Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Rapport ġdid jenfasizza kif il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE ttejjeb l-ambjent tal-investiment fl-Ewropa

Brussell, il-31ta' marzu 2017

Wieħed mill-elementi ewlenin tar-riforma tal-Politika ta' Koeżjoni għall-2014-20 kienet l-introduzzjoni ta' prekundizzjonijiet biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirċievu flus mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

L-ewwel evalwazzjoni li ġiet ippubblikata llum turi li dan il-pass addizzjonali huwa ta' valur kbir, u li l-prekundizzjonijiet taw prova li huma inċentiv qawwi biex l-Istati Membri u r-reġjuni jagħmlu riformi li altrimenti kienu jiddewmu jew mhux neċessarjament jiġu implimentati.

Il-prekundizzjonijiet għal investimenti b'suċċess (jew “il-kundizzjonalitajiet ex-ante”) ikopru firxa wiesgħa ta' setturi, inkluża l-konformità mal-effiċjenza fl-enerġija, l-innovazzjoni, il-pjani diġitali u r-riformi fl-edukazzjoni. Kienu inklużi fil-Politika ta' Koeżjoni riformata biex jiġi żgurat li jkun hemm infieq san u effettiv.

Il-Kummissarju tal-Politika Reġjonali Crețu qalet: “Dan ir-rapport juri li l-prekundizzjonijiet tejbu l-qafas li fih jopera l-baġit tal-UE. Billi rbatna r-riċezzjoni tal-fondi tal-UE mal-implimentazzjoni ta' bidliet strutturali ewlenin mhux biss tajna kontribut għall-garanzija li jkun hemm investimenti pubbliċi sani. Qegħdin ukoll ngħinu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja madwar l-UE, filwaqt li nistabbilixxu l-kundizzjonijiet it-tajba għat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol, f'konformità mal-objettivi tal-Pjan ta' Investiment tal-President Juncker.”

Dawn il-prekundizzjonijiet jgħinu biex jiġi indirizzat l-istaġnar fl-investiment.

Ħafna minnhom jindirizzaw kemm l-ostakoli orizzontali kif ukoll dawk settorjali li jservu ta' xkiel għall-investiment fl-UE. Meta jagħmlu dan, jgħinu biex jiġi approfondit is-Suq Uniku u fit-twettiq tal-Pjan ta' Investiment, permezz tat-Tielet Pilastru tiegħu.

Pereżempju huma saħħew il-formati istituzzjonali u kienu ta' għajnuna fl-istabbiliment ta' proċeduri trasparenti fil-qasam tal-akkwist pubbliku, jew inkella daħħlu obbligi biex l-Istati Membri itejbu u jissimplifikaw l-ambjent regolatorju u ta' politika għal negozji żgħar. Pereżempju ġew stabbiliti miżuri sabiex jitnaqqsu ż-żmien u l-ispejjeż involuti meta jiġi stabbilit negozju. F'Malta, il-Portugall u s-Slovenja ddaħħlu “Testijiet tal-SMEs” biex jiġi mmonitorjat l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-SMEs.

Fis-settur diġitali, il-prekundizzjonijiet obbligaw l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu sensiela ta' proġetti ta' prijorità, f'konformità mal-objettivi dwar it-tixrid tal-broadband tas-Suq Uniku Diġitali. Dan huwa kif il-prekundizzjonijiet dwar “it-tkabbir diġitali” xprunat l-adozzjoni ta' strateġija riveduta għat-tkabbir diġitali fil-Greċja

Huma ta' sostenn għal bidliet strutturali u l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (Country Specific Recommendations - CSRs)

Dawn il-prekundizzjonijiet wasslu biex sar tibdil leġiżlattiv f'ħafna oqsma ta' politika - l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, is-saħħa jew l-inklużjoni soċjali, biex insemmu biss xi wħud.

Fil-Kroazja, il-Bulgarija u r-Rumanija, il-pjani għall-infrastruttura tal-kura tas-saħħa li ġew żviluppati biex titwettaq il-prekundizzjoni li tolqot is-settur ”saħħa” indirizzaw CSRs differenti fejn tidħol il-kosteffiċjenza tal-infieq, l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza ġenerali tas-settur tal-kura tas-saħħa.

Huma jaċċelleraw it-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE

Fir-Repubblika Ċeka, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja, it-twettiq tal-prekundizzjonijiet tal-”effiċjenza enerġetika” tat imbuttatura sinifikanti lit-traspożizzjoni malajr tad-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Bini. F'għadd ta' Stati Membri, bħal fl-Ungerija, il-kundizzjoni dwar is-settur “ilma” xprunat lill-awtoritajiet biex japplikaw politika dwar il-prezz tal-ilma għas-settur agrikolu, u pprovdew inċentiv għall-bdiewa biex jużaw ir-riżorsi tal-ilma b'mod aktar effiċjenti.

Jgħinu biex is-sostenn mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, u minn finanzi pubbliċi oħra, ikun immirat aħjar.

Ħafna mill-prekundizzjonijiet kienu jinkludu l-obbligu li s-sostenn mill-Fondi tal-UE jkun jiffurma parti minn oqsfa ta' investiment strateġiku. Dawn l-oqsma, imfassal b'mod li jilħqu ċerti kriterji ta' kwalità, ibbażati fuq analiżi tal-ħtiġijiet u li jinkludu miżuri biex jiġi attirat l-investiment mill-privat, kienu jinkludu ffinanzjar mill-UE, nazzjonali u reġjonali u wasslu għal infiq pubbliku kkoordinat u prijorizzat aħjar kumplessivament.

Fil-Portugall, il-prekundizzjoni “Riċerka u innovazzjoni” (R&I)” daħħlet l-obbligu li jiġu adottati strateġiji intelliġenti ta' speċjalizzazzjoni nazzjonali u reġjonali. Dan kien ta' għajnuna biex l-infiq pubbliku fir-R&I jiġi ffukat fuq għadd limitat ta' oqsma kompetittivi kruċjali u sabiex jiġu identifikati opportunitajiet għal sħubija bejn id-dinja akkademika u n-negozji innovattivi.

Isaħħu l-kapaċità amministrattiva u l-komunikazzjoni bejn il-livelli kollha tal-governanza

Amministrazzjoni pubblika effiċjenti hija ċ-ċavetta għas-suċċess tal-investimenti pubbliċi u tal-UE. Meta l-prekondizzjonijiet kienu jitolbu b'mod speċifiku t-tisħiħ u r-riforma tal-amministrazzjonijiet, il-proċess innifsu tat-twettiq tagħhom wassal għal koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejn il-ministeri, l-aġenziji, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u entitajiet interessati oħra.

Fir-reġjun Franċiż ta' Auvergne, fil-qafas tal-prekundizzjoni “R&I”, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u n-negozji lokali kienu involuti flimkien, għall-ewwel darba, fit-tfassil ta' strateġija ta' innovazzjoni reġjonali.

Il-passi li jmiss

Ir-rapport juri li hemm lok ta' titjib - għandhom il-prekundizzjonijiet jitfasslu aktar skont il-bżonnijiet tal-Istati Membri u r-reġjuni? Kif nistgħu niżguraw li jitwettqu matul il-perjodu sħiħ ta' finanzjament? Dawn huma kwistjonijiet ċentrali li se jimbuttaw id-diskussjoni dwar il-Politika ta' Koeżjoni għal wara l-2020.

Sfond

L-introduzzjoni ta' prekundizzjonijiet għal investimenti ta' suċċess kienet waħda mill-innovazzjonijiet ċentrali tal-Politika ta' Koeżjoni Riformata (ara MEMO/13/1011).

Illum, l-Istati Membri jissodisfaw 86% minn dawn il-prekundizzjonijiet. L-Istati Membri għandhom sas-sajf tal-2017 biex jirrappurtaw dwar it-twettiq tal-prekundizzjonijiet pendenti.

Aktar informazzjoni

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal - il-Valur Miżjud tal-kundizzjonalitajiet ex-ante fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

Il-kundizzjonalità ex ante — id-definizzjoni fuq is-sit web tal-Inforegio

Il-Pjattaforma Miftuħa ta' Data dwar il-Koeżjoni

IP/17/781

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar