Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ES IT EL SL HR AR SQ

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tiżgura impenn ta' għaxar snin biex jiġu salvati l-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran

Brussell, it-30ta' marzu 2017

Wara xhur ta' negozjati, illum il-Kummissjoni Ewropea żgurat impenn ta' għaxar snin biex jiġu salvati l-istokkijiet tal-ħut tal-Mediterran u jitħares il-ġid ekoloġiku u ekonomiku tar-reġjun.

Id-Dikjarazzjoni MedFish4Ever ta' Malta, eżempju prattiku tas-suċċess tal-politika tal-viċinat tal-UE, tistabbilixxi programm ta' ħidma dettaljat għal dawn l-għaxar snin li ġejjin, ibbażat fuq miri ambizzjużi iżda realistiċi. Aktar minn 300 000 ruħ jaħdmu direttament fuq bastimenti tas-sajd fil-Mediterran, filwaqt li ħafna aktar impjiegi indiretti jiddependu mis-settur. Id-Dikjarazzjoni ġiet iffirmata minn rappreżentanti ministerjali tal-Mediterran, kemm fil-kosti tat-Tramuntana kif ukoll tan-Nofsinhar, firma li tagħti appartenenza politika għal kwistjoni li sa issa kienet ġestita fil-livell tekniku. Dan huwa r-riżultat ta' proċess immexxi mill-Kummissjoni Ewropea li beda f'Katanja, fi Sqallija fi Frar 2016..

Il-Kummissarju responsabbli mill-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella qal: “Illum qed niktbu l-istorja. Permezz tal-iffirmar tad-Dikjarazzjoni MedFish4Ever ta' Malta, qed naffermaw ir-rieda politika tagħna li nwettqu azzjonijiet konkreti: relatati mas-sajd u ma' attivitajiet oħra li għandhom impatt fuq ir-riżorsi tas-sajd, fuq l-ekonomija blu, fuq l-inklużjoni soċjali, u fuq is-solidarjetà bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Nittama li din id-dikjarazzjoni titqies bħala mument deċiżiv – għal futur aħjar kemm għas-sajjieda u l-komunitajiet kostali kif ukoll għar-riżorsi tas-sajd.”

L-impenji magħmula mill-firmatarji jinkludu:

-  Sal-2020, ikun żgurat li l-istokkijiet ewlenin kollha fil-Mediterran ikunu soġġetti għall-ġbir adegwat tad-dejta u tiġi vvalutata b'mod xjentifiku b'mod regolari. B'mod partikolari s-sajjieda fuq skala żgħira se jkollhom rwol akbar fil-ġbir tad-dejta meħtieġa sabiex jissaħħaħ l-għarfien xjentifiku;

-  L-istabbiliment ta' pjan ta' ġestjoni pluriennali għas-sajd ewlieni kollu. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni diġà bdiet dan il-proċess bil-proposta tagħha għal pjan pluriennali għas-sajd għal stokkijiet pelaġiċi żgħar fil-Baħar Adrijatiku;

-  Sal-2020 jiġi eliminat is-sajd illegali billi jiġi żgurat li l-Istati kollha jkollhom il-qafas legali u l-kapaċitajiet umani u tekniċi meħtieġa biex ikunu konformi mar-responsabbiltajiet tagħhom ta' kontroll u ta' spezzjoni. Il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) se tmexxi l-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali ta' kontroll u ta' sanzjonar;

-  L-appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira u l-akkwakultura sostenibbli permezz tas-simplifikazzjoni tal-iskemi ta' finanzjament għal proġetti lokali bћall-aġġornament tal-flotta, l-użu ta' tekniki u rkapti tas-sajd b'impatt baxx, l-inklużjoni soċjali u l-kontribut tas-sajjieda għall-protezzjoni ambjentali.

L-implimentazzjoni effettiva tad-dikjarazzjoni se ssir possibbli billi jiġu involuti fil-proċess is-sajjieda, kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa, il-komunitajiet kostali, is-soċjetà ċivili, is-sajd industrijali, fuq skala żgħira, artiġjanali u rikreattiv, kif ukoll l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU u l-GFCM. Id-dikjarazzjoni tal-lum hija kontribut ieħor għall-impenji internazzjonali tal-UE skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (L-għan 14: “Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli”).

Sfond

Il-baħar Mediterran huwa baċir tal-baħar uniku, ikkaratterizzat mill-kosta estensiva tiegħu u minn settur tas-sajd li jipprovdi impjiegi għal aktar minn 300 000 ruħ. 80 % tal-flotta tiegħu tappartjeni lis-sajjieda ta' skala żgħira (bastimenti b'tul ta' anqas minn 10 m), li jistadu kwart tal-qabdiet totali. Dawn l-impjiegi jinsabu f'riskju hekk kif l-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran qed jonqsu: madwar 90 % tal-istokkijiet stmati huma sfruttati żżejjed. Is-sigurtà tal-ikel, l-għajxien, u l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali jinsabu kollha taħt theddida.

Id-dikjarazzjoni tal-lum hija r-riżultat tal-hekk imsejjaħ proċess ta' Katanja, imniedi mill-Kummissarju Vella fi Frar tas-sena l-oħra u li jinvolvi l-kooperazzjoni produttiva mal-partijiet ikkonċernati, mas-Segretarjat tal-GFCM, mal-Istati Membri tal-UE u mal-pajjiżi terzi. Stadji importanti jinkludu l-ewwel konferenza ministerjali tas-sajd tal-Ministri tas-Sajd tal-Mediterran f'April 2016, is-sessjoni annwali tal-GFCM f'Ġunju 2016, u l-laqgħa intersessjonali tal-GFCM f'Settembru 2016.

Dawn il-partijiet li ġejjin kienu rrappreżentati waqt il-Konferenza Ministerjali MedFish4Ever ta' Malta: Il-Kummissjoni Ewropea, tmien Stati Membri (Spanja, Franza, l-Italja, Malta, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Greċja, Ċipru), seba' pajjiżi terzi (il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, l-Eġittu, it-Turkija, l-Albanija, il-Montenegro), il-FAO, il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Konsultattiv tal-Mediterran tal-UE.

Għal Aktar Informazzjoni

Dikjarazzjoni MedFish4Ever ta' Malta

Il-kampanja #MedFish4Ever

IP/17/770

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar