Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Riżervazzjoni tal-vaganzi onlajn: Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur jaġixxu dwar is-siti ta' riżervazzjoni tal-ivvjaġġar qarrieqa

Brussell, is-7ta' april 2017

Filwaqt li r-riżervazzjonijiet onlajn ta' lukandi u titjiriet qed isiru dejjem iktar komuni, il-konsumaturi qed jiltaqgħu ma' għadd dejjem jikber ta' problemi bis-servizzi tal-ivvjaġġar onlajn. Dawn is-servizzi huma fost l-iktar ilmenti frekwenti mill-konsumaturi skont iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumatur nedew monitoraġġ ikkoordinat ta' 352 sit tat-tqabbil tal-prezzijiet u tar-riżervazzjoni tal-ivvjaġġar madwar l-UE f'Ottubru 2016. Huma sabu li l-prezzijiet f'235 sit ma kinux affidabbli. Dan jammonta għal żewġ terzi tas-siti vverifikati. Pereżempju, inżdiedu elementi addizzjonali fil-prezzijiet fi stadju iktar avvanzat tal-proċess tar-riżervazzjoni mingħajr ma l-konsumatur ikun infurmat biċ-ċar jew kellhom prezzijiet promozzjonali li ma kienu jikkorrispondu mal-ebda servizz disponibbli.

L-awtoritajiet talbu lis-siti kkonċernati biex jikkonformaw il-prattiki tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur, li titlob li jkunu kompletament trasparenti dwar il-prezzijiet u li jippreżentaw l-offerti tagħhom b'mod ċar minn stadju bikri fil-proċess ta' riżervazzjoni.

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, qalet: "L-internet jipprovdi ħafna informazzjoni lill-konsumaturi biex iħejju, iqabblu u jirriżervaw il-vaganzi tagħhom. Madankollu, jekk l-opinjonijiet tal-konsumaturi preċedenti fuq is-siti ta' tqabbil ma jkunux imparzjali jew il-prezzijiet ma jkunux trasparenti, dawn is-siti jkunu qed iqarrqu bil-konsumaturi. Hemm bżonn li l-kumpaniji kkonċernati jirrispettaw ir-regoli Ewropej dwar il-konsumatur, bl-istess mod li jirrispettahom aġent tal-ivvjaġġar. L-awtoritajiet tal-konsumatur issa se jitolbu lis-siti jsolvu dawn il-problemi. Il-konsumaturi ħaqqhom l-istess protezzjoni fuq l-internet bħalma jkollhom bnadi oħra."

Konstatazzjonijiet ewlenin

  • Dak li taħseb li se tħallas huwa l-istess bħal li tispiċċa tħallas fir-realtà? F'terz tal-każijiet, il-prezz muri l-ewwel ma kienx l-istess bħall-prezz finali.
  • Hija offerta jew lixka biss? Fi kwint tal-każijiet, l-offerti promozzjonali ma kinux verament disponibbli.
  • Tħawwadt jien jew ħawdu l-prezz? Fi kważi terz tal-każijiet il-prezz totali, jew kif kien ikkalkulat, ma kienx ċar.
  • L-aħħar kamra rħisa fil-lukanda jew sempliċiment l-aħħar kamra rreklamata fuq dak is-sit? F'każ minn kull erbgħa, is-siti ma speċifikawx li d-dikjarazzjonijiet dwar l-iskarsezza (eż. "fadal 2 biss", "disponibbli llum biss") kienu japplikaw strettament għas-sit tagħhom biss.

Il-passi li jmiss

In-netwerk tal-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) se jikkuntattja l-235 sit b'irregolaritajiet u se jitlobhom jirranġawhom. F'każ li dan ma jagħmluhx, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiftħu proċedimenti amministrattivi jew legali, direttament jew permezz tal-qrati nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali applikabbli.

Sfond

Monitoraġġ tas-siti mal-UE kollha ("sweep") huwa sett ta' verifiki li jsiru simultanjament mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur f'pajjiżi differenti. Dawn il-verifiki jiżvelaw jekk il-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE humiex qed jiġu rrispettati. Jekk il-verifiki jsibu ksur tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur, l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur jikkuntattjaw lill-kumpaniji involuti u jitolbuhom jirranġawhom. Azzjonijiet "sweep" preċedenti s'issa ffukaw fuq: il-linji tal-ajru (2007), il-kontenut ta' apparati mobbli (2008), il-prodotti elettroniċi (2009), il-biljetti onlajn (2010), il-kreditu għall-konsumatur (2011), il-kontenuti diġitali (2012), is-servizzi tal-ivvjaġġar (2013), il-garanziji fuq il-prodotti elettroniċi (2014) u d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur (2015).

Kull sena l-Kummissjoni tikkoordina l-monitoraġġ ta' siti għal settur partikolari, bl-għajnuna tan-netwerk ta' Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) li jiġbor flimkien l-awtoritajiet tal-konsumaturi ta' 28 pajjiż (26 pajjiż tal-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda). L-awtoritajiet huma responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

Ir-riżultati tal-monitoraġġ fl-2016 tas-siti ta' tqabbil u ta' riżervazzjoni tal-ivvjaġġar 

L-awtoritajiet tas-CPC ta' 28 pajjiż (26 pajjiż tal-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda) ivverifikaw total ta' 352 sit li jqabbel l-offerti u l-prezzijiet, l-iktar fis-settur tal-ivvjaġġar.

Mill-għadd totali ta' siti, 23.6% qabblu l-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, 21.3% qabblu l-prezzijiet tal-biljetti (tal-ajru, tal-vapuri, tal-ferrovija, tal-karozzi tal-linja), 5.1% qabblu l-prezzijiet tal-kiri tal-karozzi, filwaqt li

44.6% offrew tqabbil ikkombinat ta' prodotti u servizzi (biljetti, akkomodazzjoni, pakketti tal-ivvjaġġar, eċċ.).

Il-monitoraġġ żvela sensiela ta' irregolaritajiet fl-għodod tat-tqabbil onlajn. L-irregolaritajiet ewlenin kienu relatati mal-prezz u mal-mod kif jiġi kkalkulat u ppreżentat:

  • fi 32.1% tal-każijiet, il-prezz fil-paġna tal-lista tat-tqabbil ma kienx l-istess bħall-prezz muri finalment fil-paġna tar-riżervazzjoni;
  • fi 30.1% tas-siti, il-prezz totali (inklużi t-taxxi) jew il-mod kif ġie kkalkulat ma kienx ċar;
  • 20.7% tas-siti ppreżentaw prezzijiet speċjali, li mbagħad ma kinux disponibbli kif irreklamat fil-paġna tar-riżervazzjoni;
  • 25.9% tas-siti taw l-impressjoni li ċerti offerti kienu skarsi (eż. "fadal 2 biss", "disponibbli llum biss") mingħajr ma speċifikaw li dik l-iskarsezza kienet tapplika strettament għas-sit tagħhom.

Irregolaritajiet oħrajn identifikati mill-awtoritajiet tas-CPC kienu relatati ma':

  • l-identità tal-fornitur tal-għodda tat-tqabbil: 22.7% biss taw informazzjoni limitata (eż. l-isem, l-indirizz tal-istabbiliment), filwaqt li 4% ma pprovdew l-ebda informazzjoni;
  • il-proċess ta' opinjonijiet minn konsumaturi preċedenti: 21.3% tas-siti ppreżentaw opinjonijiet minn konsumaturi preċedenti b'mod li la kien ċar u lanqas trasparenti (u/jew inkludew elementi li setgħu joħolqu dubju dwar il-veriċità tagħhom);
  • il-kopertura tat-tqabbil: 10.5% tas-siti ma pprovdewx informazzjoni materjali li kienet importanti għat-tqabbil.

L-inqas kwistjoni problematika kienet il-preżentazzjoni tar-reklami u l-kummerċjalizzazzjoni. Dan it-tip ta' irregolarità nstab fi 2.8% tas-siti biss.

 

Għadd ta' siti vverifikati waqt l-isweep u ta' siti mmarkati għal investigazzjoni ulterjuri

 

Graff1

 

Għadd ta' siti vverifikati skont it-tip ta' Għodda tat-Tqabbil

Graff2

 

Għadd ta' siti vverifikati skont it-tip ta' servizz/prodott imqabbel

 

Graff3

 

 

Għal aktar tagħrif

Il-monitoraġġ tas-siti web mal-UE kollha (SWEEPS)

Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur

Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet

 

IP/17/844

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar