Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-Trattati ta' Ruma wara 60 sena: Il-Kummissjoni tfakkar il-kisbiet tal-Ewropa u tmexxi d-diskussjoni dwar il-futur tas-27 SM

Brussell, I-24ta' marzu 2017

Fil-25 ta' Marzu, il-mexxejja tal-UE se jiltaqgħu f'Ruma biex jiċċelebraw is-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma, li ġew iffirmati f'dan il-jum fl-1957.

Il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, se jieħu sehem fis-Summit ta' Ruma, fejn qed jiġu organizzati għadd ta' avvenimenti biex ifakkru l-okkażjoni u biex issir riflessjoni dwar il-futur komuni tal-Ewropa.

It-Trattati ta' Ruma — iffirmati mis-sitt Stati Membri fundaturi — wittew it-triq għall-Unjoni Ewropea li nafu llum: kontinent ta' sliem magħqud mill-ġdid, fuq is-sisien tal-valuri tas-solidarjetà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Is-Suq Uniku jiżgura l-libertà tal-għażla u tal-moviment, tkabbir ekonomiku u prosperità għal 500 miljun ċittadin. L-UE hi l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja u l-ikbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja. Dan l-anniversarju huwa mument biex inħarsu lura lejn il-kisbiet kollettivi tagħna u biex niddiskutu l-futur tal-UE b'27 SM. Wara l-preżentazzjoni tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Ewropa, il-mexxejja tal-UE huma mistennija jadottaw id-Dikjarazzjoni ta' Ruma, li se tkun tinkludi l-kisbiet tal-imgħoddi tal-Unjoni, l-isfidi tal-lum u l-wegħda għal ħidma favur l-għaqda tas-27 SM u tissaħħaħ l-azzjoni komuni fl-oqsma ta' politika ewlenin, għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker qal: “Il-ġenituri u nanniet tagħna waqqfu din l-Unjoni b'viżjoni waħda komuni: qatt aktar ma rridu gwerer. Kienu jemmnu bis-sod li l-fatt li nwaqqgħu i-fruntieri, naħdmu flimkien - mhux kontra xulxin - se jagħmilna lkoll aktar f'saħħitna. L-istorja wriet li kellhom raġun. Għal 60 sena, il-valuri li fuqhom hija mibnija din l-Unjoni dan ma nbidlux: il-paċi, il-libertà, it-tolleranza, is-solidarjetà u l-istat tad-dritt jorbtuna u jgħaqqduna. M'għandhomx jittieħdu bħala xi ħaġa fatta u għandna niġġieldu għalihom kuljum. Id-demokrazija tagħna, id-diversità tagħna u l-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti u ħielsa tagħna huma l-pilastri tas-saħħa tal-Ewropa - l-ebda individwu jew istituzzjoni ma huma 'l fuq mil-liġi. L-Unjoni Ewropea bidlet ħajjitna għall-aħjar. Għandna niżguraw li tkompli tagħmel dan għal dawk li ġejjin warajna. Għalissa, kull triq twassal għal Ruma. Wara Ruma u tkun kif tkun il-mogħdija, hemm direzzjoni waħda biss 'il quddiem: l-għaqda Ewropea.”

Fl-1 ta' Marzu, qabel is-Summit ta' Ruma, il-Kummissjoni nediet dibattitu pan-Ewropew bil-White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa, li se jippermetti liċ-ċittadini u lill-mexxejja biex isawru l-viżjoni tal-UE b'27 SM. Il-White Paper tistabbilixxi x-xenarji possibbli għall-ġejjieni tal-Ewropa. Wara l-laqgħa informali tas-27 Kap ta' Stat jew ta' Gvern fl-10 ta' Marzu fi Brussell, is-Summit ta' Ruma huwa l-opportunità li jmiss tal-mexxejja tal-UE sabiex din id-diskussjoni tkompli timxi 'l quddiem. F'Ruma, il-mexxejja ser jiffirmaw dikjarazzjoni ta' Ruma, imħejjija b'mod konġunt mill-Presidenti Tusk u Juncker u l-Prim Ministri Muscat u Gentiloni.

Id-dikjarazzjoni ta' Ruma timmarka l-bidu ta' proċess. Wara s-Summit ta' Ruma, il-Kummissjoni se tippreżenta serje ta' dokumenti ta' riflessjoni dwar kwistjonijiet ewlenin għall-Ewropa: (1) l-iżviluppar tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa; (2) l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; (3) l-isfruttar tal-globalizzazzjoni; (4) il-futur tad-difiża tal-Ewropa u (5) il-futur tal-finanzi tal-UE. Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker f'Settembru tal-2017 se jagħti spinta lil dawn l-ideat qabel ma jkunu jistgħu jinsiltu l-ewwel konklużjonijiet fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2017. Dan se jgħin biex tittieħed deċiżjoni dwar pjan ta' azzjoni li għandu jiġi varat fil-ħin għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Ġunju 2019.

Fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni se torganizza dibattiti pubbliċi mal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, kif ukoll il-konsultazzjonijiet online, sabiex iċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jistgħu jieħdu sehem u jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa permezz tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u sit web apposta, li se tiġi mnedija fil-25 ta' Marzu. Dawn huma wħud mill-punti importanti tal-proċess tal-White Paper.

L-avvenimenti tal-Kummissjoni f'Ruma

F'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni qed torganizza bosta avvenimenti ta' livell għoli f'Ruma biex tfakkar l-anniversarju u tiddiskuti l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni tal-Ewropa.

  • Il-Jum Diġitali (23/03), Palazzo Doria Pamphilj: Il-Viċi President Andrus Ansip u l-Kummissarju Günther Oettinger ilaqqgħu flimkien il-ministri tal-UE u mal-mexxejja tal-industrija biex irawmu l-kooperazzjoni u jippreparaw aħjar lis-soċjetajiet tagħna u l-ekonomija sabiex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa. L-Istati Membri huma mistennija jagħmlu impenji dwar High-Performance Computing, mobilità konnessa, l-industrija tal-informatika u l-impjiegi fl-informatika.
  • Seminar Jean Monnet "The future of Europe: a commitment for You(th)" (23/03-24/03), Hotel Quirinale: Aktar minn 100 professur minn Jean Monnet, dawk li jfasslu l-politika, ġurnalisti, is-soċjetà ċivili, rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-istudenti ser jiddiskutu l-futur tal-UE u l-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jiġu involuti aktar fil-bini tal-proġett Ewropew.
  • Id-djalogu taċ-ċittadini (24/03), Acquario di Roma: Ir-rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini u Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta' Malta, li bħalissa għandha f'idejha l-Presidenza tal-Kunsill, se jkollhom Djalogu taċ-Ċittadini b'bosta mijiet ta' żgħażagħ Ewropej, inklużi l-istudenti tal-Erasmus li jkunu qegħdin jistudjaw f'Ruma.
  • Laqgħa mas-Sħab Soċjali (24/03), Palazzo Chigi: Il-President Juncker, il-Viċi President Dombrovskis, u l-Kummissarju Thyssen, flimkien lill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew se jiltaqgħu mat-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju f'avveniment ospitat tal-Prim Ministru Taljan.
  • Forum u kunċert (24/03), Università La Sapienza: "Happy birthday Europe – Changing course to Europe".
  • Kunċert mill-EU Youth Orchestra (25/03), Villa Medici:"The Sound of a Dream"..

Sfond:

It-Trattati ta' Ruma stabbilew suq komuni fejn il-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċirkolaw liberament u ħolqu l-kundizzjonijiet għall-prosperità u l-istabbiltà għaċ-ċittadini Ewropej. Fuq din il-bażi u l-valuri komuni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-Unjoni kibret u ġabet mill-ġdid l-għaqda tal-kontinent flimkien wara l-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin u żgurat il-prosperità, il-benesseri soċjali u ekonomiku, u s-sostenibbiltà għall-500 miljun ċittadin.

L-UE illum huwa l-post fejn l-Ewropej jistgħu jgawdu minn diversità unika ta' kultura, ideat u tradizzjonijiet. L-Ewropej fasslu rabtiet għal għomorhom ma' xulxin u jistgħu jivvjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-Ewropa hija pijunier għall-ugwaljanza bejn is-sessi, b'rata ta' impjieg tan-nisa li issa ogħla milli qatt kienet qabel. Bħalissa 6.5 miljun Ewropew qegħdin jaħdmu fi Stat Membru ieħor tal-UE. 1.7 miljun Ewropew jaqsmu l-fruntiera biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor kuljum. 9 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ibbenefikaw mill-programm Erasmus għal skambji edukattivi, vokazzjonali u professjonali.

Fl-2017, hekk kif qed niċċelebraw is-60 sena tat-Trattati nistgħu wkoll ngħidu għall-ewwel darba f'għaxar snin li t-tkabbir ekonomiku ġej lura f'kull Stat Membru. Il-euro – il-munita unika f'19 minn 28 pajjiż tal-UE – huwa użat minn 338.6 miljun ruħ kuljum. L-Unjoni Ewropea saret l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja. L-esportazzjonijiet totali tal-UE27 għandhom valur ta' EUR 5.8 triljun. Dan jirrappreżenta aktar minn terz tat-total dinji tal-esportazzjonijiet, aktar minn darbtejn u nofs l-esportazzjonijiet taċ-Ċina u aktar minn tliet darbiet dawk tal-Istati Uniti. L-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija għal 80 pajjiż. Kull EUR 1 biljun addizzjonali f'esportazzjonijiet jsostni 15,000 impjieg madwar l-UE.

Il-White Paper ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta' Marzu toffri ħames xenarji għall-evoluzzjoni tal-Unjoni sal-2025:

  • "Nibqgħu mexjin": L-UE27 tibqa' għaddejja bl-aġenda pożittiva ta' riforma tagħha;
  • "Xejn ħlief is-Suq Uniku": l-UE27 tiffoka fuq is-suq uniku hekk kif is-27 Stat Membru ma jkunux jistgħu jsibu qbil komuni dwar għadd dejjem jiżdied ta' oqsma ta' politika;
  • "Dawk Li Jridu Aktar, Jagħmlu Aktar": l-UE27 timxi 'l quddiem bħal ma tagħmel issa, iżda l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħdmu b'mod eqreb flimkien f'oqsma speċifiċi;
  • "Isir Anqas b'Mod Aktar Effiċjenti": iffukar fuq il-kisba ta' aktar u aktar malajr f'oqsma magħżula ta' politika, filwaqt li jsir inqas f'oħrajn;
  • "Nagħmlu Ferm Aktar Flimkien": L-Istati Membri jiddeċiedu li jaqsmu bejniethom aktar setgħat, riżorsi u teħid ta' deċiżjonijiet fil-firxa kollha ta' ħidmiethom.

Ix-xenarji jkopru firxa ta' possibbiltajiet u min-natura tagħhom huma deskrittivi. Huma la jeskludu lil xulxin u lanqas ma huma eżawrjenti.

Għal Aktar Tagħrif

Skeda informattiva: Il-proċess tal-White Paper

White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa

Sit Web: The EU at 60 inklużi avvenimenti fl-Istati Membri

Portal Awdjoviżiv: 60 video b'individwi jitkellmu dwar l-Ewropa

Il-Fuljett tal-Kummissjoni: “60 Raġuni Tajba għall-UE”

Il-Fuljett tal-EPSC: "L-Istorja Ewropea: 60 Sena ta' Progress Flimkien”

Webpage tas-SEAE: 60 Sena tal-UE fid-Dinja

Fold your own Origami EU60 Dove

Kompetizzjoni GIF GIFstory tal-UE

#EU60 #FutureOfEurope

IP/17/701

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar