Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-importazzjonijiet tal-prodotti organiċi soġġetti għal sistema ġdida tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni elettronika

Brussell, it-18ta' april 2017

Minn għada, tibda tapplika sistema ġdida ta' ċertifikazzjoni elettronika sabiex jiġu mmonitorjati aħjar l-importazzjonijiet tal-prodotti organiċi. B'hekk, l-UE se ssir mexxejja globali fit-traċċabbiltà u fil-ġbir ta' dejta affidabbli dwar il-kummerċ f'dawn il-prodotti.

Din is-sistema ta' ċertifikazzjoni elettronika hija pijuniera fil-qasam tagħha u se tikkontribwixxi għat-titjib tad-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza tal-ikel u għat-tnaqqis tal-frodi potenzjali. Se tnaqqas ukoll il-piż amministrattiv għall-operaturi u l-awtoritajiet, u tipprovdi dejta statistika wisq aktar komprensiva dwar l-importazzjonijiet organiċi.

Sew il-karti sew iċ-ċertifikazzjoni elettronika se jintużaw għal perjodu ta' tranżizzjoni ta' 6 xhur. Mid-19 ta' Ottubru 2017, l-importazzjonijiet organiċi se jkunu koperti biss miċ-ċertifikazzjoni elettronika.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Phil Hogan qal: “L-impenn tagħna lejn ċertifikazzjoni u miżuri ta' spezzjoni stretti huwa komponent importanti tal-istandards tal-UE għas-sikurezza tal-ikel. Dawn l-istandards għoljin għamluna l-aħjar indirizz fid-dinja għall-ikel, iżda rridu nkomplu nistinkaw biex insibu modi ġodda u aħjar biex nagħmlu dejjem aktar. Dawn ir-regoli l-ġodda se jtejbu t-traċċabbiltà tal-prodotti organiċi, li huwa suq importanti li qed jikber kulma jmur.”

F'termini prattiċi, il-bidliet se jeħtieġu ż-żieda ta' dawn iċ-ċertifikati ta' importazzjoni fis-sistema TRACES li hija s-sistema elettronika eżistenti tal-UE għat-traċċar tal-movimenti tal-prodotti tal-ikel madwar l-Unjoni. Is-sistema hija aċċessibbli 24/7 u hija magħrufa li tiffaċilita l-kummerċ billi tgħin lis-sħab kummerċjali u lill-awtoritajiet kompetenti jiksbu faċilment l-informazzjoni dwar il-movimenti tal-kunsinni tagħhom, kif ukoll billi tħaffef il-proċeduri amministrattivi. Wriet ukoll li hija għodda indispensabbli li tiffaċilita r-reazzjoni rapida għat-theddidiet għas-saħħa billi tittraċċa l-movimenti tal-kunsinni u tiffaċilita l-ġestjoni tar-riskju tal-kunsinni rrifjutati.

Sfond

Wara rakkomandazzjonijiet mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u talba mill-Istati Membri biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-monitoraġġ tal-movimenti tal-prodotti organiċi u l-konsistenza tal-verifiki tal-importazzjoni, ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jtejbu t-traċċabbiltà tal-prodotti organiċi u li jnaqqsu l-frodi potenzjali.

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1842 ġie ppubblikat fl-14 ta' Ottubru 2016, u emenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 fir-rigward taċ-ċertifikat elettroniku ta' spezzjoni għall-prodotti organiċi importati u ċertu elementi oħra, u r-Regolament (KE) Nru 889/2008 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-prodotti organiċi preservati jew proċessati u t-trażmissjoni tal-informazzjoni.

Għal Aktar Informazzjoni

Aktar dwar il-biedja organika fl-UE

IP/17/963

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar