Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ix-xiri online u s-soluzzjoni online tat-tilwim: 24,000 konsumatur użaw il-pjattaforma Ewropea ġdida fl-ewwel sena

Brussell, I-24ta' marzu 2017

Filwaqt li hemm regoli b'saħħithom fis-seħħ fl-UE sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, fil-prattika l-konsumaturi kultant jiltaqgħu ma' problema biex jieħdu rimedju meta jinkisrulhom drittijiethom, b'mod partikulari transfruntier.

Meta l-konsumaturi jkunu xtraw online, għandhom ikunu jistgħu jsolvu problemi bħal dawn online. Sew jekk bejjiegħ jirrifjuta li jsewwi laptop difettuż fil-perjodu tal-garanzija, jew aġent tal-ivvjaġġar jirrifjuta li jirrifondi vaganza mħarbta, dawn it-tilwimiet għandhom ikunu solvuti b'mod iktar rapidu u rħis online u barra mill-qorti, permezz ta' pjattaforma ta' Soluzzjoni Online tat-Tilwim (Online Dispute Resolution - ODR), varata mill-Kummissjoni fil-15 ta' Frar 2016.

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, qalet: “Filwaqt li għadna f'fażi bikrija ta' din l-għodda ġdida, nistgħu ngħidu diġà li l-pjattaforma għas-Soluzzjoni Online tat-Tilwim ġiet milqugħha tajjeb mill-konsumaturi. Naraw ukoll li l-fatt biss ta' konsumatur li juża l-pjattaforma ta' spiss huwa inċentiv biżżejjed għal negozjanti biex isolvu t-tilwima. Qed nagħtu lill-konsumaturi għodda prattika sabiex ngħinuhom jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fil-prattika. Min-naħa tagħhom, in-negozjanti għandhom ħafna x'jiggwadanjaw minn din il-pjattaforma u għandhom jużawha iktar. B'mod partikulari għal negozjanti online huwa essenzjali li konsumaturi potenzjali jaraw li huma ta' min joqgħod fuqhom. Billi jużaw din l-għodda se jirbħu l-fiduċja tal-konsumatur, filwaqt li jkollhom mezz sempliċi u rapidu ta' kif isolvu t-tilwim.”

Fl-ewwel sena tagħha, ġew ippreżentati 24,000 ilment tal-konsumaturi. Iktar minn terz tal-ilmenti kienu jikkonċernaw xirjiet transfruntier fl-UE. Il-maġġoranza tal-ilmenti kienu dwar ħwejjeġ u żraben, biljetti tal-linji tal-ajru u oġġetti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Eżempji

  • Konsumatur mill-Italja lmenta dwar prodott difettuż tal-ICT li xtara minn negozjant online mill-Belġju. Il-pjattaforma bagħtet l-ilment lill-korp kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-Belġju. B'riżultat, il-konsumatur Taljan ġie rimborżat.
  • Konsumatur mil-Lussemburgu lmenta dwar karozza li kera online minn negozjant fil-Greċja. Il-pjattaforma bagħtet l-ilment lill-korp kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-Greċja. It-tilwima ġiet solvuta amikevolment f'temp ta' 60 jum. In-negozjant irrimborża b'mod sħiħ l-ispejjeż addizzjonali mġarrba mill-konsumatur.
  • Il-pjattaforma ta' spiss taħdem ukoll bħala mezz tal-ewwel kuntatt bejn il-partijiet u s-soluzzjoni ta' spiss tinstab bilateralment mingħajr ma l-ilment jittieħed f'korp għas-soluzzjoni tat-tilwim. Pereżempju, konsumatur Belġjan kien ilu xhur jilmenta dwar dryer difettuża ma' negozjant Belġjan, mingħajr ebda suċċess. Meta n-negozjant irċieva l-ilment permezz tal-pjattaforma, huwa kkuntattja lill-konsumatur u offra li jagħtih dryer ġdida.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tipprepara l-ewwel rapport dettaljat dwar il-funzjonament tal-pjattaforma lejn l-aħħar tal-2017. Hija qed tippjana iktar attivitajiet fl-2017 sabiex tinvolvi iktar negozjanti u tippromwovi iktar il-pjattaforma fost il-konsumaturi. Il-Kummissjoni se ttejjeb iktar ukoll l-faċilità ta' użu tal-pjattaforma u tosserva bir-reqqa jekk in-negozjanti jikkonformawx mal-obbligu tagħhom li jpoġġu link għall-pjattaforma fuq is-sit web tagħhom.

Sfond

Il-pjattaforma tas-Soluzzjoni Online tat-Tilwim tista' tiġi aċċessata bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. Il-pjattaforma tibgħat tilwimiet ippreżentati lilha lil korpi alternattivi ta' soluzzjoni tat-tilwim iċċertifikati li jirrispettaw ir-rekwiżiti vinkolanti ta' kwalità fil-livell tal-UE. S'issa, 260 korp alternattiv ta' soluzzjoni tat-tilwim (ADR) kienu rreġistrati fuq il-pjattaforma.

Il-pjattaforma tal-ODR hija bbażata fuq ir-Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi li jirrikjedi lill-Kummissjoni li tistabbilixxi u topera l-pjattaforma bħala għodda tal-IT multilingwa ibbażata fuq il-web. Ir-Regolament jistipula wkoll li l-Istati Membri jaħtru punti ta' kuntatt biex jgħinu lill-utenti tal-pjattaforma. Negozjanti online huma mitluba li jipprovdu link għall-pjattaforma u jiddikjaraw l-indirizz elettroniku tagħhom fuq is-sit web tagħhom.

Ir-Regolament jibni fuq id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi. Id-Direttiva tiżgura li l-konsumaturi fl-UE jistgħu jirrikorru għal korpi alternattivi ta' soluzzjoni tat-tilwim ċertifikati meta jkollhom problema ma' negozjant dwar ix-xiri ta' prodott jew servizz prattikament fis-setturi tal-bejgħ kollha – u ma jimpurtax fejn (jekk hux domestikament jew transfruntier) u kif (online jew offline) sar ix-xiri. Il-korpi tal-ADR ċertifikati jeħtieġ li jirrispettaw rekwiżiti vinkolanti ta' kwalità. L-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu listi nazzjonali ta' korpi tal-ADR ċertifikati u jibagħtu dawk il-listi lill-Kummissjoni. Taħt ċerti kundizzjonijiet, in-negozjanti jeħtiġilhom jgħarrfu lill-konsumaturi dwar l-korp tal-ADR li huma koperti minnu.

Sa llum, 27 Stat Membru kkomunikaw mal-Kummissjoni li implimentaw b'mod sħiħ id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi. 24 Stat Membru bagħtu l-lista nazzjonali tagħhom ta' korpi tal-ADR. 27 Stat Membru ħatru l-punt ta' kuntatt tal-ODR nazzjonali tagħhom.

In-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein se jidħlu fil-pjattaforma matul dis-sena.

Għal aktar tagħrif

 

 

IP/17/727

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar