħal Google u Apple, ħa passi kontra kartelli fosthom banek ewlenin fil-kawża LIBOR u introduċa simplifikazzjonijiet importanti fir-regoli tal-UE dwar għajnuna mill-istat. Bħala Deputat Segretarju Ġenerali u l-ewwel president tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar (2006-2010) u l-kariga attwali tiegħu bħala Segretarju Ġenerali (minn Settembru 2015), Alexander Italianer kien kruċjali fil-kisba tal-wegħda tal-Kummissjoni li tkun “kbira fuq l-affarijiet il-kbar u żgħira fuq iż-żgħar”. Kien ukoll xprun fl-isforzi tal-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-migrazzjoni, fir-risposti għal theddidiet terroristiċi fl-Ewropa, fis-simplifikazzjoni tal-proċess tas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika fost l-Istati Membri u t-tħejjija għall-konsegwenzi tal-Brexit kif ukoll il-ġejjieni tal-Ewropa f'27, notevolment f'dak li għandu x'jaqsam mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Sabiex jiżgura tranżizzjoni bla xkiel lis-suċċessur tiegħu fis-Segretarjat Ġenerali, Alexander Italianer se jkompli jaqdi lill-President Juncker għal xahar ieħor bħala Konsulent Speċjali sal-31 ta' Marzu. Bl-esperjenza għanja u siewja tiegħu, se jsir Konsulent Speċjali tal-President Juncker dwar kwistjonijiet strateġiċi fuq l-aġenda tal-UE, b'mod partikolari l-Qafas Finanzjarju Pluriennali u t-Tħejjija għal Brexit.

Fuq proposta tal-President Juncker, Martin Selmayr, li huwa l-Kap attwali tal-Kabinett tal-President, ġie maħtur illum bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea b'effett mill-1 ta' Marzu. Clara Martinez Alberola, li hija d-Deputat Kap attwali tal-Kabinett, se tassumi l-kariga tal-Kap il-ġdid tal-Kabinett tal-President Juncker mill-1 ta' Marzu.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal:"L-għoxrin xahar li ġejjin se jkunu deċiżivi biex jagħtu riżultat sodisfaċenti fir-rigward ta' Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi. Neħtieġ li jkolli l-aħjar tim. Għaldaqstant irrid lil Martin Selmayr bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid biex imexxi lill-amministrazzjoni ta' talent u ħabrieka tal-istituzzjoni, u lil Clara Martinez Alberola biex tmexxi t-tim personali tiegħi. F'dawn l-aħħar snin, Clara u Martin kisbu l-fiduċja u l-kunfidenza sħiħa tiegħi. Huma wrew li flimkien jagħmlu tim b'saħħtu ħafna li jkun jista' jsib soluzzjonijiet rapidi u sodi għall-aktar sfidi urġenti li taffaċċja l-Ewropa. Bil-professjonaliżmu, l-għarfien espert u spirtu ta' tim b'saħħtu tagħhom, il-Kummissjoni se tkun kapaċi twettaq l-aġenda leġiżlattiva tagħha u tħejji għall-ġejjieni.”

Martin Selmayr se jkun is-seba' Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea u l-ewwel ċittadin Ġermaniż li se jassumi din il-kariga[1]. Wara li ħadem fid-dinja akkademika, is-settur privat u l-Bank Ċentrali Ewropew, Martin Selmayr ingħaqad mal-Kummissjoni Ewropea fl-2004 fejn serva l-ewwel bħala Kelliem għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja (2004–2010). Fl-2010, sar Kap tal-Kabinett ta' Viviane Reding, Viċi President responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza (2010–2014). F'dawn il-pożizzjonijiet, mexxa l-isforzi b'suċċess tal-Kummissjoni biex jitbaxxew it-tariffi tar-roaming fl-UE u biex ikunu introdotti regoli Ewropej dwar il-protezzjoni tad-dejta. Fl-2014, Martin Selmayr sar id-direttur tal-kampanja elettorali ta' Jean-Claude Juncker bħala l-kandidat prinċipali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Sussegwentement, ġie maħtur Konsulent Prinċipali fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u Direttur tal-UE fil-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp qabel ma sar il-Kap tat-tim ta' tranżizzjoni tas-Sur Juncker u mbagħad il-Kap tal-Kabinett tiegħu meta Jean-Claude Juncker ħa l-kariga bħala President tal-Kummissjoni fl-1 ta' Novembru 2014. F'din il-kariga, is-Sur Selmayr għen fit-tmexxija u l-għoti ta' riżultati fil-prijoritajiet strateġiċi kollha tal-Kummissjoni Juncker.

Illum il-President ħatar lil Clara Martinez Alberola bħala l-Kap il-ġdid tal-Kabinett tiegħu b'effett mill-1 ta' Marzu. Is-Sa Martinez Alberola hija l-ewwel mara u l-ewwel ċittadina Spanjola fl-istorja tal-Kummissjoni Ewropea li qatt mexxiet l-uffiċċju tal-President tal-Kummissjoni[2]. Wara li ngħaqdet mal-Kummissjoni Ewropea 27 sena ilu (fl-1991), ħadmet l-ewwel l-aktar fuq kwistjonijiet legali relatati mas-Suq Uniku u fuq it-tħejjija għat-tkabbir tal-2004. Imbagħad serviet fil-Kabinett tal-President Barroso għal żewġ mandati konsekuttivi (2005–2014) fejn hija għenet notevolment fit-tfassil tal-proposta tal-2014 tal-Kummissjoni għal Qafas għas-salvagwardja tal-istat tad-dritt fl-UE. F'Lulju 2014 ġiet maħtura Konsulenta Prinċipali għad-DĠ Ġustizzja qabel ma ngħaqdet ma' Martin Selmayr bħala d-Deputat Kap tat-Tim ta' Tranżizzjoni ta' Jean-Claude Juncker u sussegwentement saret id-Deputat Kap tal-Kabinett meta ħa l-kariga bħala President tal-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta' Novembru 2014. Fil-kariga attwali tagħha, is-Sa Martinez Alberola kienet responsabbli notevolment għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, għenet fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-Kummissjoni biex tiġġestixxi l-migrazzjoni, it-twettiq tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar ta' Juncker u mexxiet it-tħejjija għall-Programmi ta' Ħidma annwali tal-Kummissjoni.

Il-President Juncker iddeċida wkoll li jaħtar lil Richard Szostak, il-Konsulent Diplomatiku ta' fiduċja attwali tiegħu, bħala d-Deputat Kap il-ġdid tiegħu tal-Kabinett. Richard Szostak huwa ċittadin Pollakk-Brittaniku li ħadem mal-Kabinett tal-eks Viċi President tal-Kummissjoni Viviane Reding, responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza (2012–2014), kif ukoll fis-Servizz Legali tal-Kunsill (2005–2011) u fir-Rappreżentanza Permanenti Pollakka għall-UE matul il-Presidenza Pollakka tal-UE. Fil-kariga attwali tiegħu, Richard Szostak jagħti konsulenza lill-President Juncker fuq il-kwistjonijiet kollha relatati mal-politika barranija, fuq it-tħejjija tas-Summits tal-G7 u b'mod partikolari fuq in-negozjati tal-Brexit, kif ukoll dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżvizzera - oqsma li se jibqa' jkun responsabbli għalihom fil-kariga l-ġdida tiegħu bħala Deputat Kap tal-Kabinett tal-President Juncker. Richard Szostak kien strumentali fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Membri fl-eqqel tal-kriżi tal-migrazzjoni; fin-negozjati bejn l-UE u t-Turkija u t-tħejjija għall-Istrateġija tal-Balkani tal-Punent.

Sabiex ikompli jsaħħaħ is-Segretarjat Ġenerali, il-Kulleġġ iddeċieda wkoll, fuq proposta tal-President Juncker li Pia Ahrenkilde-Hansen se tingħaqad mas-Segretarju Ġenerali bħala Konsulent Prinċipali mill-1 ta' Marzu fejn se tkun aġent Deputat Segretarju Ġenerali. Is-Sa Ahrenkilde-Hansen hija ċittadina Daniża li bħalissa hija Direttur fid-DĠ tal-Komunikazzjoni tas-Servizz Presidenzjali, responsabbli mir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri. Bi 22 sena ta' esperjenza fil-Kummissjoni Ewropea, is-Sa Ahrenkilde-Hansen qdiet bħala Kelliema għall-Kummissjoni Ewropea taħt il-Presidenti Prodi u Barroso (1999–2009). Kienet il-Kelliema Prinċipali għall-Kummissjoni mill-2009 sal-2014. Fil-kariga attwali tagħha hija responsabbli għar-Rappreżentanzi, fejn tikoordina l-isforzi ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, u tgħin fil-komunikazzjoni maċ-ċittadini u l-midja lokali u reġjonali fi żmien li huwa kruċjali għall-ġejjieni tal-Ewropa. Dawn il-ħiliet u l-kompetenzi tagħha jagħmluha ideali għall-impjieg il-ġdid tagħha fis-Segretarjat Ġenerali.

 

Sfond: Is-Segretarji Ġenerali tal-Kummissjoni mill-1958

  1. Émile Noël: Franċiż, 1922. Maħtur Segretarju Eżekuttiva tal-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1958 fl-età ta' 36. Qeda f'din il-kariga sal-1987.
  2. David Williamson: Brittaniku, 1934. Maħtur Segretarju Ġenerali fl-1987 fl-età ta' 53. Qeda f'din il-kariga sal-1997.
  3. Carlo Trojan: Netherlandiż, 1942. Maħtur Segretarju Ġenerali fl-1997 fl-età ta' 55. Qeda f'din il-kariga sal-2000.
  4. David O'Sullivan: Irlandiż, 1953. Maħtur Segretarju Ġenerali f'Ġunju tal-2000 fl-età ta' 47. Qeda f'din il-kariga sa Novembru tal-2005. Qabel ma ġie maħtur Segretarju Ġenerali, kien il-Kap tal-Kabinett tal-eks President tal-Kummissjoni Romano Prodi.
  5. Catherine Day: Irlandiża, 1954. Maħtura Segretarju Ġenerali f'Novembru tal-2005 fl-età ta' 51. Qdiet f'din il-kariga sal-1 ta' Settembru 2015.
  6. Alexander Italianer: Netherlandiż, 1956. Maħtur Segretarju Ġenerali fl-1 ta' Settembru 2015 fl-età ta' 59. Qeda f'din il-kariga sal-1 ta' Marzu 2018.

 

[1] Kien hemm sitt Segretarji Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea: ħamest irġiel u mara. Tnejn minnhom kienu Netherlandiżi, żewġ Irlandiżi, wieħed Ingliż u ieħor Franċiż.

[2] S'issa, kien hemm 19-il raġel Kapijiet tal-Kabinett tal-President li minnhom ħamsa kienu Franċiżi, erba' Ġermaniżi, tlieta Belġjani, tnejn Lussemburgiżi, tnejn Taljani, wieħed Portugiż, wieħed Irlandiż u wieħed Ingliż.

IP/18/1004

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar